Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-1346/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-1346/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-protezzjoni tal-Park Nazzjonali tal-Virunga fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

9.12.2015 - (2015/2728(RSP))

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-1111/2015
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Linda McAvan f'isem il-Kumitat għall-Iżvilupp


Proċedura : 2015/2728(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-1346/2015
Testi mressqa :
B8-1346/2015
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B8-1346/2015

Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-protezzjoni tal-Park Nazzjonali tal-Virunga fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

(2015/2728(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni li tikkonċerna l-Ħarsien tal-Wirt Kulturali u Naturali Dinji, adottata fis-16 ta' Novembru 1972 f'Pariġi mill-Konferenza Ġenerali tal-UNESCO,

–  wara li kkunsidra r-rikonoxximent, mill-UNESCO, tal-Park Nazzjonali tal-Virunga bħala Sit ta' Wirt Dinji fl-1979 u bħala Sit ta' Wirt Dinji fil-Periklu fl-1994,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, adottata waqt is-Summit dwar id-Dinja, f'Rio de Janeiro fil-5 ta' Ġunju 1992,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Artijiet Mistagħdra ta' Importanza Internazzjonali partikolarment bħala Ħabitats tal-Għasafar tal-ilma, adottata f'Ramsar fl-1971,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-OECD għal Intrapriżi Multinazzjonali adottati fl-1976, (u l-aġġornamenti tagħhom) u l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, adottati fl-1971,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali wara l-ftehim li ntlaħaq wara lment li tressaq minn WWF International kontra SOCO International plc f'Lulju 2014,

–  wara li kkunsidra l-qafas legali u kuntrattwali għas-settur tal-idrokarburi fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), inklużi l-'Ordonnance-Loi n°81-013 portant législation générale sur les mines et les hydrocarbures', il-'Code minier' u kwalunkwe 'Code congolais des hydrocarbures' futura, kif ukoll il-'Contrats de Partage et de Production des hydrocarbures' (CPPs),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-Park Nazzjonali tal-Virunga fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (O-0001082015 – B8-1111/2015),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Park Nazzjonali tal-Virunga, li jinsab fil-Provinċji ta' Kivu tat-Tramuntana u l-'Province Orientale' tar-RDK, fuq il-fruntiera mar-Rwanda u mal-Uganda, huwa l-eqdem park nazzjonali fl-Afrika u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, u huwa magħruf mad-dinja għall-ħabitats uniċi u l-bijodiversità rikka tiegħu li jagħmluh il-park bl-akbar bijodiversità fl-Afrika; billi, b'mod partikolari, il-Park huwa magħruf għall-gurilli tal-muntanji li jgħixu fih, li hija speċi li tinsab f'periklu serju ta' estinzjoni elenkata fl-Appendiċi I tal-Konvenzjoni tal-1973 dwar il-Kummerċ Illegali ta' Speċijiet fil-Periklu (CITES);

B.  billi, skont il-Konvenzjoni dwar id-Diverstà Bijoloġika, li ġiet iffirmata u rratifikata mir-RDK, il-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika hija preokkupazzjoni ġenerali għall-umanità u hija parti integrali mill-proċess ta' żvilupp; billi l-Konvenzjoni hija legalment vinkolanti u tobbliga lil min iffirmaha li jimplimenta d-dispożizzjonijiet tagħha;

C.  billi l-Park Nazzjonali tal-Virunga huwa protett ukoll mill-Konvenzjoni ta' Ramsar u d-dritt nazzjonali tar-RDK; billi l-Kummissjoni Ewropea u uħud mill-Istati Membri tal-UE ilhom jappoġġaw il-konservazzjoni tal-Park għal dawn l-aħħar 25 sena;

D.  billi l-Park Nazzjonali tal-Virunga huwa wieħed mit-tliet siti Ramsar tar-RDK (n°787); billi skont il-Konvenzjoni ta' Ramsar, ir-RDK għandha għadd ta' obbligi fir-rigward tas-siti inklużi fil-lista Ramsar, bħall-formulazzjoni u l-implimentazzjoni sussegwenti tal-ippjanar tagħha biex tippromwovi l-konservazzjoni tal-artijiet mistagħdra inklużi fil-lista, u kemm jista' jkun possibbli tagħmel użu intelliġenti mill-artijiet mistagħdra fit-territorju tagħha (l-Artikolu 3, paragrafu 1 tal-Konvenzjoni ta' Ramsar);

