Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-1280/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-1280/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar strateġija ġdida għall-benessri tal-annimali għall-2016-2020

24.11.2015 - (2015/2957(RSP))

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8‑1107/2015
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Albert Deß, Michel Dantin, Marijana Petir, Peter Jahr, Angélique Delahaye, Elisabeth Köstinger, Herbert Dorfmann, Norbert Lins, Sofia Ribeiro, Nuno Melo, Jarosław Kalinowski, Czesław Adam Siekierski, Annie Schreijer-Pierik, Mairead McGuinness, Vladimir Urutchev, Daniel Buda, Ramón Luis Valcárcel Siso, Anna Maria Corazza Bildt, Norbert Erdős f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1278/2015

Proċedura : 2015/2957(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-1280/2015
Testi mressqa :
B8-1280/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑1280/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar strateġija ġdida għall-benessri tal-annimali għall-2016-2020

(2015/2957(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 43 tat-TFUE dwar il-funzjonament tal-Politika Agrikola Komuni u l-Politika Komuni tas-Sajd,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Frar 2012 dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012 - 2015 (COM(2012)0006),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2012 dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015[1],

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-benessri tal-annimali tikkontribwixxi għal kundizzjonijiet ekwi fi ħdan l-Unjoni u b’hekk għal suq intern li jiffunzjona tajjeb;

B.  billi ċ-ċittadini Ewropej għandhom interess qawwi fil-benessri tal-annimali u jixtiequ jkunu jistgħu jagħmlu għażliet aktar infurmati bħala konsumaturi;

C.  billi r-regoli nazzjonali dwar il-benessri tal-annimali m’għandhomx imorru kontra l-prinċipji tas-suq uniku tal-UE;

D.  billi l-benessri tal-annimali hu marbut mill-qrib mas-saħħa tal-annimali u mas-saħħa pubblika;

E.  billi, minħabba l-kumplessità u l-interpretazzjonijiet differenti tagħhom, ir-regoli tal-UE u dawk nazzjonali dwar il-benessri tal-annimali joħolqu inċertezza ġuridika u jistgħu jqiegħdu lill-produtturi f’ċertu Stati Membri fi żvantaġġ kompetittiv serju;

F.  billi l-livell tal-benessri tal-annimali fl-Unjoni hu fost l-ogħla fid-dinja;

G.  billi l-benessri tal-annimali għandu jkompli jittejjeb aktar fuq il-bażi ta' sejbiet xjentifiċi prevalenti u b'kunsiderazzjoni xierqa kemm tas-sitwazzjoni tal-benessri tal-annimali domestiċi miżmuma miċ-ċittadini kif ukoll tal-effiċjenza u l-kompetittività ta’ trobbija agrikola tal-bhejjem;

H.  billi livell għoli tal-benessri tal-annimali huwa importanti biex tiġi żgurata s-sostenibilità, għad li dan ifisser investimenti u spejjeż operattivi addizzjonali li mhumiex distribwiti proporzjonalment tul il-katina alimentari;

1.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta, mingħajr dewmien, il-punti pendenti tal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015;

2.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal strateġija ġdida u ambizzjuża għall-protezzjoni u l-benessri tal-annimali għas-snin 2016-2020 sabiex tibni fuq il-ħidma tal-istrateġija preċedenti u tiżgura l-kontinwazzjoni ta' qafas biex tipproċedi bi standards għolja tal-benessri tal-annimali fost l-Istati Membri;

3.  Jirrikonoxxi l-isforzi li diġà saru mill-bdiewa dwar il-benessri tal-annimali fid-diversi Stati Membri;

4.  Ifakkar li l-Parlament adotta atti leġiżlattivi li jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-benessri tal-annimali, partikolarment il-projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet u l-kummerċjalizzazzjoni fi ħdan l-Unjoni ta' annimali klonati u r-riforma tal-kontrolli uffiċjali;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fejn ikun hemm evidenza xjentifika ċara li turi problemi marbuta mal-benessri tal-annimal, tadatta jew tintroduċi strumenti ta’ politika ġodda biex issolvi dawn il-problemi; jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE relatata mal-benessri tal-annimali fl-Istati Membri;

6.  Juri tħassib dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar effikaċi tal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar il-benessri tal-annimali u jenfasizza li t-titjib tal-infurzar u tal-konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti għandu jkun għan ewlieni fir-regoli kollha relatati mas-saħħa u l-benessri tal-annimali;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fl-istess ħin, biex tkun aktar ambizzjuża fir-rigward tal-inklużjoni u l-prijoritizzazzjoni tar-reċiproċità tal-istandards tal-benessri tal-annimali, bħala element mhux kummerċjali fil-politika tal-kummerċ tagħha u meta tinnegozja ftehimiet ta’ kummerċ internazzjonali, u biex tippromwovi l-benessri tal-annimali f’pajjiżi terzi billi teżiġi standards ta’ benessri ekwivalenti għall-annimali u l-prodotti importati flimkien ma' kontrolli stretti;

8.  Jenfasizza l-importanza ta' fondi adegwati għall-PAK, għaliex jeħtieġ baġit li jkun kumpatibbli mal-livell tal-ambizzjonijiet tagħna sabiex tiġi evitata rilokazzjoni tal-produzzjoni u tal-kummerċ lejn pajjiżi u kontinenti bi standards aktar baxxi dwar il-benessri tal-annimali;

9.  Ifakkar li hemm żbilanċi fil-katina alimentari li jqiegħdu lill-produttur primarju fi żvantaġġ, u li din is-sitwazzjoni tillimita l-iskop għal investimenti fil-qasam tal-benessri tal-annimali fil-livell tal-azjendi agrikoli;

10.  Ifakkar li l-produtturi huma mgħobbija wisq b'obbligi amministrattivi u li, fit-tfittxija permanenti għas-simplifikazzjoni amministrattiva, din l-istrateġija Ewropea m'għandhiex tkompli żżid il-piż li diġà jeżisti; jenfasizza l-ħtieġa għal stabbiltà u prevvedibbiltà ta' investimenti fis-settur, filwaqt li tkun żgurata kompetizzjoni internazzjonali ġusta;

11.  Jenfasizza li l-Artikolu 13 tat-TFUE fih applikazzjoni ġenerali, orizzontali, u bħala tali, hu importanti daqs id-dispożizzjonijiet għall-agrikoltura, l-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumatur;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.