Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0878/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0878/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja

8.9.2015 - (2015/2834(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Heidi Hautala, Rebecca Harms f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0866/2015

Proċedura : 2015/2834(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0878/2015
Testi mressqa :
B8-0878/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0878/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja

(2015/2834(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja, b’mod partikolari dawk tad-29 ta’ Marzu 2012 dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja[1], u tas-16 ta’ Frar 2012 dwar il-piena tal-mewt fil-Bjelorussja b’mod partikolari l-każijiet ta’ Dzmitry Kanavalau u Uladzislau Kavalyou[2],

–       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tat-12 ta' Settembru 2013 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar il-politika tal-UE fir-rigward tal-Belarussja[3],

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-22 ta' Awwissu 2015 tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-UE Federica Mogherini u tal-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir, Johannes Hahn, dwar il-ħelsien ta' priġunieri politiċi fil-Belarussja,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f'Riga fil-21 u t-22 ta' Mejju,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-Belarussja hija waħda mill-membri fundaturi tas-Sħubija tal-Lvant; billi l-mexxejja tal-UE u tas-Sħubija tal-Lvant f’diversi okkażjonijiet affermaw mill-ġdid li s-Sħubija tal-Lvant hija msejsa fuq komunità ta' valuri u l-prinċipji ta' libertà, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt;

B.     billi l-Belarussja dan l-aħħar uriet ir-rieda tagħha li ttejjeb u tinnormalizza r-relazzjonijiet mal-UE; billi l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni u sħubija ġenwini jista’ jkun imsejjes biss fuq valuri komuni kondiviżi u, b’mod partikolari, fuq id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;

C.     billi fit-22 ta’ Awwissu 2015, sitt priġunieri politiki, li ngħataw maħfra minn Lukashenko "abbażi tal-prinċipju ta’ umanità”, inħelsu minn ħabsijiet fil-Belarussja u ngħaqqdu mill-ġdid mal-familji tagħhom;

D.     billi fil-Belarussja għadhom qed jippersistu każijiet ta’ pressjoni u intimidazzjoni fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, is-soċjetà ċivili u l-attivisti favur id-demokrazija permezz ta’ raids tal-pulizija u l-konfiska tat-tagħmir; billi l-awtoritajiet għadhom jużaw il-prattika ta' persekuzzjoni amministrattiva kontra ġurnalisti indipendenti li jaħdmu mal-midja barranija mingħajr akkreditazzjoni, b'bosta każijiet irrappurtati f'dawn l-aħħar xhur;

E.     billi l-Unjoni Ewropea tibqa’ impenjata bis-sħiħ biex tkompli tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, inkluża l-libertà tal-espressjoni u l-midja;

F.     billi fil-11 ta’ Ottubru fil-Belarussja se jsiru l-elezzjonijiet presidenzjali; billi, mill-1994 ’l hawn, fil-Belarussja ma saret l-ebda elezzjoni ħielsa u ġusta skont leġiżlazzjoni elettorali konformi mal-istandards internazzjonali; billi l-OSKE/ODIHR skjerat il-missjoni ta’ osservazzjoni elettorali fit-tul tagħha fil-Belarussja u se tikkoordina l-ħidma ta’ osservaturi fuq perjodu qasir; billi se tiġi ppubblikata dikjarazzjoni ta’ sejbiet u konklużjonijiet preliminari, bħas-soltu, ġurnata wara l-elezzjoni, u rapport finali dwar l-osservazzjoni tal-proċess elettorali sħiħ se jiġi ppubblikat madwar xahrejn wara tmiem il-proċess;

G.     billi, fis-snin li għaddew, ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarussja ngħataw spinta meta l-Belarussja wriet ir-rieda li tiżviluppa relazzjonijiet kostruttivi mal-UE, u ġie osservat ċertu ċaqliq lejn kundizzjonijiet imtejba għall-attivitajiet tas-soċjetà ċivili, tal-oppożizzjoni u tal-istampa ħielsa; billi, minkejja dan, il-perjodu ta’ ripressjoni brutali li segwa l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2010 u l-intensifikazzjoni tal-politika ripressiva, flimkien ma' mewġa ta’ ripressjoni kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-midja indipendenti, wasslu għal deterjorament sinifikanti ta’ dawn ir-relazzjonijiet;

