Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-1354/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-1354/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi

9.12.2015 - (2015/2973(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Victor Boştinaru, Norbert Neuser, David Martin, Maria Arena, Kashetu Kyenge, Elena Valenciano, Juan Fernando López Aguilar, Marlene Mizzi, Sorin Moisă, Doru-Claudian Frunzulică f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1348/2015

Proċedura : 2015/2973(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-1354/2015
Testi mressqa :
B8-1354/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-1354/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi

(2015/2973(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim rivedut ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Arusha għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Burundi tat-28 ta' Awissu 2000,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Burundi u b'mod partikolari l-Artikolu 96 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza (ACDEG),

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill għas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti Nru 2248 (2015) tat-12 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-12 ta' Novembru 2015 mill-Viċi Segretarju Ġenerali tan-NU, Jan Eliasson, il-President tal-Unjoni Afrikana, Nkosazana Dlamini-Zuma, u l-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, dwar il-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana (KPSUA) tat-13 ta' Ġunju, tas-17 ta' Ottubru u tat-13 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet maħruġa mill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant fil-31 ta' Mejju u fis-6 ta' Lulju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-17 ta' Ġunju 2015 mill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta UE-AKP dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1755 tal-1 ta' Ottubru 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Burundi[1],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonjiet tal-Kunsill tas-16 ta' Marzu, it-18 ta' Mejju, it-22 ta' Ġunju u s-16 ta' Novembru 2015 dwar il-Burundi,

–  wara li kkunsidra l-ittra approvata mill-Kunsill fis-26 ta' Ottubru 2015 li talbet il-ftuħ ta' konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet Burundjani skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Artikolu 96 tal-Kostituzzjoni tal-Burundi u l-Artikolu 7(3) tal-Protokoll II tal-Ftehim ta' Arusha għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni jistipulaw li l-President ma jistax jibqa' fil-kariga għal aktar minn żewġ mandati; billi l-President Pierre Nkurunziza ilu fil-kariga mill-2005, billi ġie elett mill-ġdid fl-2010;

B.  billi fil-Burundi saru l-elezzjonijiet leġislattivi u lokali fid-29 ta' Ġunju 2015 u l-elezzjonijiet presidenzjali fil-21 ta' Lulju 2015; billi ż-żewġ proċessi elettorali kienu meqjusa mill-komunità internazzjonali bħala mhux trasparenti, mhux inklużivi, mhux ħielsa u mhux kredibbli; billi għal din ir-raġuni l-Unjoni Afrikana (UA) rrifjutat li tibgħat osservaturi biex isegwu l-elezzjonijiet, l-UE ssospendiet il-missjoni elettorali tagħha fil-Burundi u parti kbira tal-oppożizzjoni Burundjana ddeċidiet li tibbojkottja l-elezzjonijiet;

C.  billi l-kandidatura tal-President Nkurunziza għat-tielet mandat u l-elezzjoni tiegħu mill-ġdid wara l-elezzjonijiet tal-21 ta' Lulju 2015 tefgħu lill-pajjiż fl-agħar kriżi politika tiegħu minn tmiem il-gwerra ċivili;

D.  billi l-Gvern Burundjan injora d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adotatti mill-UA u l-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC) fit-13 ta' Ġunju 2015 u s-6 ta' Lulju 2015 rispettivament, li l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom kieku kienet twitti t-triq għal elezzjonijiet kredibbli u inklużivi;

E.  billi, skont l-OHCHR u organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem oħrajn, twettqu vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem motivati politikament, abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u atti ta' vjolenza fil-pajjiż kemm fil-perjodu ta' qabel l-elezzjoni kif ukoll wara, immirati b'mod partikolari lejn attivisti tal-oppożizzjoni, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti, inklużi Pierre Claver Mbonimpa, Marguerite Barankitse, Antoine Kaburahe u Bob Rugurika; billi hemm perċezzjoni mifruxa li huma fil-parti l-kbira tagħhom, iżda mhux esklużivament, marbuta mal-istituzzjonijiet tal-istat; billi r-responsabilità ewlenija biex tiġi żgurata s-sigurtà fil-Burundi u tiġi protetta l-popolazzjoni Burundjana, bir-rispett dovut għall-istat tad-dritt, għad-drittijiet tal-bniedem u għal-liġi umanitarja internazzjonali, hija f'idejn il-Gvern Burundjan;

F.  billi aktar minn 200 000 persuna ġew spostati f'pajjiżhom jew fittxew kenn f'pajjiżi ġirien minħabba d-deterjorament tas-sitwazzjoni politika fil-Burundi; billi f'Lulju 2015 l-UE żiedet l-għajnuna umanitarja tagħha u mmobilizzat EUR 4.5 miljun addizzjonali f'għajnuna għal popolazzjonijiet spostati;

