Proċedura : 2015/2865(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1079/2015

Testi mressqa :

B8-1079/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 27/10/2015 - 5.16
CRE 27/10/2015 - 5.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 179kWORD 130k
21.10.2015
PE570.910v01-00
 
B8-1079/2015

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8‑0764/2015

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku (2015/2865(RSP))


Cornelia Ernst, Merja Kyllönen, Malin Björk, Kostas Chrysogonos, Fabio De Masi, Luke Ming Flanagan, Neoklis Sylikiotis, Takis Hadjigeorgiou, Kateřina Konečná, Stelios Kouloglou, Kostadinka Kuneva, Martina Michels, Dimitrios Papadimoulis, Sofia Sakorafa, Dennis de Jong f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku (2015/2865(RSP))  
B8‑1079/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief tal-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi qafas għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2001 dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 333/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 443/2009 bl-għan li jiġu ddefiniti l-modalitajiet biex tintlaħaq il-mira għall-2020 li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 minn karozzi ġodda tal-passiġġieri(5),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku (O-000113/2015 – B8-0764/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-18 ta' Settembru 2015, l-Aġenzija għall-Ħarsien tal-Ambjent tal-Istati Uniti (US Environmental Protection Agency - EPA) u l-Bord għar-Riżorsi tal-Ajru tal-Kalifornja (California Air Resources Board - CARB) ħarġu avviż ta' ksur tar-regoli ta' tniġġis applikabbli fir-rigward tal-Volkswagen AG, Audi AG u l-Volkswagen Group of America (li kollettivament huma magħrufa bħala "VW"); billi l-investigazzjoni bdiet wara riċerka dwar l-emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu (NOx) mill-vetturi diesel, imwettqa mill-Kunsill Internazzjonali dwar it-Trasport Nadif (International Council of Clean Transportation - ICCT) u sottomessa lill-EPA u lill-CARB f’Mejju 2014;

B.  billi r-riżultati tar-riċerka tal-ICCT kienu disponibbli għall-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali tal-approvazzjoni tat-tip fl-istess ħin li kienu disponibbli għall-awtoritajiet tal-Istati Uniti;

C.  billi r-Regolament Euro 5 u Euro 6 dwar il-limiti tal-emissjonijiet għall-karozzi tal-passiġġieri (ir-Regolament (KE) Nru 715/2007) tobbliga lill-manifatturi jattrezzaw il-vetturi b'mod li jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar l-emissjonijiet "fl-użu normali" (l-Artikolu 5(1)) u jipprojbixxi b'mod espliċitu l-użu ta' tagħmir ta' riduzzjoni (l-Artikolu 5(2)), definit bħala "kull element tad-disinn li jħoss it-temperatura, il-veloċità tal-vettura, il-veloċità tal-magna (RPM), it-transmission gear, il-vakwu fil-manifold jew parametru ieħor bl-iskop li jattiva, jimmodula, jittardja jew iwaqqaf il-funzjonament ta' xi parti mis-sistema ta' kontroll tal-emissjonijiet, li tnaqqas l-effettività tas-sistema ta' kontroll tal-emissjonijiet taħt kondizzjonijiet li wieħed raġonevolment jista' jistenna li jiltaqa' magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta' vettura"; billi r-Regolament (KE) Nru 715/2007 jistieden ukoll lill-Kummissjoni espliċitament biex tintroduċi testijiet u tadotta miżuri rigward l-użu ta’ mekkaniżmi ta’ riduzzjoni;

D.  billi, wara l-investigazzjoni mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti, il-VW ammettiet li installat tagħmir ta’ riduzzjoni f’mill-inqas 11-il miljun vettura diesel li biegħet; billi nbiegħu 8 miljun vettura bħal dawn fis-suq Ewropew mill-2009 'l quddiem; billi, il-magni tal-VW mibjugħa fis-suq tal-UE kienu tat-tip approvat b'konformità mal-istandard Euro 5;

E.  billi l-Kummissjoni ġiet avżata fir-rapport tal-2013 taċ-Ċentru Konġunta tar-Riċerka dwar l-eżistenza potenzjali tas-software illegali fil-karozzi diesel tal-korporazzjoni Volksvagen, il-Kummissjoni ma avżatx lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri dwar l-impatt tas-“sistemi ta’ sospensjoni” fl-affidabilità tal-kejl tal-emissjonijiet tal-karozzi diesel;

F.  billi r-responsabilità għall-frodi taqa’ fuq id-diretturi maniġerjali tal-Volkswagen u mhux fuq il-ħaddiema ta’ Volkswagen, Skoda Auto, Seat u Audi, u lanqas fuq il-ħaddiema temporanji tal-aġenzija jew il-ħaddiema tal-fornituri tal-karozzi fir-Repubblika Ċeka, Spanja, il-Portugall u l-Ġermanja;