H.     billi fit-13 ta’ Lulju u l-31 ta’ Lulju 2015, il-Kunsill irreveda l-miżuri ristrettivi indirizzati lill-Belarus u emenda l-projbizzjoni ta' viża u l-lista tal-iffriżar tal-assi, u minnha neħħa xi uffiċjali u kumpaniji; billi 175 individwu, inkluż Alexander Lukashenko, bħalissa jinsabu soġġetti għal projbizzjoni ta' dħul u kollha kemm huma, flimkien ma’ 18-il entità ekonomika huma soġġetti għal iffriżar tal-assi fi ħdan l-UE; billi fix-xhur li ġejjin għandha ssir valutazzjoni tal-miżuri ristrettivi tal-UE, li se tkun qed tikkunsidra l-aktar żviluppi reċenti u l-fatturi l-oħra kollha li abbażi tagħhom kienu ttieħdu l-miżuri ristrettivi;

I.      billi, fit-28 ta’ Lulju 2015, l-UE u r-Repubblika tal-Belarussja kellhom djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem fi Brussell li ffoka fuq firxa ta' kwistjonijiet, fosthom it-twaqqif ta' Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, il-piena tal-mewt, il-ġlieda kontra t-tortura u t-trattament ħażin, u d-drittijiet tat-tfal;

J.      billi l-Belarussja hija l-uniku pajjiż Ewropew li japplika l-piena tal-mewt; billi d-dati tal-eżekuzzjonijiet ma jiġux ikkomunikati lill-familji tal-kundannati u l-pubbliku, il-ġisem ma jingħatax għad-dfin lill-qraba u ma tingħata l-ebda informazzjoni dwar il-post tad-dfin;

K.     billi, skont xi sorsi, l-UE tinsab impenjata fl-iżvilupp ta’ tip ta' kooperazzjoni ekonomika ġdida fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant li jgħaqqad lill-Belarussja mal-UE b'mod aktar limitat milli kieku jgħaqqduhom il-ftehimiet ta’ assoċjażżjoni, mingħajr ma tipprevedi l-preferenzi doganali peress li l-Belarussja hija membru tal-Unjoni Ekonomika Ewro-Asjatika;

L.     billi d-Djalogu Ewropew dwar il-Modernizzazzjoni mas-soċjetà Belarussa li nbeda fl-2012 kellu impatt pożittiv fuq il-bidu ta’ dibattitu kostruttiv fis-soċjetà tal-Belarussja fir-rigward tar-riformi meħtieġa fil-pajjiż u dwar il-kuxjenza dwar l-UE; billi hemm bżonn ta' żvilupp ulterjuri tal-kunċett, l-iskop, l-istrateġija, il-finanzjament xieraq u l-istruttura ta’ ġestjoni ta' dan id-Djalogu, u ta' koordinament aħjar mal-inizjattivi tas-Sħubija tal-Lvant;

M.    billi l-Belarussja għamlet bosta sforzi sostanzjali u kellha rwol importanti fil-kriżi fil-Lvant tal-Ukraina billi ffaċilitat id-djalogu bejn il-partijiet; billi, minn Jannar 2014 ’l hawn, aktar minn 27 000 rifuġjat Ukren marru jgħixu fil-Belarussja;

N.     billi l-intrapriża tal-istat ‘Direttorat għall-Bini ta’ Impjant Nukleari’, taħt il-Ministeru għall-Enerġija, ħabbret li l-ewwel konkrit marbut mas-sigurtà nukleari tal-Unità 1 tal-impjant nukleari Ostrovets NPP tpoġġa fis-6 ta’ Novembru 2013; billi l-bini tal-ewwel impjant tal-enerġija nukleari ġie awtorizzat permezz ta’ digriet presidenzjali fit-2 ta’ Novembru 2013; billi huwa ppjanat li l-ewwel unità minn żewġ unitajiet elettriċi ta’ 1 170 megawatt (MW) tat-teknoloġija Russa tat-tip VVER (AES-2006) tkun operattiva sal-2018 u t-tieni unità hija ppjanata li tkun operattiva sal-2020;

1.      Jilqa’ l-ħelsien ta’ sitt priġunieri politiċi fit-22 ta’ Awwissu 2015, u jistieden lill-awtoritajiet Belarussi jirrijabilitawhom u ttihom mill-ġdid id-drittijiet ċivili u politiċi kollha tagħhom;

2.      Jemmen li dan huwa l-ewwel pass importanti lejn it-titjib tar-relazzjonijiet mal-UE, iżda jibqa’ mħasseb ferm minħabba s-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tad-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-pajjiż, li ilha żmien twil dejjem sejra għall-agħar;

