Proċedura : 2015/2834(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0879/2015

Testi mressqa :

B8-0879/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/09/2015 - 8.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0319

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 151kWORD 84k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0866/2015
8.9.2015
PE565.847v01-00
 
B8-0879/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja (2015/2834(RSP))


Victor Boştinaru, Richard Howitt, Eric Andrieu, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, José Blanco López, Nicola Caputo, Andi Cristea, Doru-Claudian Frunzulică, Neena Gill, Ana Gomes, Sergio Gutiérrez Prieto, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Afzal Khan, Kashetu Kyenge, Javi López, Andrejs Mamikins, Juan Fernando López Aguilar, Marlene Mizzi, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Jens Nilsson, Pier Antonio Panzeri, Emilian Pavel, Vincent Peillon, Tonino Picula, Kati Piri, Miroslav Poche, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Jutta Steinruck, Tibor Szanyi, Elena Valenciano, Julie Ward f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja (2015/2834(RSP))  
B8‑0879/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja, u b'mod partikolari dawk tad-29 ta Marzu 2012(1), tas-16 ta' Frar 2012(2), tat-12 ta' Mejju 2011(3), tal-10 ta' Marzu 2011(4) u tal-20 ta' Jannar 2011(5),

–       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tat-12 ta' Settembru 2013 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar il-Politika tal-UE fir-rigward tal-Bjelorussja(6),

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-22 ta' Awwissu 2015 tar-Rappreżentant Għoli tal-UE/Viċi President Federica Mogherini u tal-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir, Johannes Hahn, dwar il-ħelsien ta' priġunieri politiċi fil-Belarussja,

–       wara li kkunsidra d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Belarussja tat-28 ta' Lulju 2015,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-awtoritajiet Belarussi reċentement ħelsu l-priġunieri politiċi li kien għad baqa', li fost l-aħħar sitta kien hemm ex kandidati presidenzjali;

B.     billi minkejja l-intensifikazzjoni reċenti tal-kuntatti bejn il-Belarussja u l-UE u l-Istati Uniti, għad trid tiġi osservata bidla pożittiva fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-Belarussja;

C.     billi għadhom jippersistu każijiet ta' pressjoni u intimidazzjoni fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti tas-soċjetà ċivili u favur id-demokrazija fil-Belarussja, b'rejds tal-pulizija u l-qbid ta' tagħmir, kif ukoll it-tneħħija bil-forza ta' attivisti mill-Belarussja, għadhom ħaġa ta' kuljum;

D.     billi l-awtoritajiet għadhom jużaw il-prattika ta' prosekuzzjoni amministrattiva ta' ġurnalisti indipendenti li jaħdmu mal-midja barranija mingħajr akkreditazzjoni, b'bosta każijiet jiġu rrappurtati f'dawn l-aħħar xhur;

E.     billi l-Belarussja tibqa' l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu japplika l-piena kapitali;

F.     billi fit-2 ta' April 2015, il-President Lukashenko ffirma d-Digriet Nru 3 "Dwar il-prevenzjoni ta' dipendenza soċjali" li jipprevedi xogħol obbligatorju għal persuni qiegħda bit-theddida ta' ħlas ta' tariffa speċjali lill-baġit tal-istat jew obbligazzjoni amministrattiva fil-forma ta' multa jew arrest amministrattiv;

G.     billi l-ewwel żjara uffiċjali sa mill-2002 tad-Delegazzjoni tal-PE għar-relazzjonijiet mal-Belarussja seħħet fit-18 u d-19 ta' Ġunju 2015 f'Minsk;

H.     billi ġie rreġistrat progress fil-kooperazzjoni settorjali mal-Belarussja fl-oqsma tal-edukazzjoni għolja (il-proċess ta' Bolonja), it-taħriġ vokazzjonali, is-suq diġitali, is-settur tal-enerġija, is-sikurezza tal-ikel u l-kultura, fost oħrajn;

I.      billi l-involviment tal-Belarussja bħala dik li ffaċilitat it-tentattivi sabiex tinstab riżoluzzjoni għall-kunflitt fl-Ukrajna ġie vvalutat b'mod pożittiv;

1.      Jibqa' mħasseb ferm dwar il-preġudizzju kontinwu kontra d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll dwar in-nuqqasijiet serji rreġistrati mill-osservaturi internazzjonali indipendenti matul l-elezzjonijiet preċedenti;

2.      Itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Belarussi sabiex jiżguraw, fiċ-ċirkostanzi kollha, ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, skont id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem irratifikati mill-Belarussja;

3.      Jilqa' l-ħelsien tal-priġunieri politiċi li kien għad baqa' u jikkunsidrah bħala pass 'il quddiem potenzjali lejn titjib tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Belarussja;

4.      Jistieden lill-awtoritajiet Belarussi jirriabilitaw il-priġunieri politiċi meħlusa u jagħtuhom lura bis-sħiħ id-drittijiet ċiviċi u politiċi tagħhom, li jippermettulhom u lil qrabathom igawdu bis-sħiħ id-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini;

5.      Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-detenzjoni reċenti u l-prosekuzzjoni krimnali li għaddejja tal-attivisti żgħażagħ Maksim Piakarski, Vadzim Zharomski u Viachaslau Kasinerau dwar suspett ta' "ħuliganiżmu malizzjuż" bħala sproporzjonata, u jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza li sofrew;

6.      Ifakkar li opportunitajiet fil-passat għal titjib tar-relazzjonijiet bejn il-Belarussja u l-Unjoni Ewropea ma seħħux minħabba li passi speċifiċi li ħadu l-awtoritajiet Belarussi kienu segwiti minn miżuri punittivi u restrittivi mġedda fil-Belarussja;