G.  billi l-valur ta' limitu tal-Euro 5 għall-emissjonijiet tal-NOx minn vetturi diesel huwa 180 mg/km, applikabbli għal vetturi li ngħataw l-approvazzjoni tat-tip bejn l-1 ta' Settembru 2009 u l-1 ta' Settembru 2014 u għall-vetturi kollha mibjugħa bejn l-1 ta' Jannar 2011 u l-1 ta' Settembru 2015, u billi l-valur ta' limitu korrispondenti tal-Euro 6 huwa 80 mg/km, applikabbli għat-tipi ġodda mill-1 ta' Settembru 2014 u għall-vetturi kollha mibjugħa mill-1 ta' Settembru 2015 ’l quddiem; billi l-vetturi Euro 6 irreġistrati qabel ma ġie introdott l-istandard bħala limitu legali bbenefikaw minn rifużjonijiet tat-taxxa; billi r-riżultati indipendenti tat-testijiet jikkonfermaw diskrepanzi sinifikanti fl-emissjonijiet tal-vettura waqt l-użu normali, fir-rigward taż-żewġ standards;

H.  billi l-istandards federali u Kalifornjani tal-Istati Uniti għall-emissjonijiet ta’ NOx mill-vetturi diesel huma stretti b’mod aktar sinifikanti mill-valuri ta’ limitu Euro 6, huma ttestjati fuq ċiklu ta’ testijiet aktar rappreżentattiv, u għadhom teknikament fattibbli;

I.  billi l-analiżi tal-2011 taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni wasal għall-konklużjoni li l-emissjonijiet ta' NOx minn vetturi tad-diesel imkejla b'sistema portable ta’ kejl tal-emissjonijiet (PEMS) jaqbżu sostanzjalment il-valuri ta' limitu rispettivi tal-Euro 3–5, b'firxa minn fattur ta’ 2 sa 4 għall-medja tal-emissjonijiet ta' NOx fuq rotot sħaħ tat-testijiet għal fattur ta’ 14 f'partijiet individwali tat-testijiet; billi rapport ieħor tal-JRC, tal-2013, jikkonkludi li l-vetturi Euro 6 jistgħu jaqbżu l-livelli ta' emissjonijiet tal-vetturi Euro 5; billi l-analiżi tal-ICCT ta' Ottubru 2014 tiddokumenta li, bħala medja, l-emissjonijiet ta’ NOx fit-triq mill-vetturi diesel ittestjati kienu madwar seba’ darbiet ogħla mil-limiti stipulati mill-istandard Euro 6;

J.  billi t-testijiet għall-konformità tal-produzzjoni u għall-konformità waqt is-servizz ma kinux soġġetti għal standards komuni fil-livell tal-UE, minkejja l-mandat mogħti lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi għal tali proċeduri permezz tal-proċedura ta' komitoloġija; billi, bħala riżultat ta' dan, ir-rekwiżiti għall-konformità tal-produzzjoni u għall-konformità waqt is-servizz ġeneralment mhumiex infurzati b’mod adegwat; billi m’hemm l-ebda rekwiżit għall-iżvelar ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni, lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip (TAAs) ta’ Stati Membri oħra jew lil partijiet interessati oħra rigward kwalunkwe test applikat mill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip kompetenti u r-riżultati ta' tali testijiet;

K.  billi l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip ta' għadd ta’ Stati Membri mhumiex indipendenti mill-industrija awtomobilistika u jiddependu ħafna mill-finanzjament tal-industrija u dan, inter alia, iwassal għal tħassib dwar kunflitti ta’ interess potenzjali;

L.  billi r-reġim attwali tal-UE għall-approvazzjoni tat-tip ma jippermettix lill-Kummissjoni jew lill-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra jirtiraw l-approvazzjonijiet tat-tip jew iċ-ċertifikati ta' konformità tal-vetturi, li jsejħu lura vetturi mis-suq jew li jissospendu t-tqegħid tagħhom fis-suq,dment li jkunu ngħataw l-approvazzjoni tat-tip minn Stat Membru ieħor; billi l-manifatturi tal-vetturi jistgħu jagħżlu kwalunkwe awtorità tal-ittestjar fl-UE, ħaġa li twassal għal kompetizzjoni negattiva bejn l-awtoritajiet tal-ittestjar; billi ma hemm l-ebda sorveljanza tax-xogħol tal-ittestjar imwettaq mill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip;

M.  billi l-Kummissjoni qiegħda twettaq rieżami tal-qafas tal-approvazzjoni tat-tip;

N.  billi r-Regolament Euro 5 u 6 huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri, u billi, skont l-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri, il-konsumaturi jistgħu jfittxu rimedju minn manifatturi tal-vetturi permezz tal-qrati nazzjonali għal kull ksur tar-rekwiżiti;