3.      Jisħaq li fis-snin li għaddew saru xi passi pożittivi min-naħa tal-awtoritajiet Belarussi u li kien hemm sinjali ta’ titjib f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili fil-pajjiż, iżda li f’daqqa waħda s-sitwazzjoni reġgħet bdiet sejra għall-agħar;

4.      Jitlob li jitneħħa kull ostaklu u restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertajiet ta' assoċjazzjoni, ta' espressjoni, ta' moviment, ta' għaqda paċifika u ta' ħsieb għall-oppożizzjoni demokratika, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, inkluża t-tneħħija ta’ kwalunkwe xkiel għar-reġistrazzjoni, u jitlob li l-assistenza teknika għall-iżvilupp internazzjonali tiffunzjona u tintlaqa’ kif xieraq;

5.      Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni u l-Fond Ewropew għad-Demokrazija biex jappoġġaw, bil-mezzi finanzjarji u politiċi kollha, l-isforzi tas-soċjetà ċivili Belarussa, tal-midja indipendenti u tal-organizzazzjonijiet nongovernattivi fil-Belarussja biex jappoġġaw l-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-poplu Belarussu;

6.      Iħeġġeġ, b’rabta ma’ dan, lill-VP/RGħ, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Kunsill biex iwettqu valutazzjoni komprensiva u fil-fond tas-sitwazzjoni fil-pajjiż qabel ma jieħdu xi deċiżjoni fir-rigward tat-tnaqqis jew it-tneħħija eventwali tas-sanzjonijiet tal-UE jew fir-rigward tal-iżvilupp tar-relazzjonijiet mal-Belarussja, u biex jiżguraw li l-Parlament jiġi involut bis-sħiħ;

7.      Jisottolinja l-importanza li l-elezzjonijiet presidenzjali li ġejjin jiġu organizzati f’konformità ma’ standards rikonoxxuti internazzjonalment, u jistieden lill-awtoritajiet Belarussi, f’dan ir-rigward, biex jikkonformaw bis-sħiħ mar-rakkomandazzjonijiet OSKE/ODIHR tal-elezzjonijiet preċedenti; jisħaq li l-kandidati u l-forzi tal-oppożizzjoni kollha għandhom jingħataw aċċess mingħajr xkiel għall-mezzi ta' komunikazzjoni kollha li huma kkontrollati mill-gvern, u jeħtiġilhom jitħallew jipparteċipaw fl-elezzjonijiet f’kundizzjoniet ekwi;

8.      Jinnota l-organizzazzjoni tas-sitt ċiklu ta’ konsultazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarussja dwar kwistjonijiet ta’ modernizzazzjoni, li sar fi Brussell fit-3 ta’ Settembru 2015, meta d-delegazzjonijiet iddiskutew l-prospetti għal kooperazzjoni fl-oqsma ewlenin, abbażi tal-ftehimiet li ntlaħqu fl-2014 u l-2015; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kunsill biex jiżguraw li kwalunkwe parteċipazzjoni mill-awtoritajiet fid-Djalogu dwar il-Modernizzazzjoni, id f'id u f’kundizzjoijiet ekwi mal-oppożizzjoni demokratika u s-soċjetà ċivili, issir bir-rispett sħiħ tal-prinċipji demokratiċi, bil-għan li tiġi żviluppata ekonomija kompetittiva sostenibbli u jitrawmu r-riformi domestiċi, kif ukoll soċjetà pluralistika u l-istat tad-dritt;

9.      Ifakkar li, mill-2010 ’l hawn, ġew iġġustizzjati għaxar persuni fil-Belarussja, filwaqt li fl-2014 biss kien hemm tliet eżekuzzjonijiet, u li fit-18 ta' Marzu 2015 ingħatat sentenza ġdida ta' piena tal-mewt; itenni l-appell tiegħu għal waqfien immedjat mill-eżekuzzjonijiet, segwit mill-abolizzjoni tal-piena tal-mewt;

10.    Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-deċiżjoni li jinbena impjant ta’ enerġija nukleari; jistieden lill-Belarussja twaqqaf il-bini ta' dan l-impjant sakemm ma ssirx valutazzjoni tal-impatt ambjentali indipendenti tassew dwar il-bini u t-tħaddim tiegħu, f'konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali eżistenti, bħall-Konvenzjonijiet Espoo u Aarhus, u bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati kollha;

11.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Assemblej Parlamentari tal-OSKE u l-Kunsill tal-Ewropa, u lill-awtoritajiet Belarussi.