Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-1355/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-1355/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi

9.12.2015 - (2015/2973(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Hilde Vautmans, Louis Michel, Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Ivan Jakovčić, Ilhan Kyuchyuk, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Pavel Telička f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1348/2015

Proċedura : 2015/2973(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-1355/2015
Testi mressqa :
B8-1355/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-1355/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi

(2015/2973(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar il-Burundi, b'mod partikolari dik tad-9 ta' Lulju 2015[1],

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou rivedut, b'mod partikolari l-Artikolu 96 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Arusha għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Burundi,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR),

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (ACHPR),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni preliminari tas-27 ta' Lulju 2015 tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tan-NU fil-Burundi (MENUB),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Unjoni Afrikana tas-17 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza (ACDEG),

–  wara li kkunsidra l-istqarrija preliminari tal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant tal-elezzjoni presidenzjali tal-21 ta' Lulju 2015 fir-Repubblika tal-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP-UE tal-14 ta' Ġunju 2015 li tissospendi l-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-Assemblea fil-Burundi minħabba s-sitwazzjoni fil-pajjiż,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-qasam tal-Libertà tal-Espressjoni, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Ġunju 2014 li fihom impenjat ruħha li tintensifika l-ħidma tagħha dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE tat-22 ta' Ġunju 2015 dwar il-Burundi u d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Lulju 2015 mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, f'isem l-UE wara l-elezzjoni Presidenzjali fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-28 ta' Awwissu 2015 mit-Tim ta' Mibgħuta u Rappreżentanti Internazzjonali fuq il-Lagi l-Kbar tal-Afrika dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1763 tal-1 ta' Ottubru 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Burundi[2],

–  wara li kkunsidra l-ittra approvata mill-Kunsill fis-26 ta' Ottubru 2015 li tistieden lill-Burundi għal konsultazzjonijiet skont il-proċedura prevista skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE (il-Ftehim ta' Cotonou) f'każ li ma jiġux irrispettati l-elementi essenzjali stipulati, jiġifieri d-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2015 dwar il-Burundi,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2248 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-12 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-tħabbira tal-President Nkurunziza, fis-26 ta' April 2015, fejn hu qal li kien ser jikkontesta għat-tielet mandat, ġabet ħafna taqlib fil-pajjiż u wasslet għal protesti mifruxa, kif ukoll tentattiv fallut għal kolp ta' stat fit-13 ta' Mejju 2015; billi bosta membri anzjani ta' korpi istituzzjonali differenti, inklużi l-Ispeaker tal-Assemblea Nazzjonali, il-Viċi President, żewġ membri tal-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti (CENI) u mħallef superjuri fil-Qorti Kostituzzjonali sussegwentement ħarbu mill-pajjiż minħabba l-biża' għas-sikurezza tagħhom stess; billi t-tensjonijiet politiċi ġiegħlu lil mijiet ta' eluf ta' persuni jitilqu mill-pajjiż; billi l-UE ssospendiet il-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali (MOE) tagħha;

B.   billi l-elezzjonijiet saru mingħajr ebda rispett għall-prinċipji demokratiċi u kisru l-ispirtu tal-ittra u l-ittra tal-Ftehimiet ta' Arusha, u għalhekk kienu bbojkotjati mill-partiti tal-oppożizzjoni u mis-soċjetà ċivili; billi Nkurunziza beda t-tielet mandat tiegħu bħala President tal-Burundi, minkejja protesti minn donaturi internazzjonali u l-istqarrija tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tan-NU fil-Burundi (MENUB) li l-elezzjonijiet la kienu kredibbli u lanqas ħielsa;

C.  billi r-repressjoni u r-restrizzjonijiet tal-istat fuq il-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' għaqda żdiedu drastikament minħabba l-elezzjonijiet Presidenzjali tal-21 ta' Lulju 2015; billi fit-28 ta' Settembru 2015, l-UNHCR irrapporta żieda allarmanti f'arresti, detenzjonijiet u assassinji mill-bidu ta' Settembru u ħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-pajjiż biex jiġġieldu kontra l-impunità; billi l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad, qal li "kważi kuljum jinstabu katavri fit-toroq ta' ċerti kwartieri ta' Bujumbura" u li "f'ħafna każijiet, il-vittmi jidhru li ġew maqtula permezz ta' tir sparat mill-qrib. Dawn l-iġsma xi kultant juru sinjali ta' tortura u normalment jinstabu b'idejhom marbutin wara daharhom";