E.  billi, skont ir-rapport tad-WWF tal-2013 bit-titolu "The economic value of Virunga park" (Il-valur ekonomiku tal-Park tal-Virunga), il-Park Nazzjonali tal-Virunga attwalment jipproduċi valur ekonomiku ta' USD 48.9 miljun fis-sena; billi, f'sitwazzjoni stabbli, il-Park jista jikkontribwixxi għat-tkabbir fl-ekonomija u t-turiżmu u kapaċi jipproduċi valur ta' USD 1 biljun fis-sena u joħloq 45 000 impjieg;

F.  billi, minkejja l-istatus tiegħu ta' żona fejn jgħixu speċijiet protetti, il-Park ilu deċennji mhedded minn gruppi armati involuti fil-kaċċa illegali, id-deforestazzjoni u mezzi ta' sfruttament mhux sostenibbli u illegali tar-riżorsi; billi, bħala konsegwenza, Virunga ġie inkluż fil-Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fil-Periklu; billi tellieqa għaż-żejt f'kuntest ta' faqar kbir, stat dgħajjef, livell baxx ta' governanza u nuqqas ta' sigurtà reġjonali jkollha effetti soċjali u ambjentali severi ta' destabilizzazzjoni;

G.  billi, f'Diċembru 2007, il-gvern tar-RDK ta konċessjonijiet għaż-żejt li jkopru 85 % tal-Park; billi SOCO International plc (SOCO) s'issa hija l-unika kumpanija li fittxet għaż-żejt fil-Park;

H.  billi minkejja l-liġi tar-RDK li tipprojbixxi attivitajiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent f'żoni protetti, il-liċenzja għat-tiftix ta' SOCO tisfrutta eżenzjoni f'dik il-liġi li tippermettilha twettaq "attivitajiet xjentifiċi" f'żoni protetti;

I.  billi r-responsabilità li jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem hija standard globali ta' kondotta li l-intrapriżi kummerċjali kollha huma mistennija jsegwu, jaħdmu fejn jaħdmu, kif imtenni fil-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u fil-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali;

J.  billi għal aktar minn żewġ deċennji kien hemm kunflitti vjolenti fil-Park Nazzjonali tal-Virunga; billi l-estrazzjoni illegali, l-isfruttament illegali tar-riżorsi nazzjonali tiegħu (l-injam, il-karbonju, eċċ.) u l-kaċċa illegali ta' annimali fil-periklu ta' estinzjoni kif ukoll kummerċ illegali ieħor tar-riżorsi naturali, b'mod partikolari, iffinanzjaw kemm lir-ribelli kif ukoll lill-forzi armati uffiċjali, filwaqt li t-tiftix u l-isfruttament ta' riżervi potenzjali taż-żejt wisq probabbli jistgħu jkomplu jżidu l-vjolenza u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u jiġġeneraw aktar tniġġis fiż-żona;

K.  billi l-aktar riskji ambjentali kritiċi assoċjati mal-iżvilupp taż-żejt f'żoni fejn m'hemmx governanza tajba jinkludu: it-tneħħija fuq skala kbira tal-veġetazzjoni, l-introduzzjoni ta' pjanti invażivi, il-frammentazzjoni tal-ħabitats, iż-żieda fil-probabilità li ssir kaċċa illegali u tniġġis mit-tixrid taż-żejt, l-ivvampjar tal-gass u d-dumping tal-iskart; billi r-riskju ta' "seħta taż-żejt" jista' jirriżulta f'żieda fil-faqar u f'indikaturi ta' inugwaljanzi kif muri mill-istudji tal-każ bħal dak ta' 'Niger Delta' (Id-Delta tan-Niġer);