O.  billi, skont id-Direttiva dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta' oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (1999/44/KE), il-konsumaturi għandhom d-dritt għal tal-anqas sentejn garanzija wara x-xiri ta' prodott, u billi li l-bejjiegħ huwa obbligat jgħaddi lill-konsumatur oġġetti li jkunu f'konformità mal-kuntratt tal-bejgħ; billi l-konformità hija presunta jekk, inter alia, dawn “jikkonformaw mad-deskrizzjoni mogħtija mill-bejjiegħ u jippossjedu l-kwalitajiet tal-oġġetti li l-bejjiegħ wera lill-konsumatur bħala kampjun jew mudell” u “juru l-kwalità u l-prestazzjoni [...] li l-konsumatur jista’ jistenna b’mod raġonevoli, [...] jieħu in konsiderazzjoni kull dikjarazzjoni pubblika fuq il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodotti magħmula dwaru mill-bejjiegħ, il-produttur jew ir-rappreżentant tiegħu, b’mod partikolari fir-reklami jew fuq it-tikketti; billi, jekk ma jkunx hemm tali konformità, il-konsumatur huwa intitolat għar-rimedji disponibbli skont il-liġi nazzjonali rispettiva, li, fi kwalunkwe każ jinkludu t-tiswija jew is-sostituzzjoni bla ħlas, u/jew, skont il-pajjiż u ċ-ċirkustanzi, tnaqqis fil-prezz jew ir-rexissjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ u r-rimborż tal-prezz tax-xiri;

P.  billi d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur (2011/83/UE) tesiġi li l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi ewlenin ta' prodott tingħata qabel il-konklużjoni ta' kuntratti fil-post tan-negozju jew lil hinn minnu jew mill-bogħod, u tirrikjedi li l-Istati Membri jkollhom regoli dwar pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi f'każ li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ma jiġux issodisfati;

Q.  billi d-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali (2005/29/KE) tipprojbixxi, b'mod partikolari, kull prattika li "toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista' toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġiba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata", tiddisponi li prattiki kummerċjali li jitqiesu żleali f'kull ċirkostanza jinkludu każijiet fejn "il-kummerċjant isostni li huwa (inklużi l-prattiki kummerċjali tiegħu) jew xi prodott ġie approvat, appoġġat jew awtorizzat minn korp pubbliku jew privat ieħor meta huwa/dan ma kienx jew isostni hekk mingħajr ma jikkonforma ruħu mat-termini tal-approvazzjoni, appoġġ jew awtorizzazzjoni", u tesiġi li l-Istati Membri jadottaw pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi; billi d-Direttiva 2005/29/KE tiddikjara li “prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa jekk ikun fiha informazzjoni falza u għalhekk ma tkunx vera jew bi kwalunkwe mod, inkluża preżentazzjoni ġenerali, tqarraq jew x’aktarx li tqarraq bil-konsumatur medju, anki jekk l-informazzjoni hija fattwalment korretta”;

R.  billi d-Direttiva dwar l-akkwist pubbliku (2014/24/KE) tiddisponi li l-kuntratti għandhom jingħataw fuq il-bażi tal-prinċipju tal-aqwa valur għall-flus, li jinkludi kriterji ambjentali, u billi l-kuntratti jistgħu sussegwentement ikunu ġew mogħtija fis-settur awtomobilistiku fuq il-bażi ta’ informazzjoni falza mogħtija dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-vetturi; billi l-istess Direttiva tiddisponi li l-operaturi ekonomiċi jistgħu jiġu esklużi meta jkunu wettqu mġiba professjonali ħażina serja, li trendi l-integrità tagħhom dubjuża; billi d-Direttiva dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni li jikkonċernaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (2007/66/KE) tiddisponi li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu rieżaminati fuq il-bażi li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi Komunitarja fil-qasam tal-akkwist pubbliku jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi;

S.  billi t-tniġġis tal-arja rriżulta f’aktar minn 430 000 mewta qabel il-waqt fl-UE fl-2011, u jiswa EUR 940 biljun fis-sena fi produttività mitlufa; billi aktar minn 20 Stat Membru qed jonqsu milli jissodisfaw il-limiti tal-kwalità tal-arja tal-UE stabbiliti fid-Direttiva 2008/50/KE; billi d-dijossidu tan-nitroġenu (NO2) huwa sustanza perikoluża li tniġġes u prekursur ta’ bosta inkwinanti oħra bħall-ożonu u l-materja partikulata; billi l-NOx u d-derivattivi tagħhom jikkawżaw il-kanċer tal-pulmun, l-ażma u bosta mard respiratorju, u jaffettwaw b’mod partikolari lil gruppi vulnerabbli bħalma huma t-tfal u l-anzjani; billi l-NOx għandhom ukoll impatt serju fuq l-ambjent u jikkontribwixxu għall-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u d-degradazzjoni tal-materjali; billi l-egżost tal-vetturi diesel huwa għajn ewlenija tal-NOx fiż-żoni urbani fl-Ewropa; billi l-ossidi tan-nitroġenu (NOx) jaġixxu bħala gassijiet serra indiretti;