7.      Jesprimi, għaldaqstant, t-tama meqjusa tiegħu li l-opportunità attwali se tinħataf u tiġi segwita minn miżuri addizzjonali kemm immedjati u fit-tul li jagħtu lok għal żviluppi fir-relazzjonijiet bilaterali;

8.      Jenfasizza l-ħtieġa li l-Belarussja tmexxi l-elezzjonijiet presidenzjali li ġejjin skont l-istandards rikonoxxuti internazzjonalment, tagħti aċċess bla xkiel lill-oppożizzjoni għall-mezzi ta' komunikazzjoni kkontrollati mill-gvern, u tippermettilha tipparteċipa fl-elezzjonijiet fuq livell ugwali;

9.      Jinsab imħasseb bil-miżuri preċedenti li invalidaw il-parteċipazzjoni ta' avversarji politiċi, li kienu ngħataw sentenza jew intbagħtu l-ħabs, fl-elezzjonijiet presidenzjali li ġejjin, u li ċaħdu r-reġistrazzjoni ta' assoċjazzjonijiet mhux governattivi u tas-soċjetà ċivili u ta' partiti politiċi;

10.    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Belarussi jimplimentaw bidliet u jemendew in-normi elettorali sabiex jiggarantixxu r-rappreżentazzjoni tal-oppożizzjoni politika fil-kumitati elettorali, il-ftuħ u t-trasparenza tal-għadd tal-voti, inkluż mill-osservaturi tal-oppożizzjoni, u d-dritt għall-appell kontra d-deċiżjonijiet tal-kumitati elettorali;

11.    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Belarussi jwaqqfu l-intimidazzjoni kontra l-midja indipendenti għal raġunijiet politiċi, inkluża l-prattika ta' prosekuzzjoni amministrattiva u l-użu arbitrarju tal-Artikolu 22(9)(2) tal-Kodiċi Amministrattiv kontra l-ġurnalisti indipendenti li jaħdmu mal-midja barranija mingħajr akkreditazzjoni, li permezz tiegħu jirrestrinġu d-dritt għal-libertà tal-espressjoni u għat-tixrid ta' informazzjoni;

12.    Jiddeplora l-fatt li sa mill-2010 għaxar min-nies ġew iġġustizzjati, bi tliet eżekuzzjonijiet matul is-sena l-oħra biss, u l-piena ta' mewt li ngħatat dan l-aħħar fit-18 ta' Marzu 2015; iħeġġeġ lill-Belarussja, l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu japplika l-piena kapitali, sabiex tingħaqad mal-moratorju globali dwar l-eżekuzzjoni tal-piena ta' mewt bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni permanenti tagħha;

13.    Jistieden lill-Gvern tal-Belarussja jirrispetta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali dwar l-abolizzjoni ta' elementi ta' xogħol furzat fil-pajjiż;

14.    Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja, b'mezzi finanzjarji u politiċi, l-isforzi u l-aspirazzjonijiet demokratiċi tas-soċjetà ċivili Belarussa, il-midja indipendenti u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-Belarussja;

15.    Jilqa' l-kooperazzjoni tal-Belarussja mal-Unjoni Ewropea u atturi rilevanti oħra għar-riżoluzzjoni tal-kunflitt fil-Lvant tal-Ukrajna, inkluż l-ospitar ta' negozjati dwar ftehimiet għal waqfien mill-ġlied;

16.    Jilqa' l-progress irreġistrat fil-kooperazzjoni settorjali mal-Belarussja fl-oqsma tal-edukazzjoni għolja, it-taħriġ vokazzjonali, is-suq diġitali, is-settur tal-enerġija, is-sikurezza tal-ikel u l-kultura, fost oħrajn;

17.    Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tagħmel valutazzjoni fid-dettall tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni Ewropea lill-Belarussja sal-lum, inklużi l-iżborż u l-użu tagħha mill-awtoritajiet Belarussi;

18.    Jesprimi t-tħassib tiegħu għat-tbatija ekonomika u għad-deterjorament tal-istandards tal-għajxien li qiegħda ġġarrab il-popolazzjoni tal-Belarussja, u jenfasizza li politika kontinwa ta' restrizzjonijiet u repressjoni tal-attivisti favur id-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem, tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni jistgħu jservu biss ta' diżinċentiv għall-kooperazzjoni ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Belarussja;

19.    Jieħu nota taż-żieda fl-użu tal-lingwa Belarussa fil-ħajja pubblika u tal-pjanijiet tal-Ministeru għall-Edukazzjoni għat-tħeġġiġ tal-użu tal-lingwa Belarussa fl-edukazzjoni, kif ukoll tal-pubblikazzjoni ta' atti leġiżlattivi mill-Qorti Kostituzzjonali kemm bir-Russu kif ukoll bil-Belarussu;

20.    Huwa determinat li jkompli jikkontribwixxi għall-politika tal-Unjoni Ewropea ta' "impenn kritiku" fir-rigward tal-Belarussja;

21.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Assemblej Parlamentari tal-OSKE u tal-Kunsill tal-Ewropa u lill-awtoritajiet Belarussi.

 

(1)

ĠU C 257 E, 6.9.2013, p. 9.

(2)

ĠU C 249 E, 30.8.2013, p. 57.

(3)

ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 162.

(4)

ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 182.

(5)

ĠU C 136 E, 11.5.2012, p. 57.

(6)

Testi adottati, P7_TA(2013)0382.

Avviż legali - Politika tal-privatezza