L.  billi l-ġestjoni sostenibbli tal-art, l-ilma u l-annimali u l-pjanti selvaġġi tal-Park tal-Virunga se jkollha benefiċċji ekonomiċi diretti u indiretti għall-komunitajiet li jiddependu ħafna fuq ir-riżorsi naturali tal-Park; billi, skont id-WWF, il-gurilli tal-muntanji weħidhom jiġbdu turiżmu li kapaċi jiġġenera USD 30 miljun fis-sena u joħloq eluf ta' impjiegi;

1.  Jisħaq fuq il-ħtieġa assoluta għall-prevenzjoni ta' ħsara irreversibbli lill-Park Nazzjonali tal-Virunga, li fl-1979 ġie rrikonoxxut bħala Sit ta' Wirt Dinji mill-UNESCO u fl-1994 bħala Sit ta' Wirt Dinji fil-Perikolu;

2.  Jiddeplora l-fatt li l-Park Nazzjonali tal-Virunga sar ukoll wieħed mill-aktar postijiet perikolużi fid-dinja f'dak li għandu x'jaqsam mal-Konservazzjoni tal-Annimali u l-Pjanti Selvaġġi; jinnota, bi tħassib kbir, li xi gruppi armati kienu involuti fl-isfruttament illegali tar-riżorsi naturali tal-Park permezz ta' attivitajiet ta' estrazzjoni u l-produzzjoni tal-karbonju li jintuża kemm għas-sostenn tal-operazzjonijiet militari tagħhom kif ukoll għall-vantaġġ personali tagħhom; jiddeplora wkoll il-fatt li xi gruppi armati kienu involuti f'attivitajiet ta' kaċċa illegali fuq skala kbira għal skopijiet ta' alimentazzjoni u għall-kummerċ tal-avorju u l-laħam tal-annimali selvaġġi bl-iskop li jiffinanzja l-gwerer; jinnota bi tħassib, barra minn hekk, li nuqqas ta' dixxiplina, pagi irregolari u nuqqas ta' ikel irriżultaw f'żieda fil-parteċipazzjoni tal-persunal militari f'attivitajiet illegali, inklużi l-estrazzjoni artiġjanali, il-produzzjoni tal-karbonji u l-kaċċa illegali tal-annimali u l-pjanti selvaġġi; jinnota li, filwaqt li l-Park huwa żona fejn jgħixu bosta organiżmi selvaġġi, il-kobor tiegħu ta' żewġ miljun acre (790 000 ettaru) jikkostitwixxi problemi ta' protezzjoni kbar, speċjalment minħabba l-finanzjament limitat min-naħa tal-gvern; jinnota li fil-15 ta' April 2014, il-Gwardjan Ewlieni tal-Park, il-Prinċep Belġjan Emmanuel de Merode, indarab serjament minn tliet individwi armati b'pistoli, u aktar minn 140 għassies inqatlu fil-Park waqt il-qadi ta' dmirhom fl-aħħar għaxar snin;

3.  Jenfasizza li, bħala konsegwenza tat-tiftix u l-isfruttament taż-żejt u attivitajiet illegali oħra, tista' ssir ħsara irreversibbli lill-Park Nazzjonali tal-Virunga; iqis li huwa inaċċettabbli li fl-2007 ingħataw konċessjonijiet għaż-żejt fil-Park Nazzjonali ta' Virunga lill-kumpanija taż-żejt Franċiża TOTAL u lill-kumpanija taż-żejt Brittanika SOCO International, bi ksur tal-Konvenzjoni ta' Pariġi dwar il-Ħarsien tal-Wirt Kulturali u Naturali Dinji, tal-Konvenzjoni tal-1992 dwar id-Diversità Bijoloġika, il-Konvenzjoni ta' Ramsar u tal-liġi Kongoliża. Ifakkar li, filwaqt li TOTAL qablet li qatt ma kienet se tfittex għaż-żejt fil-konfini tal-Park Nazzjonali ta' Virunga (anki jekk il-Gvern Kongoliż jiddeċiedi li jbiddel il-konfini), SOCO International wettqet attivitajiet ta' tiftix għaż-żejt fil-Park Nazzjonali ta' Virunga u f'Lulju 2014 wettqet stħarriġ sismiku, u huwa mistenni li r-riżultati tiegħu jingħataw dalwaqt lill-Gvern Kongoliż, li mbagħad għandu jiddeċiedi jekk ikomplix ifittex;

