MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar Strateġija ġdida għall-Benessri tal-Annimali għall-2016-2020
24.11.2015 - (2015/2957(RSP))
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Fredrick Federley, Ivan Jakovčić f'isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1278/2015
B8‑1278/2015
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Strateġija ġdida għall-benessri tal-annimali għall-2016-2020
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jipprevedi li, fil-formolazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni dwar l-agrikoltura u s-sajd, it-trasport, is-suq intern, ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, u tal-ispazju, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu konsiderazzjoni sħiħa tal-ħtiġijiet tal-benessri tal-annimali, bħala esseri sensibbli, filwaqt li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew amministrattivi u d-drawwiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu partikolarment mar-riti reliġjużi, tradizzjonijiet kulturali u l-wirt reġjonali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 43 tat-TFUE dwar il-funzjonament tal-politika agrikola komuni u l-politika komuni tas-sajd,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Frar 2012 dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015 (COM(2012)0006/2),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tal-15 ta' April 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-saħħa tal-annimali,[1]
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2011 dwar pjan ta' azzjoni kontra t-theddid li qed jiżdied ta' reżistenza antimikrobika (COM(2011)0748),
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar Strateġija ġdida għall-Benessri tal-Annimali għall-2016-2020 (O-000141/2015 – B8-1107/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni dwar is-saħħa u l-benessri tal-annimali tonqos milli tħares lejn l-annimali bħala esseri sensibbli, f'konformità mal-Artikolu 13 tat-TFUE;
B. billi ċ-ċittadini Ewropej għandhom interess qawwi fil-benessri tal-annimali u jixtiequ jkunu jistgħu jagħmlu għażliet aktar infurmati bħala konsumaturi;
C. billi l-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-benessri tal-annimali tikkontribwixxi għal kundizzjonijiet ekwi fi ħdan l-Unjoni u b'hekk għal suq intern li jiffunzjona tajjeb;
D. billi l-produzzjoni u l-konsum ta' ikel ibbażat fuq tal-annimali jirrappreżentaw sehem importanti tal-użu tar-riżorsi u jħallu impatt sinifikanti fuq is-saħħa u l-benesseri tal-annimali, is-saħħa pubblika, il-klima u l-ambjent;
E. billi l-benessri tal-annimali għandu jittejjeb aktar abbażi ta' sejbiet xjentifiċi prevalenti u b'kunsiderazzjoni xierqa lejn l-effiċjenza u l-kompetittività tat-trobbija agrikola tal-annimali;
F. billi l-benessri tal-annimali huwa marbut mill-qrib mas-saħħa tal-annimali u s-saħħa pubblika;
G. billi livell għoli tal-benessri tal-annimali huwa importanti biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà, għad li dan ifisser investimenti u spejjeż operattivi addizzjonali li mhumiex distribwiti proporzjonalment tul il-katina alimentari;
H. billi, minħabba l-kumplessità u l-interpretazzjonijiet differenti tagħhom, ir-regoli tal-UE u dawk nazzjonali dwar il-benessri tal-annimali joħolqu inċertezza ġuridika u jistgħu jqiegħdu lill-produtturi f'ċertu Stati Membri fi żvantaġġ kompetittiv serju; billi, fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE, in-nuqqas ta' konformità, l-istandards mhux armonizzati u n-nuqqas ta' żviluppi legali importanti jfixklu l-kompetizzjoni u jirriżultaw f'kundizzjonijiet mhux ekwi;
I. billi l-leġiżlazzjoni proposta dwar is-saħħa tal-annimali ma tinkludix definizzjoni ċara ta' "trobbija tal-annimali", u billi jista' jkun hemm għadd ta' interpretazzjonijiet differenti tal-kunċett fost l-Istati Membri;
1. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta, mingħajr dewmien, il-punti pendenti tal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015;
2. Ifakkar li l-Artikolu 13 tat-TFUE huwa ta' applikazzjoni ġenerali u orizzontali, u għaldaqstant huwa importanti daqs id-dispożizzjonijiet dwar l-ambjent jew il-ħarsien tal-konsumatur, u jieħu preċedenza mil-lat legali fuq il-politiki kollha tas-suq intern;
3. Jinnota li tul perjodu ta' aktar minn 30 sena ġew adottati 'l fuq minn 30 att bażiku dwar il-benessri tal-annimali, li ħafna minnhom joffru livelli differenti ta' protezzjoni għall-annimali; jenfasizza li l-maġġoranza tal-atti eżistenti jonqsu milli jirrikonoxxu biżżejjed lill-annimali bħala esseri sensibbli, bħalma jesiġi l-Artikolu 13 tat-TFUE;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas leġiżlattiv armonizzat, aġġornat, komprensiv u ċar għall-implimentazzjoni sħiħa tar-rekwiżiti tal-Artikolu 13 tat-TFUE, inkluż definizzjoni ta' trobbija tal-annimali tajba; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni legali kontra dawk l-Istati Membri li ma jikkonformawx mal-leġiżlazzjoni relevanti;
5. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-kategoriji kollha ta' annimali – tal-irziezet, selvaġġi, għar-riċerka, domestiċi u akkwatiċi – huma koperti minn kwalunkwe armonizzazzjoni tal-qafas leġiżlattiv dwar il-benessri tal-annimali;
6. Ifittex li jiġi żgurat li kwalunkwe armonizzazzjoni tal-qafas leġiżlattiv ma twassalx għal deterjorament tal-istandards ta' benessri tal-annimali jew tnaqqis fl-ambizzjonijiet biex jitjieb il-benessri tal-annimali, u jistieden lill-Kummissjoni żżid l-istandards eżistenti abbażi ta' sejbiet xjentifiċi aġġornati;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa, tikkondividi u xxerred l-aqwa prattiki bbażati fuq ix-xjenza għall-prevenzjoni u l-ġestjoni b'kuxjenza ta' speċijiet aljeni invażivi fl-Istati Membri;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tipproteġi liċ-ċittadini u ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom billi tiggwida lill-konsumaturi f'dak li għandu x'jaqsam max-xiri, il-bejgħ, l-adozzjoni u t-trobbija tal-annimali miżmuma jew ikkumerċjalizzati fil-kuntest ta' attività ekonomika, b'mod partikolari fir-rigward tal-klieb, il-qtates, l-annimali eżotiċi u l-ekwini;
9. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-politika agrikola komuni tirrikonoxxi bis-sħiħ is-sensibbiltà tal-annimali u tindirizza b'mod olistiku l-isfidi ambjentali u tas-saħħa pubblika assoċjati ma' prattiki ta' benessri ħżiena; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-iżvilupp ta' politika alimentari sostenibbli ġdida li tirrikonoxxi t-titjib tal-benessri tal-annimali fl-irziezet flimkien mal-użu ta' prodotti tal-ikel ta' oriġini veġetali u l-konsum relatat;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tuża ċentri ta' referenza ġodda għall-benessri tal-annimali fl-UE biex tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tar-regoli eżistenti permezz tat-tixrid ta' informazzjoni, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattika u l-għoti ta' taħriġ lill-awtoritajiet kompetenti, u timplimenta l-użu ta' indikaturi kkonvalidati dwar il-benessri tal-annimali;
11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-benessri tal-annimali bħala mutur tal-iżvilupp ekonomiku;
12. Jappella biex titwaqqaf pjattaforma permanenti orizzontali għall-benessri tal-annimali, li tkopri l-Kummissjoni kollha, biex tiffaċilita aktar il-kooperazzjoni, tiffoka fuq l-isfidi għall-benessri tal-annimali u tippromwovi l-interazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, inkluża s-soċjetà ċivili;
13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiddefinixxi objettivi legali fi ħdan strateġija bħal din;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2014)0381.