G.  billi fis-26 ta' Ottubru 2015 l-UE talbet il-ftuħ ta' konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, biex jiġi investigat in-nuqqas ta' rispett tal-elementi essenzjali tal-Ftehim, partikolarment id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt; billi dawn il-konsultazzjonijiet bdew fit-8 ta' Diċembru 2015;

H.  billi l-istaġnar politiku fil-Burundi, karatterizzat minn nuqqas ta' djalogu fost il-partijiet interessati Burundjani u deterjorament fis-sitwazzjoni tas-sigurtà u dik ekonomika minħabba dan, jikkawżaw konsegwenzi serji għall-popolazzjoni u joħolqu riskju serju għall-istabilità tar-reġjun;

I.  billi l-komunità internazzjonali għandha rwol sinifikanti bħala l-garanti tal-Ftehimiet ta' Arusha; billi s'issa l-isforzi reġjonali u sottoreġjonali kollha mmirati biex tiġi indirizzata l-kriżi u restawrat id-djalogu bejn il-forzi politiċi kollha ma tawx ir-riżultati pożittivi mistennija;

J.  billi, fl-1 ta' Awwissu 2015 l-oppożizzjoni politika u s-soċjetà ċivili ltaqgħu f'Addis Ababa biex joħolqu l-Kunsill Nazzjonali għar-Restawr tal-Ftehimiet ta' Arusha u tal-Istat tad-Dritt;

K.  billi fit-23 ta' Settembru 2015 il-President Nkurunziza ffirma digriet għall-ħolqien ta' kummissjoni nazzjonali għad-djalogu inter-Burundjan għat-tmexxija tan-negozjati għal sitt xhur; billi s-soċjetà ċivili esprimiet xettiċiżmu kbir fir-rigward tal-kisbiet potenzjali ta' din il-kummissjoni;

L.  billi l-UA, l-UE u l-Istati Uniti imponew iffriżar tal-assi u projbizzjoni tal-ivvjaġġar fuq il-mexxejja tal-gvern u tal-oppożizzjoni, li l-azzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tagħhom jikkontribwixxu biex tkompli l-vjolenza u jostakolaw is-sejbien ta' soluzzjoni politika għall-kriżi fil-Burundi;

M.  billi fis-17 ta' Ottubru 2015 il-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-UA talab il-finalizzazzjoni tal-ippjanar ta' kontinġenza għall-iskopijiet ta' tnedija fil-Burundi jekk is-sitwazzjoni tkun hekk teħtieġ, ta' missjoni mmexxija mill-Afrika għall-prevenzjoni tal-vjolenza fil-pajjiż, u qabel mat-tnedija ta' investigazzjoni bir-reqqa dwar il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u abbużi oħra kontra l-popolazzjoni ċivili fil-Burundi;

N.  billi fit-30 ta' Novembru 2015 is-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-Moon għamel tliet proposti lill-Kunsill tas-Sigurtà fejn jirrakkomanda reviżjoni tal-mandat tal-preżenza tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Burundi minħabba l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni; billi dawn il-proposti jinkludu l-possibilità li tintbagħat missjoni ta' żamma tal-paċi jekk is-sitwazzjoni tkun hekk teħtieġ;

O.  billi l-UA u partijiet internazzjonali oħra ripetutament talbu djalogu ġenwin u inklużiv li jinvolvi l-partijiet interessati kollha, b'rispett lejn il-Ftehim ta' Arusha u l-Kostituzzjoni tal-Burundi, sabiex tinstab soluzzjoni konsenswali għall-kunflitt fil-Burundi; billi l-UE u n-NU jappoġġjaw din il-pożizzjoni;

P.  billi l-isforzi ta' medjazzjoni jkomplu, bl-appoġġ sħiħ tal-UA, l-UE u n-NU, sabiex jiġi promoss id-djalogu inter-Burundjan bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni kunsenswali u paċifika għall-kriżi fil-Burundi;

Q.  billi l-UE tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-baġit annwali tal-Burundi, li madwar nofsu jiġi minn għajnuna internazzjonali, u reċentement allokat EUR 432 miljun għall-Burundi mill-FEŻ 2014-2020;

R.  billi, permezz tad-Digriet 530/1597, l-awtoritajiet Burundjani ssospendew l-attivitajiet ta' 10 organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, jiġifieri ACAT-Burundi, APRODH, AMINA, FOCODE, FORSC, Fontaine-ISOKO, Maison Shalom, PARCEM, RCP u SPPDF, u mblukkaw il-kontijiet bankarji tagħhom;