4.  Jieħu nota tal-ftehim li ntlaħaq f'Ġunju 2014 bejn SOCO International u l-grupp għall-konservazzjoni WWF, b'rabta mal-ilment li d-WWF bagħtet lill-punt ta' kuntatt nazzjonali tar-Renju Unit dwar in-nuqqas ta' konformità ta' SOCO mal-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali li jgħidu li l-kumpanija ħadet impenn li ma twettaqx jew ma tikkommissjonax attivitajiet ta' tiftix jew tħaffir fil-Park Nazzjonali tal-Virunga sakemm l-UNESCO u l-gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) ma jaqblux li tali attivitajiet mhumiex inkompatibbli mal-Istatus ta' Wirt Dinji tal-Park; jinnota li tali ftehim kondizzjonali ma joffri ebda garanzija li se titwaqqaf kull attività marbuta maż-żejt li għaddejja fil-Park; jinnota li l-pożizzjoni ambigwa ta' SOCO Internaztional tħalli l-bieb miftuħ għad-deklassifikazzjoni totali jew parzjali tal-Park mit-tħaffir għaż-żejt; josserva li l-konċessjoni għaż-żona fejn kienet qed tfittex SOCO hija lokalizzata fil-Lag Edward u madwaru, żona fejn jgħixu għexieren ta' speċijiet ikoniċi (uħud minnhom fil-periklu ta' estinzjoni), inklużi ximpanzì, iljunfanti, kukkudrilli u iljuni; jappella, għaldaqstant, lil SOCO International plc u l-kumpanija tagħha rreġistrata fir-RDK biex twaqqaf għal dejjem l-attivitajiet ta' tiftix u sfruttament fil-Virunga, u jirrispettaw il-konfini attwali tal-Park; jappella, barra minn hekk, lill-gvern tar-RDK jikkanċella l-permessi kollha li ta għat-tiftix fil-proprjetà tal-Park Nazzjonali tal-Virunga, kif mitlub mill-Kumitat għall-Wirt Dinji;

5.  Jisħaq li s-sajd fil-Lag Edward jiġġenera madwar USD 30 miljun fis-sena għall-benefiċċju tal-komunità lokali li tgħix qrib il-Park Nazzjonali tal-Virunga u, barra minn hekk, skont studju indipendenti kkommissjonat mid-WWF, 'il fuq minn 50 000 familja jiddependu fuq il-lag għall-provvista tagħhom ta' ilma frisk;

6.  Josserva li, skont rapport ippubbikat minn Global Witness f'Settembru 2014, f'Der Spiegel, The Telegraph, u The New York Times, jeżistu allegazzjonijiet li l-kumpanija SOCO International u l-kuntratturi tagħha għamlu pagamenti illeċiti, jidhru li ħallsu lir-ribelli armati u bbenefikaw mill-biża' u l-vjolenza mrawma mill-forzi tas-sigurtà tal-gvern fil-Lvant tar-RDK, huma u jfittxu aċċess għall-eqdem park nazzjonali tal-Afrika għat-tiftix taż-żejt;

7.  Ifaħħar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika (VAS) dwar it-tiftix/l-isfruttament taż-żejt fir-reġjun tan-Northern Albertine Rift, inkluż il-Park Nazzjonali tal-Virunga; Iqis, abbażi ta' dik il-valutazzjoni, li l-gvernijiet ikkonċernati, inkluż il-gvern tar-RDK, għandhom ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati bbażati fuq analiżi xierqa tal-impatt tat-tiftix għaż-żejt u l-isfruttament tiegħu; jiddispjaċih, madankollu, li l-proċess tal-VAS għadda minn dewmien kbir u li diġà beda t-tiftix għaż-żejt fil-Park Nazzjonali tal-Virunga, minkejja li l-proċess tal-VAS għadu ma ġiex iffinalizzat;

