MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Belarussja
8.9.2015 - (2015/2834(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Jiří Maštálka, Miloslav Ransdorf, Helmut Scholz, Kateřina Konečná f'isem il-Grupp GUE/NGL
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-UE ssospendiet ir-relazzjonijiet uffiċjali tagħha mal-awtoritajiet Belarussi wara l-elezzjonijiet parlamentari tal-2012, u billi ddaħħlu sanzjonijiet f'diversi stadji mill-2004 sal-lum b'reazzjoni għas-sitwazzjoni umana u demokratika fil-pajjiż;
B. billi l-Parlament Ewropew attwalment m'għandu ebda relazzjoni uffiċjali mal-Parlament Belarussu; billi d-djalogu parlamentari ġie sostitwit bi djalogu mas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari mar-rappreżentanti tal-oppożizzjoni politika;
C. billi f'Marzu 2012 il-Kummissjoni varat id-Djalogi Ewropej dwar il-Modernizzazzjoni mas-soċjetà Belarussa;
D. billi l-Gvern Belarussu esprima kontinwament l-interess tiegħu f'normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Unjoni Ewropea; billi r-relazzjonijiet bilaterali bejn ħafna Stati Membri u l-Belarussja tjiebu; billi l-Belarussja ffaċilitat in-negozjati dwar il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna li ġie ffirmat f'Minsk;
E. billi f'Marzu 2015, fil-kuntest tad-Djalogu dwar il-Modernizzazzjoni, l-UE u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Belarussja kellhom laqgħa li fiha – għall-ewwel darba mill-2009 – ġew diskussi kwistjonijiet, fosthom ir-riforma elettorali, il-ġudikatura u d-drittijiet tal-bniedem; billi l-Belarussja esprimiet id-disponibbiltà tagħha li terġa' tibda d-Djalogu bejn l-UE u l-Belarussja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u li tilqa' lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem;
F. billi fit-22 ta' Awwissu l-President tal-Belarussja, Alexander Lukashenko, ħareġ ordni "bbażata fuq il-prinċipju tal-umanitarjaniżmu" biex jinħelsu sitt priġunieri politiċi, inkluż l-ex kandidat presidenzjali tal-oppożizzjoni, Mikola Statkevich;
G. billi r-Rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, Miklós Haraszti, (A/HRC/29/43) żvela li ma kien hemm ebda titjib sinifikanti fis-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja;
H. billi l-Belarussja hija membru tal-Unjoni Ekonomika Ewro-Asjatika; billi r-Russja hija s-sieħeb kummerċjali ewlieni tal-Belarussja u jirrappreżenta kważi nofs il-kummerċ internazzjonali tal-Belarussja;
I. billi l-piena kapitali għadha tintuża fil-Belarussja, u billi fl-2014 tliet persuni nqatlu, filwaqt li tħabbret sentenza tal-mewt oħra fit-18 ta' Marzu 2015;
J. billi l-elezzjonijiet presidenzjali li jmiss huma skedati għall-15 ta' Novembru 2015;
1. Huwa tal-fehma li d-djalogu politiku bejn l-UE u l-Belarussja għandu jiġi żblukkat;
2. Huwa tal-fehma li l-politika ta' sanzjonijiet fil-fatt kienet kontroproduċenti u jappella biex is-sanzjonijiet jitneħħew mill-aktar fis possibbli;
3. Jitlob li jiġu stabbiliti relazzjonijiet parlamentari normali bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlament tal-Belarussja; huwa tal-fehma li dan huwa l-qafas xieraq għal djalogu komprensiv dwar kwistjonijiet ta' interess komuni, fosthom dawk fejn is-sħab ikollhom differenzi fundamentali;
4. Jistieden lill-awtoritajiet Belarussi joħolqu l-kundizzjonijiet għal elezzjonijiet presidenzjali liberi u ġusti; jissottolinja l-ħtieġa li l-forzi politiċi kollha jingħataw l-ispazju għal diskussjoni politika u li d-dritt għal-libertà ta' għaqda, ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni jiġi rispettat; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw it-trasparenza u l-parteċipazzjoni pubblika fil-proċessi elettorali u, b'mod partikolari:
(a) joħolqu kummissjonijiet elettorali indipendenti u magħmula b'mod pluralistiku;
(b) jiżguraw għadd tal-voti trasparenti fl-elezzjonijiet, inkluża osservazzjoni sħiħa u miftuħa minn membri tal-kummissjoni elettorali u partijiet ikkonċernati oħra;
5. Jistieden lill-awtoritajiet Belarussi jipproteġu lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-ġurnalisti minn fastidju, intimidazzjoni u vjolenza u jwettqu investigazzjoni, prosekuzzjoni u kastig fil-pront, imparzjali u bir-reqqa ta' kwalunkwe att ta' din ix-xorta;
6. Itenni l-appelli tiegħu lill-Belarussja biex iddaħħal moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt bil-ħsieb tal-abolizzjoni tagħha; jistenna li din il-kwistjoni tiġi ttrattata b'mod effiċjenti fil-qafas tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn il-Belarussja u l-UE;
7. Jilqa' d-disponibbiltà tal-awtoritajiet Belarussi li jerġgħu jibdew id-djalogu mas-sħab internazzjonali bħall-UE dwar problemi marbuta mad-drittijiet tal-bniedem; jappoġġa r-rakkomandazzjoni tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem rigward l-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni nazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem biex ikun żgurat is-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet kollha li saru mis-sistema internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, b'konsultazzjoni wiesgħa mal-organizzazzjonijiet kollha tas-soċjetà ċivili li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem u mal-pubbliku ġenerali;
8. Jilqa' l-kontribut tal-Belarussja għan-negozjar tal-ftehimiet ta' Minsk; jitlob li l-potenzjal tal-Belarussja jintuża biex tingħeleb il-konfrontazzjoni bejn ir-Russja, l-Ukrajna u l-UE;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblej Parlamentari tal-OSKE u l-Kunsill tal-Ewropa, lis-Segretarjat tal-Komunità ta' Stati Indipendenti u lill-Parlament u l-Gvern tal-Belarussja