T.  billi mill-2012 ’il hawn l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC) tad-WHO ikklassifikat l-egżost mill-magni diesel bħala karċinoġenu, u tat parir li, minħabba l-impatti ulterjuri fuq is-saħħa min-naħa tal-partikuli tad-diesel, l-esponiment għat-taħlita ta’ kimiċi emessi għandu jitnaqqas madwar id-dinja kollha;

U.  billi s-sistemi attwali għall-ivverifikar tal-emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu (NOx) minn karozzi tal-passiġġieri diesel jiddependu jistrieħ fuq tliet teknoloġiji ewlenin: modifiki tal-ġewwieni tal-magna flimkien mar-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost (exhaust gas recirculation (EGR)), assorbituri tal-ossidi tan-nitroġenu minn magni b'użu ta' fjuwil baxx (lean nitrogen-oxide traps (LNTs)), u tnaqqis katalitiku selettiv (selective catalytic reduction (SCR)); billi, sabiex jintlaħqu l-valuri ta' limitu Euro 6, il-biċċa l-kbira tal-vetturi huma mgħammra b'mill-inqas tnejn mit-tliet teknoloġiji; billi dawn it-teknoloġiji jistgħu t-tlieta li huma jiġu diżattivati b'tagħmir ta' riduzzjoni f'forma ta' software;

V.  billi, sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-istandards tal-emissjonijiet, il-vetturi installati b’tagħmir ta' riduzzjoni ser jesiġu t-tneħħija tat-tagħmir, modifiki tas-software tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet u, skont it-teknoloġija tal-magni, interventi fuq il-hardware;

W.  billi huwa possibbli li l-prestazzjoni tas-sistemi ta' kontroll tal-emissjonijiet diġà installati fil-vetturi tiġi mtejba permezz tat-tneħħija tat-tagħmir ta’ riduzzjoni, l-ipprogrammar mill-ġdid u l-kalibrazzjoni mill-ġdid;

X.  billi d-diskrepanzi bejn ir-riżultati tat-testijiet u l-prestazzjoni tal-vettura waqt l-użu normali mhumiex limitati għall-NOx, iżda jeżistu wkoll fil-każ ta' sustanzi niġġiesa oħra u għas-CO2; billi skont l-ICCT (Settembru 2015) id-distakk bejn il-emissjonijiet uffiċjali u l-emissjonijiet ta’ CO2 fid-dinja reali għall-vetturi tal-passiġġieri fl-Ewropa kien ta’ 40 % fl-2014;

Y.  billi l-bidla għall-Proċedura ta' Ttestjar Armonizzata fil-Livell Dinji għall-Vetturi Ħfief (WLTP) tirrikjedi li l-miri tal-medja tal-emissjonijiet ta’ CO2 tal-flotta eżistenti għall-manifatturi tiġi adattata għat-test il-ġdid; billi l-proċedura għal korrelazzjoni bħal din bħalissa tinsab għaddejja mill-komitoloġija u mistennija żżomm strettezza komparabbli għall-manifatturi;

Z.  billi seħħ proċess straordinarju ta’ konċentrazzjoni ta’ marki u ta’ sieda tal-industrija awtomobilistika f’dawn l-aħħar snin fl-UE; billi l-Kummissjoni qed tirrifjuta li tirreaġixxi permezz ta' għodod tal-kompetizzjoni f’dan il-proċess ta’ konċentrazzjoni li, ċertament, kellu impatt maġġuri fuq il-bilanċ tar-riskji għall-industrija;

1.  Iqis li huwa ta’ dispjaċir li dawn l-emissjonijiet żejda kkawżaw imwiet prematuri bla bżonn, effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem, u ħsara ambjentali;

2.  Jiddeplora n-nuqqas serju ta’ infurzar tar-regolamentazzjoni tas-suq intern tal-UE, li nkixef grazzi għall-azzjoni tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti;

3.  Jinsab serjament imħasseb dwar in-nuqqas min-naħa tal-awtoritajiet tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni li jaġixxu fuq il-provi li l-valuri ta’ limitu għall-emissjonijiet preskritti mil-liġi tal-UE (Regolament 715/2007/KE dwar Euro 5 u Euro 6) għall-vetturi fl-użu normali kienu qed jinqabżu; inklużi r-rapporti tal-JRC tal-2011 u l-2013, li kien fihom provi ta’ diskrepanzi serji fil-prestazzjoni tal-vetturi fit-triq meta mqabbla mar-riżultati tat-testijiet, u indikaw l-użu ta’ tagħmir ta’ riduzzjoni bħala spjegazzjoni;