8.  Jisħaq li l-kwistjoni tat-tiftix għaż-żejt fir-RDK hija kkaratterizzata minn sistema leġiżlattiva u regolatorja li la hija adegwata u lanqas effikaċi; jappella lill-gvern tar-RDK jiddefendi u jirrispetta d-dritt u r-regolamenti tar-RDK li jipprojbixxu attivitajiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent, bħat-tiftix u l-isfruttament taż-żejt f'żoni protetti, inkluża ż-żona tal- Virunga, u jitolbu wkoll jelimina l-lakuni li jeżistu fl-abbozz ta' liġijiet dwar l-idrokarbonju u l-konservazzjoni li jippermettu t-tiftix u l-isfruttament tar-riżorsi naturali fil-parks nazzjonali u s-Siti ta' Wirt Dinji;

9.  Ifaħħar lill-awtoritajiet maniġerjali fil-Park għall-isforzi tagħhom biex jiżguraw dħul sostenibbli mill-ġenerazzjoni tal-enerġija solari u l-idroenerġija naturali li ttejjeb id-dħul għal ħafna mill-popolazzjoni lokali mingħajr ma teqred iż-żona naturali u mingħajr ma taqbeż il-limitu ta' żvilupp permess minn Sit ta' Wirt Dinji;

10.  Jirrimarka li, mill-bidu tas-snin 90, kunflitti mal-gwerillieri armati li jgħixu fil-Park u madwaru wasslu għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u ħafna mill-vjolenza; jirrimarka li l-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tar-Rwanda (FDLR), grupp ta' gwerillieri li huma akkużati li wettqu atroċitajiet waqt il-ġenoċidju li seħħ fir-Rwanda fir-Rebbiegħa tal-1994 u li nfirex ukoll fil-Lvant tar-RDK, ilhom jgħixu fil-Park mill-1996 u għadhom jgħixu moħbija 'lil hinn mill-fruntiera fiż-żona tal-Virunga, filwaqt li huwa rrapportat ukoll li l-milizzji Mai-Mai qatlu, stupraw u darbu ħafna nies, u li qerdu villaġġi fi ħdan il-konfini tal-Park; iħeġġeġ lill-gvern tar-RDK jċaħħad lir-ribelli mill-armi u jistabbilixxi mill-ġdid is-sigurtà fir-reġjun tal-Park; jiddispjaċih, barra minn hekk, li r-ripressjoni tal-attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem u tal-ġurnalisti fir-RDK kibret; jitlob, għal darba oħra, lill-gvern tar-RDK jirrikonoxxi u jirrispetta l-libertà tal-istampa u l-midja, u jirrispetta l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

11.  Ifakkar li, skont il-Konvenzjoni ta' Pariġi dwar il-Ħarsien tal-Wirt Kulturali u Naturali Dinji, it-tiftix għaż-żejt u l-isfruttament tiegħu mhumiex kompatibbli mal-istatus ta' Sit ta' Wirt Dinji; jisħaq, barra minn hekk, li fil-Park Nazzjonali tal- Virunga jgħixu ħafna speċijiet fil-periklu ta' estinzjoni, bħall-gurilli tal-muntanji ikoniċi (li huma fost tal-aħħar fil-pjaneta), u l-okapis, u li l-ħabitats tal-ispeċijiet fil-periklu għandhom jiġu protetti b'mod strett; jilqa' d-deċiżjoni tal-gvern tar-RDK li joħloq brigata speċjali kontra l-kaċċa illegali iżda jitlob lill-gvern tar-RDK, madankollu, biex jidentifika u jieħu azzjoni legali addizzjonali f'kooperazzjoni mas-segretarjat ta' CITES sabiex jiġġieldu n-netwerks kriminali involuti fit-traffiku illegali; iħeġġeġ lill-gvern tar-RDK, b'mod aktar ġenerali, biex isaħħaħ ir-rwol tal-għassiesa tal-Park u jikkastiga l-attivitajiet illegali li jitwettqu fih;

12.  Jisħaq fuq il-fatt li huwa rrapportat li l-kwistjoni ta' bidla fil-konfini tal-Park Nazzjonali tal-Virunga tqajmet bejn il-gvern Kongoliż u SOCO International, bil-ħsieb li jiġu deklassifikati xi partijiet tal-Park Nazzjonali tal-Virunga, jew iż-żona tal-Virunga kollha kemm hi, sabiex jitħalla jsir tħaffir għal bjar taż-żejt b'mod legali, minkejja li ma jidhirx li f'dan l-istadju l-gvern talab uffiċjalment lill-UNESCO għal bidla bħal din;

