Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0880/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0880/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja

8.9.2015 - (2015/2834(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Urmas Paet, Petras Auštrevičius, Fernando Maura Barandiarán, Marietje Schaake, Pavel Telička, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0866/2015

Proċedura : 2015/2834(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0880/2015
Testi mressqa :
B8-0880/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0880/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja

(2015/2834(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja, b'mod partikolari dawk tad-29 ta Marzu 2012[1], tas-16 ta' Frar 2012[2], tal-15 ta' Settembru 2011[3], tat-12 ta' Mejju 2011[4], tal-10 ta' Marzu 2011[5] u tal-20 ta' Jannar 2011[6],

–       wara li kkunsidra l-ħelsien reċenti ta' sitt priġunieri politiċi fil-Belarussja – Mikola Statkevich, Mikola Dziadok, Ihar Alinevich, Jury Rubtsov, Euheny Vaskovich u Artyom Prakapenka,

–       wara li kkunsidra l-elezzjonijiet presidenzjali li jmiss fil-Belarussja skedati għall-11 ta' Ottubru 2015,

–       wara li kkunsidra l-kriżi li għaddejja fl-Ukrajna, li għandha wkoll konsegwenzi diretti u indiretti għall-Belarussja,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President/tar-Rappreżentant Għoli, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir, Johannes Hahn, dwar il-ħelsien ta' priġunieri politiċi fil-Belarussja,

–       wara li kkunsidra d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-Unjoni Ewropea u l-Belarussja li seħħ fit-28 ta' Lulju 2015,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-Unjoni Ewropea lesta ttejjeb ir-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni mal-Belarussja ladarba l-kundizzjonijiet fil-pajjiż jippermettu, f'termini ta' rispett tal-istandards demokratiċi, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali;

B.     billi l-ħelsien reċenti tas-sitt priġunieri politiċi huwa pass mixtieq u meħtieġ ferm fid-direzzjoni t-tajba u wieħed jittama li jkun segwit b'miżuri oħra;

C.     billi titjib sinifikanti fil-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-media, ir-rispett tad-drittijiet politiċi kemm taċ-ċittadini ordinarji kif ukoll tal-attivisti tal-oppożizzjoni u rispett sħiħ tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali huma kollha prerekwiżiti għal relazzjonijiet aħjar bejn l-UE u l-Belarussja;

1.      Jilqa' l-ħelsien tas-sitt priġunieri politiċi bħala titjib ċar fil-mod kif il-Belarussja tittratta lill-attivisti tal-oppożizzjoni, iżda jħeġġeġ lill-awtoritajiet jagħtu segwitu lil dan il-pass b'miżuri li jiggarantixxu bis-sħiħ il-libertà tal-kelma u l-libertà tal-media u possibbiltajiet għaċ-ċittadini Belarussi u għall-attivisti Belarussi li jieħdu sehem sħiħ fil-ħajja politika ta' pajjiżhom;

2.      Jistieden lill-awtoritajiet Belarussi joħolqu kundizzjonijiet u opportunitajiet ġusti għall-kandidati kollha biex jagħmlu kampanja elettorali ġenwina u jiżguraw li l-partiti kollha li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet ikunu rappreżentati fil-livelli kollha tal-kummissjoni elettorali; jesprimi dubju, madankollu, dwar jekk l-elezzjonijiet humiex se jikkonformaw mal-istandards internazzjonali li l-Belarussja impenjat ruħha li tirrispetta;

3.      Jistieden, madankollu, lill-awtoritajiet Belarussi jadottaw u jimplimentaw bidliet rakkomandati fil-liġi elettorali u li jinvolvu lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u lill-Kummissjoni ta' Venezja f'tali proċess;

4.      Jenfasizza li l-UE għadha lesta testendi r-rabtiet kummerċjali u tan-negozju mal-Belarussja u li s-sħubija tal-pajjiż fl-Unjoni Ewro-Asjatika mhijiex kompatibbli ma' tali miżuri;

5.      Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni Ewropea jsibu modi ġodda biex jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Belarussja, b'konformità mal-politika tal-UE ta' involviment kritiku mal-Belarussja;

6.      Jiddispjaċih għall-fatt li l-Belarussja kienet fost 11-il pajjiż li vvutaw kontra r-Riżoluzzjoni 68/262 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-27 ta' Marzu 2014, adottata b'reazzjoni għall-annessjoni tal-Krimea mir-Russja; jinnota, madankollu, li l-Belarussja żvolġiet rwol ta' moderatur fil-kunflitt attwali fil-Lvant tal-Ukrajna u ma rrikonoxxietx l-annessjoni tal-Krimea mir-Russja; jistieden lill-amministrazzjoni Belarussa tkompli tieħu sehem fl-isforzi biex tinstab soluzzjoni paċifika għall-kunflitt b'konformità mal-Protokoll ta' Minsk;

7.      Jinnota li l-varar f'Jannar 2014 tan-negozjati dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi bl-għan li jittejjeb il-kuntatt bejn il-persuni u li tiġi inkoraġġuta s-soċjetà ċivili;

8.      Jikkundanna l-fatt li l-Belarussja hija l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għad għandu l-piena tal-mewt, u dan imur kontra l-valuri Ewropej; jitlob moratorju immedjat fuq l-eżekuzzjonijiet u bidliet korrispondenti fil-kodiċi penali sabiex il-piena kapitali tiġi abolita;

9.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblej Parlamentari tal-OSKE u tal-Kunsill tal-Ewropa, lis-Segretarjat tal-KSI u lill-awtoritajiet Belarussi.