4.  Jitlob, għalhekk, għat-twaqqif ta’ kumitat ta’ inkjesta biex jinvestiga r-responsabilità rispettiva tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet tal-Istati Membri għan-nuqqas li tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa u l-infurzar tal-liġi rilevanti tal-UE;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jvaraw minnufih investigazzjoni dwar l-użu ta’ tagħmir ta’ riduzzjoni fil-marki ta’ vetturi kollha mibjugħa fl-UE u l-prestazzjoni tal-vetturi fl-użu normali f’dak li jirrigwarda l-valuri ta’ limitu tas-sustanzi li jniġġsu u l-valuri ta’ CO2 (g/km) reklamati; jemmen li din l-investigazzjoni għandha tiġi sorveljata mill-Kummissjoni u mwettqa fuq il-bażi ta’ data miġbura u mressqa mill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi tal-Istati Membri għall-vetturi li jinsabu fis-suq, bl-użu ta’ testijiet tas-sewqan fid-dinja reali; jinsisti li din l-investigazzjoni titwettaq bi trasparenza sħiħa u li l-pubbliku jkollu aċċess komplut għad-data; jitlob b’insistenza li l-Kummissjoni tirrapporta lura lill-Parlament dwar ir-riżultati ta’ din l-investigazzjoni, bil-miktub, sal-31 ta’ Marzu 2016;

6.  Jitlob b’insistenza li fejn jinstab jew ikun preżenti tagħmir ta’ riduzzjoni, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jirtiraw l-approvazzjoni tat-tip u ċ-ċertifikat ta’ konformità għal vetturi bħal dawn f’konformità mal- Artikolu 30 tad-Direttiva 2007/46/KE u l-Artikolu 10 tar- Regolament (KE) Nru 715/2007, japplikaw penalitajiet xierqa u jesiġu s-sejħiet lura mandatarji biex jitneħħa kwalunkwe tagħmir ta’ riduzzjoni u jiġi żgurat ir-rispett għar-regolament rilevanti, u li l-manifatturi jkunu meħtieġa jikkumpensaw lill-klijenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti bidu għal proċedimenti ta’ ksur kontra l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri talli naqsu milli jinfurzaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 715/2007; jitlob b’insistenza li kwalunkwe kumpens jew multa tiġi koperta b’tali mod li ma tagħmilx ħsara lill-postijiet eżistenti f’dawn il-korporazzjonijiet u/jew iwasslu għat-tkeċċija tal-ħaddiema;

7.  Jinsab serjament imħasseb dwar il-fatt li l-Istati Membri li rċevew dħul imnaqqa minħabba l-intaxxar tal-karozzi bbażat fuq l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa issa jistgħu jitolbu kumpens, u jinsisti li l-konsumaturi taħt l-ebda ċirkostanti ma għandhom iġarrbu dan il-kost;

8.  Jitlob b’insistenza li fejn jinstab jew ikun preżenti tagħmir ta’ riduzzjoni, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jesiġu li l-manifatturi jirrifondi kwalunkwe sussidji, benefiċċji tat-taxxa jew inċentivi fiskali oħra li jkunu ntlaqgħu fuq il-bażi tal-prestazzjoni ambjentali li tkun ġiet iddikjarata; jemmen li jekk dan ma jsirx ikun jammonta għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u jikkostitwixxu għajnuna illegali mill-istat, ħaġa li tesiġi li l-Kummissjoni tvara proċedura fir-rigward ta’ għajnuna illegali mill-istat; jipproponi li s-sussidji li jkunu treġġgħu lura jiġu allokati għal proġetti ta’ ċessjoni ta’ karbonju mmirati lejn it-titjib tal-kwalità tal-arja u għal proġetti ta’ trasport sostenibbli fil-bliet madwar l-UE;

9.  Jistieden lis-settur tal-industrija awtomobilistika li kien involut fi prattiki inġusti biex jiffinanzja u jagħti appoġġ lill-aġġornamenti tal-klassifikazzjonijiet indipendenti tal-vetturi tat-triq abbażi tal-prestazzjoni ambjentali;

10.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw infurzar aħjar tar-regoli mandatarji rigward ir-reklamar qarrieqi u l-prattiki kummerċjali inġusti fis-settur awtomobilistiku, u li jiżguraw li kull stqarrija dwar ir-rendiment tal-vettura huma akkumpanjati minn test ta’ kwalifikazzjoni li jagħmilha ċara li uffiċjali eżistenti tal-UE ma jirriflettux iċ-ċifri tat-test riżultati reali tas-sewqan;

11.  Jenfasizza li jeħtieġ li l-konsumaturi jkunu jistgħu jeżerċitaw drittijiethom faċilment, kif hemm dispost fid-Direttivi 1999/44/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE; jitlob li l-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jipprovdu informazzjoni li tkun aċċessibbli faċilment u jagħtu parir ċar lill-konsumaturi li jistaqsu dwar dawn id-drittijiet; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, barra minn hekk, biex jiżguraw li dawn id-drittijiet jiġu rispettati;

12.  Jitlob li d-Direttiva 2005/29 tiġi rieżaminata bil-għan li jiġu miżjuda l-asserzjonijiet ambjentali foloz mal-lista ta’ prattiki kummerċjali inġusti u lill-Istati Membri jiġu permessi li jadottaw jew iżommu prattiki addizzjonali ma’ din il-lista;

13.  Jemmen li dan il-każ juri l-ħtieġa li jkun hemm mekkaniżmu ta’ rimedju kollettiv fl-UE, u jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva biex jiġi żgurat li jeżistu mekkaniżmi fl-UE kollha biex il-konsumaturi tal-UE jingħataw tali rimedju;