13.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jikkoordina tweġiba diplomatika mill-Istati Membri tal-UE u donaturi potenzjali oħra li huma attivi fir-RDK, bil-ħsieb li jgħinu lill-Gvern tar-RDK biex jirrifjuta t-tiftix għaż-żejt u l-isfruttament tiegħu fi ħdan il-konfini tal-Park, kif ukoll fis-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO Kongoliżi l-oħra, u sabiex ma jippermettix li jsiru bidliet fil-konfini tal-Park jew li dawn jiċċekknu;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiddefendu l-integrità tal-Park, pereżempju billi jżidu l-impenn tagħhom biex jiffinanzjaw konservazzjoni sostenibbli, żvilupp ekonomiku u diversifikazzjoni fir-reġjun tal-madwar; jappella, b'mod partikolari, lill-UE tgħin lill-gvern tar-RDK jiżviluppa alternattivi enerġetiċi u ekonomiċi sostenibbli għall-industriji estrattivi, itejjeb il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi - speċjalment permezz ta' sistemi tat-taxxa ġusti u progressivi - isaħħaħ il-governanza, u jiġġieled il-kaċċa illegali, il-qtugħ illegali tas-siġar, l-estrazzjoni illegali u l-korruzzjoni, li huma fatturi persistenti li jheddu li jikkawżaw ħsara irreversibbli lill-Park;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex il-proġett tal-VAS isir għodda reali ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

16.  Jisħaq li l-Istati Membri tal-UE għandhom dmir, skont id-dritt internazzjonali u Ewropew dwar id-drittijiet tal-bniedem, li jiżguraw li l-kumpaniji li joperaw fil-ġurisdizzjoni tagħhom ma jkunux qed jikkawżaw jew jikkontribwixxu għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, direttament jew indirettament, permezz tal-attivitajiet kummerċjali tagħhom, u li dawn jaġixxu f'konformità mal-kodiċijiet ta' kondotta adottati li jispeċifikaw standards ta' prestazzjoni soċjali u ambjentali, kif ukoll strumenti bħall-Konvenzjoni 169 tal-ILO, il-Linji Gwida għall-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri legalment vinkolanti biex b'mod effikaċi jżommu responsabbli lill-kumpaniji li jinstab li jkunu daru mal-liġijiet nazzjonali u t-trattati internazzjonali;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni effikaċi biex jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-kunflitti armati u l-korruzzjoni, u jappoġġaw l-iżvilupp sostenibbli u l-istrateġiji u l-proġetti għall-bini tal-paċi fil-Park Nazzjonali tal-Virunga u r-reġjun ta' madwaru;

18.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u lill-kumpaniji taż-żejt interessati fit-tħaffir għaż-żejt biex jipproteġu l-konfini attwali u l-inħawi qrib il-Park Nazzjonali tal-Virunga mill-isfruttament tal-karburanti fossili;

19.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jieħu l-inizjattivi kollha meħtieġa biex jipperswadi lill-gvern tar-RDK sabiex jinvestiga l-atti ta' vjolenza kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem attivi fir-RDK, speċjalment fil-Park Nazzjonali tal-Virunga, inklużi l-għassiesa tal-Park, u jistiednu wkoll iħeġġeġ lill-gvern tar-RDK biex jagħmel ħiltu sabiex jipprevjeni atti ta' krudeltà bħal dawn milli jseħħu mill-ġdid;

20.  Iħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżgura li SOCO International plc u l-kumpanija tagħha rreġistrata fir-RDK, SOCO Exploration and Production DRC SPRL (SOCO) jimpenjaw ruħhom b'mod pubbliku sabiex itemmu l-attivitajiet kollha ta' tiftix u sfruttament tar-riżorsi fil-Park Nazzjonali tal-Virunga għal dejjem;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri, u tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, ir-Repubblika tal-Uganda u ir-Repubblika tar-Rwanda, lill-Kumitat tal-Wirt Dinji stabillit fi ħdan il-UNESCO, lill-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent u lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta' Ramsar.