1.  Jesprimi t-tħassib l-aktar serju tiegħu dwar is-sitwazzjonijiet serji ta' politika u ta' sigurtà fil-Burundi, u s-sitwazzjoni umanitarja li rapidament sejra għall-agħar u l-konsegwenzi li dan jista' jkollu għas-sigurtà u l-istabilità fis-sottoreġjun sħiħ;

2.  Jikkundanna l-attakki vjolenti reċenti u l-każijiet li żdiedu ta' vjolazzjonijiet u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-assassinji, il-qtil extraġudizzjarju, il-vjolazzjonijiet tal-integrità fiżika tal-persuni, l-atti ta' tortura u trattament ieħor krudili, inuman u/jew degradanti, l-arresti arbitrarji u d-detenzjonijiet illegali, u l-vjolazzjonijiet tal-libertà tal-istampa u tal-espressjoni, kif ukoll il-prevalenza tal-impunità;

3.  Jitlob tmiem immedjat tal-vjolenza, tal-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tal-intimidazzjoni politika tal-avversarji u d-diżarm immedjat tal-gruppi armati kollha marbuta ma' partiti politiċi, b'konformità stretta mal-liġi internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem;

4.  Jirrimarka, b'mod partikolari, dwar il-preżenza ta' ħafna żgħażagħ fi ħdan il-gruppi armati li qed joperaw fil-Burundi u jistieden lill-komunità internazzjonali tagħti attenzjoni speċifika lill-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom u lill-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fi proċess politiku paċifiku;

5.  Jitlob li l-partijiet kollha fil-Burundi ma jieħdu l-ebda azzjoni li thedded il-paċi u s-sigurtà fil-pajjiż; jikkundanna bil-qawwa d-dikjarazzjonijiet pubbliċi kollha li għandhom l-għan li jinċitaw vjolenza jew mibegħda lejn gruppi differenti tas-soċjetà Burundjana, li għandhom il-potenzjal li jaggravaw it-tensjoni attwali, u jistieden lill-partijiet kollha biex ma jagħmlux tali kummenti;

6.  Ifakkar lill-awtoritajiet Burundjani fl-obbligu tagħhom li jiżguraw is-sigurtà fi ħdan it-territorju tal-pajjiż u jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet ċivili u politiċi u l-libertajiet fundamentali, kif previst fil-Kostituzzjoni tal-Burundi, fil-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, u fi strumenti internazzjonali u reġjonali oħra tad-drittijiet tal-bniedem;

7.  Ifakkar, f'dan il-kuntest, li s-sħubija bejn l-UE u l-Burundi hija rregolata mill-Ftehim ta' Cotonou, u li l-partijiet kollha huma marbuta li jirrispettaw u jimplimentaw it-termini ta' dak il-ftehim, b'mod partikolari r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar, b'mod partikolari, li l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou jipprevedi l-possibilità li jiġu istitwiti proċeduri ta' konsultazzjoni f'każijiet ta' nuqqas ta' rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, u jilqa', f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-UE li titlob il-ftuħ ta' konsultazzjonijiet kif previst f'dak l-Artikolu;

8.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jistabbilixxu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-bini mill-ġdid tal-fiduċja u t-trawwim tal-għaqda nazzjonali u jitlob li minnufih jerġa' jinbeda djalogu nazzjonali inklużiv u trasparenti, li jinkludi l-Gvern, il-partiti tal-oppożizzjoni u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;

9.  Jenfasizza li dan id-djalogu, immirat lejn il-ksib tal-paċi, is-sigurtà u l-istabilità dejjiema, u għar-restawr tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, fl-interessi taċ-ċittadini tal-Burundi, għandu jkun ibbażat fuq il-Ftehim ta' Arusha u l-Kostituzzjoni tal-Burundi, li teħtieġ il-konformità mal-liġi internazzjonali u t-trattati;

10.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolazzjoni tal-Ftehim ta' Arusha mill-President Nkurunziza meta ħa l-ġurament tal-ħatra għat-tielet mandat presidenzjali;

11.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Burundjani biex iħeġġu s-sejbien tal-verità dwar ir-reati tal-massa mwettqa bejn l-1962 u l-2008, permezz ta' miżuri ġudizzjarji u mhux ġudizzjarji, bħal kummissjoni għall-verità u r-rikonċiljazzjoni u tribunali speċjali, u l-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni nazzjonali;