14.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li r-regoli dwar l-akkwist pubbliku u l-proċeduri ta’ rieżami assoċjati jiġu implimentati għalkollox mill-awtoritajiet kompetenti tal-UE u tal-Istati Membri;

15.  Jitlob b’insistenza li l-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-organizzazzjoni tal-proċeduri ta’ sejħiet lura, bil-għan li jiġi żgurat li l-vetturi li mhumiex konformi ma jibqgħux fiċ-ċirkolazzjoni fit-territorju tal-UE;

16.  Jitlob għal verifika indipendenti tal-modifiki maħsuba sabiex jiġi żgurat li jirriżultaw f’vetturi li jikkonformaw mal-istandards rilevanti; jitlob b’insistenza li wara l-modifika l-manifattur jagħti lill-konsumaturi informazzjoni ċara u affidabbli dwar l-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil, il-prestazzjoni u l-livelli tal-emissjonijiet;

17.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rapport Deß (A8-0270/2015) dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa minn vetturi tat-triq, adottat mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel tal-Parlament fit-23 ta' Settembru 2015 b’66 vot kontra 2, u b'mod partikolari għat-talba biex il-Kummissjoni "tintroduċi test tal-emissjonijiet tas-sewqan reali għall-vetturi kollha bl-approvazzoni tat-tip jew li ġew irreġistrati mill-2015 biex tiġi żgurata l-effikaċja tas-sistemi ta' kontroll tal-emissjonijiet u jingħata lok biex il-vettura tikkonforma ma' dan ir-Regolament u l-miżuri ta' implimentazzjoni tiegħu, b'fattur ta' konformità li jirrifletti biss it-tolleranzi possibbli tal-proċedura tal-kejl tal-emissjonijiet fis-seħħ, sal-2017"; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaslu għal ftehim bikri dwar qafas għal test tal-emissjonijiet tas-sewqan reali (real driving emissions (RDE)) fuq dik il-bażi, u jitlob li l-proċedura b’komitoloġija tiġi adottata rapidament wara qbil dwar il-proposta leġiżlattiva;

18.  Jiddeplora n-nuqqas ta’ trasparenza tad-deliberazzjonijiet taħt il-komitoloġija dwar il-proposta għal test RDE, u b’mod partikolari n-nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni li tgħaddi informazzjoni lill-Parlament fl-istess ħin li tintbagħat lir-rappreżentanti tal-Istati Membri;

19.  Jenfasizza l-ħtieġa li jsir tisħiħ sinifikanti tar-reġim attwali tal-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi tal-UE, inklużi setgħat ta’ superviżjoni u infurzar akbar tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tar-reġim tas-sorveljanza tas-suq, il-koordinazzjoni u s-segwitu, u r-rieżami taċ-ċertifikazzjonijiet meta jitqajmu dubji sinifikanti; jitlob, għal dan l-għan, għal awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE indipendenti bil-għan li, inter alia, ikun hemm standards u proċeduri ta’ ttestjar aktar koerenti madwar l-UE għall-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsa l-arja, il-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet tas-CO2;

20.  Iqis li huwa tal-akbar importanza li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti kollha tal-Istati Membri jingħataw id-dritt li jirtiraw l-approvazzjonijiet tat-tip u ċ-ċertifikati ta’ konformità, li jirrikjedu s-sejħiet lura u li jwaqqfu t-tqegħid fis-suq ta’ vetturi meta jkollhom provi ta’ nuqqas ta’ konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet tal-UE taħt Euro 5 u 6 tar-Regolament, fejn ikun hemm evidenza ta’ devjazzjoni sinifikanti bejn tal-approvazzjoni tat-tip b’rabta mal-emissjonijiet tas-CO 2 jew tal-konsum tal-fjuwil u l-valuri reali ta’ prestazzjoni, jew kwalunkwe rekwiżit ieħor previst mill-approvazzjoni tat-tip;

21.  Iqis li r-rieżami li se jsir dalwaqt tad-Direttiva Qafas dwar l-Approvazzjoni tat-Tip irid jespandi u jispeċifika r-rekwiżiti tal-konformità tal-produzzjoni bil-għan li jiġi żgurat li kampjun suffiċjenti u rappreżentattiv tal-mudelli ġodda meħud bl-addoċċ mil-linji tal-produzzjoni jiġi verifikat b'mod indipendenti fuq bażi annwali, bl-użu ta’ testijiet RDE biex tiġi vverifikata l-konformità tagħhom mal-valuri ta’ limitu tal-UE għas-sustanzi niġġiesa, u li tali testijiet jiġu estiżi ulterjorment għall-fini tal-verifika tal-konformità mal-valuri tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil tal-approvazzjoni tat-tip;

22.  Jitlob, barra minn hekk, li jittejjeb l-ittestjar waqt is-servizz tal-vetturi li diġà qed jintużaw fit-toroq, abbażi tal-proċedura RDE wkoll, biex tiġi verifikata l-konformità waqt is-servizz tal-vetturi b’kilometraġġi differenti kif mitlub skont ir-Regolament; jitlob li tittejjeb is-sorveljanza fit-toroq permezz ta’ spezzjonijiet tekniċi perjodiċi biex jiġu identifikati u msewwija vetturi li ma jkunux konformi mad-dritt tal-UE; jinnota, b’mod partikolari, li sistemi dijanjostiċi abbord jistgħu faċilment jiġu pprogrammati biex ma jirrikonoxxux il-ħsarat, u jitlob li ssir dispożizzjoni ta’ miżuri adatti biex din is-sitwazzjoni tiġi investigata u indirizzata;

23.  Jenfasizza li r-riżultati tat-testijiet tal-prestazzjoni ambjentali tal-vetturi għandhom ikunu pubblikament disponibbli;

24.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti tal-UE u tal-Istati Membri jkollhom aċċess għall-kodiċijiet sors tal-programmi tal-kompjuter tas-sistemi ta’ kontroll tal-vetturi bil-għan li jiġi kkontrollat hemmx software tat-tagħmir ta' riduzzjoni; huwa tal-fehma, f’dan ir-rigward, li l-aċċess għas-sistemi tal-kompjuter u għall-kodiċijiet sors għandu jkun trasparenti u miftuħ, b’mod simili għall-aċċess għall-partijiet mekkaniċi u l-ispezzjoni tagħhom;

25.  Jenfasizza li l-utenti, ir-riċerkaturi u l-iżviluppaturi għandu jkollhom id-dritt bla tfixkil, il-mezzi teknoloġiċi, u l-protezzjoni ġuridika li jispezzjonaw, jittestjaw u janalizzaw il-funzjonament tas-sistemi tal-IT li hemm fil-vetturi u li jwettqu analiżi forensika għall-individwazzjoni ta’ funzjonijiet mhux iddikjarati jew funzjonijiet maħsuba biex jiffrodaw lill-pubbliku jew lill-awtoritajiet; jistieden lill-Kummissjoni tneħħi l-ostakoli ġuridiċi lill-utenti, r-riċerkaturi u l-iżviluppaturi li jispezzjonaw, janalizzaw u jiżmontaw servizzi diġitali u sistemi tal-IT inkorporati fil-vetturi, u tipprevjeni l-leġiżlazzjoni maħsuba biex tipproteġi interessi leġittimi milli tintuża ħażin biex jiġu koperti prattiki kummerċjali qarrieqa;

26.  Jitlob li d-Direttiva tal-UE dwar it-Tikkettar tal-Vetturi (1999/94/KE) tiġi rieżaminata bil-għan li jittejbu l-akkuratezza, ir-rilevanza, l-indipendenza, iċ-ċarezza u l-komparabilità tal-informazzjoni li tingħata lill-konsumaturi; iqis li t-tikketti għandhom ikunu bbażati fuq il-valuri tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil miksuba fit-testijiet RDE;

27.  Iħeġġeġ lill-UE tintroduċi t-tikkettar għall-vetturi li għandhom livelli ogħla ta’ emissjonijiet ta’ partikolati, sabiex il-bliet – għal raġunijiet ta’ saħħa – ikunu jistgħu jillimitaw l-aċċess ta’ dawn il-vetturi fiż-żoni b’densità għolja ta’ popolazzjoni u f’dawk li jiġu miżjura ta' spiss;

28.  Jinsab imħasseb ukoll dwar id-diskrepanza tal-emissjonijiet ta' CO2 iddikjarati fir-riżultati tat-testijiet u dawk osservati mis-sewwieqa fit-triq; jitlob, għalhekk, li jintlaħaq qbil rapidu dwar il-korrelazzjoni tad-WLTP għall-miri ta' medja ta’ CO2 għall-flotot tal-vetturi mingħajr ma jingħata kredtu għall-flessibilitajiet inġusti fil-proċedura tal-ittestjar attwali, bil-għan li ma tisfax imdgħajfa l-mira tal-2021; jemmen li dan l-iskandlu tal-emissjonijiet tal-vetturi jagħti prova ċara li l-awtoritajiet pubbliċi jeħtieġ li jibqgħu indipendenti mis-settur li huma jirregolaw, u li l-livell tal-UE jeħtieġ ikollu setgħat akbar biex jissorvelja l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni turi liċ-ċittadini tal-UE li l-proċess ta' Regolamentazzjoni Aħjar għandu bħala l-ambizzjoni tiegħu id-dispożizzjoni ta’ liġijiet effettivi u infurzati madwar l-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha tal-UE;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid id-data fil-manwal tagħha “Handbook on estimation of external costs in the transport sector” fuq il-bażi ta’ għarfien ġdid dwar l-emissjonijiet reali u t-tniġġis tal-arja mill-vetturi tat-triq;