12.  Jilqa' l-isforzi ta' medjazzjoni mmexxija mid-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni u l-Kultura, bl-appoġġ tal-UA u n-NU, biex jiffaċilitaw id-djalogu fost il-partijiet interessati Burundjani; jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà wkoll biex tappoġġja dawn l-isforzi ta' medjazzjoni; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Burundi u partijiet interessati oħra kkonċernati biex jikkooperaw bis-sħiħ mal-medjatur;

13.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar in-numru ta' vittmi u l-każijiet ta' vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem irrapportati sa mill-bidu tal-kriżi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu investigazzjoni bir-reqqa u immedjata dwar iċ-ċirkostanzi u l-motivi wara dawn ir-reati u jiżguraw li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja; itenni li ma jista' jkun hemm l-ebda impunità għal dawk responsabbli għal vjolazzjonijiet jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem;

14.  Jitlob li jitħassar id-Digriet 530/1597 li jipprevedi s-sospensjoni provviżorja tal-attivitajiet ta' 10 organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u li jitneħħa immedjatament l-iffriżar tal-kontijiet bankarji tagħhom, sabiex dawn l-organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom liberament;

15.   Jitlob ir-ritorn sigur ta' ġurnalisti u ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f'eżilju, il-ftuħ mill-ġdid tal-mezzi tax-xandir li ngħalqu wara li falla l-attentat ta' kolp ta' stat tal-14 ta' Mejju 2015 u li jitwaqqgħu l-akkużi miġjuba kontra dawk il-ġurnalisti akkużati li ħadu sehem, direttament jew indirettament, fl-attentat fallut ta' kolp ta' stat;

16.  Jilqa' l-fatt li ġew mibgħuta mill-UA osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem u esperti biex jimmonitorjaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u jenfasizza l-importanza li jkun hemm kooperazzjoni magħhom sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-mandat tagħhom; jistieden barra minn hekk lill-Qorti Kriminali Internazzjonali biex, fl-ambitu tal-ġurisdizzjoni tagħha, tinvestiga l-allegati vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li twettqu matul il-kriżi reċenti;

17.  Jilqa' s-sanzjonijiet immirati approvati mill-UE, konsistenti mad-deċiżjoni meħuda mill-UA, li timponi sanzjonijiet immirati, inkluża projbizzjoni fuq l-ivjaġġar u l-iffriżar tal-assi kontra Burundjani li l-azzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tagħhom ikkontribwew għall-perpetwazzjoni tal-vjolenza u l-ostruzzjoni tal-isforzi biex tinkiseb soluzzjoni politika għall-kriżi;

18.  Jitlob li l-UE testendi tali sanzjonijiet għal dawk kollha li l-azzjonijiet tagħhom jirrappreżentaw theddida għall-paċi u l-istabilità fir-reġjun, li jinċitaw il-mibegħda u li jiksru l-Ftehim ta' Arusha;

19.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, fid-dawl ta' kif żviluppa l-mod li bih saret il-konsultazzjoni pubblika mmexxija skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, li jiddirezzjonaw mill-ġdid l-għajnuna bl-għan li jsaħħu s-soċjetà ċivili u, jekk ikun meħtieġ, jissospendu l-appoġġ kollu lill-Gvern Burundjan;

20.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-eżodu kontinwu ta' refuġjati Burundjani lejn pajjiżi ġirien; itenni l-appoġġ tiegħu għall-organizzazzjonijiet umanitarji kollha li joperaw fuq il-post, kif ukoll għall-pajjiżi ospitanti ġirien; jappella lill-komunità internazzjonali u l-aġenziji umanitarji biex ikomplu jagħtu assistenza lil dawk kollha li issa huma refuġjati u persuni spostati bħala riżultat tal-kunflitt; jilqa' l-impenn tal-UE biex iżżid l-appoġġ finanzjarju u l-għajnuna umanitarja sabiex tindirizza l-bżonnijiet urġenti ta' dawn il-popolazzjonijiet;

21.  Jistieden lill-UA, lin-NU u lill-UE biex iqisu serjament id-dimensjoni reġjonali u jevitaw kwalunkwe destabbilizzazzjoni ulterjuri tar-reġjun, b'mod partikolari billi jinżamm djalogu politiku permanenti bejn il-pajjiżi fir-reġjun; iħeġġeġ lill-UA, f'dan il-kuntest, biex tikkunsidra li tibgħat missjoni għaż-żamma tal-paċi mmexxija mill-Afrika jekk is-sitwazzjoni tas-sigurtà u tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi tkompli tiddeterjora;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Burundi, lill-Kunsill AKP-UE, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant u lill-gvernijiet tal-istati membri tagħha, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.