30.  Iqis li huwa ta’ dispjaċir li l-industrija awtomobilistika kisbet aċċess privileġġjat għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tar-regoli li suppost jirregolaw lilhom, inkluż fil-komitoloġija; jixħet dubju fuq il-bilanċ fil-mod kif jitmexxa dan it-teħid ta’ deċiżjonijiet; jitlob b’insistenza li jkun hemm trasparenza mtejba permezz tal-pubblikazzjoni tad-dokumenti kollha skambjati mill-Kummissjoni u l-Kunsill mal-industrija awtomobilistika mill-2004 ’l quddiem;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jinvestigaw il-finanzjament – inklużi s-selfiet u l-għotjiet għar-riċerka u l-iżvilupp tal-BEI u l-UE – mogħtija lill-industrija awtomobilistika għall-iżvilupp ta’ magni aktar nodfa, biex jivvalutaw l-effettività ta’ dak il-finanzjament, u biex jiġi stabbilit jekk sarx użu ħażin ta’ xi parti minn dak il-finanzjament għall-iżvilupp ta’ tagħmir ta’ riduzzjoni għall-ittestjar tal-emissjonijiet; huwa tal-fehma li fi kwalunkwe minn dawn il-każi l-fondi jridu jingħataw lura;

32.  Jiddeplora l-fatt li d-deċiżjonijiet tal-maniġment tal-manifatturi biex jiksru l-istandards ġuridiċi jista’ jkollhom impatt serju fuq il-ħaddiema, inkluż il-fatt li eluf ta’ impjegati issa jinsabu mhedda bit-tkeċċija wara l-ammissjonijiet li saru dan l-aħħar mill-korporazzjoni Volksvagen;

33.  Jenfasizza li qabel ma tiġi kkunsidrata kwalunkwe sensja l-manifatturi għandhom jużaw ir-riżorsi finanzjarji tagħhom stess, inkluż billi jżommu l-profitti pjuttost milli jqassmu d-dividendi, biex ikopru kemm jista’ jkun l-ispejjeż li jirriżultaw mill-ksur tal-liġi applikabbli; jirrimarka li l-kumpanija u l-azzjonisti tagħha għandhom jassorbu kemm jista’ jkun mit-telfiet qabel ma jużaw il-fondi tal-kontribwenti fil-livell tal-Istati Membri jew tal-UE, bil-għan li jiġi evitat periklu morali;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina liema fondi tal-UE jistgħu jiġu mobilizzati b’appoġġ għall-ħaddiema kkonċernati, u jirrimarka li dawn il-miżuri ta’ assistenza ma għandhom jissostitwixx l-ebda responsabilità tal-Istati Membri jew tal-kumpanija u għandjom ikunu kompatibbli ma’ bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

35.  Jinsab konvint li kemm l-industrija awtomobilistika Ewropea se tibqa' tinżamm kompetittiva fil-futur se jiddependi mill-ħolqien ta' ċirku virtuż li jkun ta' benefiċċju għall-innovazzjoni, l-okkupazzjoni, is-saħħa, l-ambjent u l-mobilità; jappella biex is-settur awtomobilistiku jallinja l-istrateġiji ta’ investimenti u ta’ żvilupp mal-bżonnijiet tas-soċjetà għal ambjent iktar nadif u reżiljenti għall-klima, inter alia permezz tal-produzzjoni ta’ vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, inklużi vetturi elettriċi;

36.  Jappoġġja l-iżvilupp ta’ reazzjoni Ewropea koerenti u kkoordinata sabiex jiġi żgurat li l-politika industrijali u l-istrateġiji ta’ investiment huma orjentati lejn it-twettiq ta’ sistemi ta’ trasport sikuri, nodfa, sostenibbli u affidabbli;

37.  Jenfasizza li l-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles internazzjonali m’għandhomx iwasslu biex jitbaxxew l-istandards tal-ħarsien tal-klima, iżda jgħinu biex dawn jogħlew fl-UE u f’partijiet oħra tad-dinja;

38.  Jenfasizza l-fatt li n-negozjati tat-TTIP li għaddejjin bħalissa bbażati fuq l-armonizzazzjoni ta' dawn is-sistemi ta' kontroll differenti permezz tar-"rikonoxximent reċiproku" jistgħu jimplikaw livell ogħla ta' riskju fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi tal-passiġġieri u jitlob għas-sospensjoni immedjata tan-negozjati tat-TTIP;

39.  Jiddispjaċih minħabba l-konċentrazzjoni qawwija fis-settur awtomobilistiku, u jenfasizza li industrija awtomobilistika aktar diversifikata, territorjalment bilanċjat u inqas ikkonċentrata tista’ tipprovdi għal settur awtomobilistiku aktar dinamiku u innovattiv; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga din il-konċentrazzjoni qawwija;

40.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

(1)

ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1.

(2)

ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1.

(3)

ĠU L 309, 27.11.2001, p. 22.

(4)

ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1.

(5)

ĠU L 103, 5.4.2014, p. 15.

Avviż legali - Politika tal-privatezza