D.  billi f'Bujumbura l-vjolenza politika li dejjem aktar qed tiżdied u n-nuqqas ta' sigurtà wasslu għall-assassinjil premeditat ta' membri tal-partit tal-oppożizzjoni kif ukoll ta' Membri tal-partit fil-gvern; billi s-sitwazzjoni marret għall-agħar meta personalitajiet bi profil għoli miż-żewġ naħat sfaw vittmi ta' attentati ta' qtil: il-Ġeneral Adolphe Nshimirimana, ajjutant qrib il-President Nkurunziza, inqatel f'attakk bir-rokits fit-2 ta' Awwissu 2015; l-għada sparaw fuq Pierre Claver Mbonimpa, difensur tad-drittijiet tal-bniedem, u ndarab serjament; il-Kurunell Jean Bikomagu, ex-Kap tal-Persunal tal-Forzi Armati, ġie maqtul b'arma tan-nar fil-15 ta' Awwissu 2015; Patrice Gahungu, il-kelliem ta' partit tal-oppożizzjoni, l-Unjoni għall-Paċi u l-Iżvilupp (UPD), inqatel fis-7 ta' Settembru 2015; il-Ġeneral Prime Niyongabo, il-Kap tal-Forzi Armati tal-Burundi ħelisha ħafif waqt attentat fuq ħajtu fil-11 ta' Settembru 2015; u l-ġisem tas-Sa Charlotte Umugwaneza, kap tal-oppożizzjoni u attivista kontra l-korruzzjoni, instab fix-Xmara Gikoma fit-18 ta' Ottubru 2015, ġurnata wara li ġiet irrapportata nieqsa;

E.  billi faqqgħet il-vjolenza mill-ġdid fit-3 ta' Ottubru fit-Tramuntana tal-kapitali Bujumbura fid-distretti ta' Mutakura, Cibitoke u Ngagara, distretti magħrufin li kienu ewlenin fl-oppożizzjoni tagħhom kontra t-tielet mandat tal-President Nkurunziza, li wasslet għall-mewt ta' tmien persuni ċivili, jekk mhux aktar; billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem jistqarr li 134 ruħ inqatlu u ġew irreġistrati mijiet ta' każijiet ta' arresti u detenzjonijiet arbitrarji, fosthom 704 arresti mill-bidu ta' Settembru biss; billi 215 000 persuna ħarbu;

F.   billi diversi sorsi bħalma huma l-FIDH, l-HRW u oħrajn irrappurtaw li l-Pulizija ħadu miżuri brutali ħafna u użaw forza eċċessiva u sproporzjonata, u saħansitra jista' jkun li wettqu eżekuzzjonijiet sommarji u extraġudizzjarji; billi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHCR) adotta riżoluzzjoni dwar il-Burundi fit-2 ta' Ottubru 2015 li titlob monitoraġġ tas-sitwazzjoni fil-pajjiż rigward id-drittijiet tal-bniedem minn issa 'l quddiem u matul l-2016;

G.   billi fis-17 ta' Ottubru 2015, il-Kunsill għall-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana rrakkomanda li jitħaffu l-pjanijiet biex jintbagħtu truppi lejn il-Burundi jekk il-vjolenza fil-pajjiż tmur għall-agħar, appella għal investigazzjonijiet dwar abbużi ta' drittijiet fil-pajjiż, u ħabbar il-ftuħ ta' investigazzjoni komprensiva dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u atti ta' vjolenza kontra l-popolazzjoni ċivili fil-Burundi;

H.  billi l-Unjoni Afrikana qed titlob li jsir djalogu minnufih f'Kampala jew Addis Ababa li jkun jinvolvi l-atturi tal-Burundi kollha, inklużi dawk li jgħixu barra mill-pajjiż u s-soċjetà ċivili; billi l-UE tappoġġa din it-talba għal djalogu inklużiv u billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU talab l-istess djalogu inklużiv;

I.  billi l-awtoritajiet tal-Burundi jiddikjaraw li huma lesti li jitkellmu mal-oppożizzjoni u li, fit-23 ta' Settembru 2015, il-President iffirma digriet dwar il-ħolqien ta' Kummissjoni Nazzjonali għad-Djalogu inter-Burundjan; billi, madankollu, ħafna mill-atturi tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili li jopponu t-tielet mandat tal-President Nkurunziza qed jiġu mixlija fuq akkużi ta' inċitament għal rewwixta u kompliċità fit-tentattiv ta' kolp ta' stat tat-13 ta' Mejju 2015; billi l-Ispeaker tal-Assemblea Nazzjonali l-ġdida, Pascal Nyabenda, iddikjara li "persuni involuti fl-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-kolp ta' stat (...) mhux ser jiġu inklużi fid-djalogu";

J.  billi, filwaqt li l-medjaturi mill-Uganda ħabbru li d-djalogu għandu jerġa' jibda f'Novembru, l-awtoritajiet tal-Burundi ħarġu mandat ta' arrest internazzjonali kontra l-avversarji tagħhom u talbu l-estradizzjoni tagħhom minn tliet pajjiżi – il-Belġju, in-Netherlands u r-Rwanda;

K.   billi l-isforzi reġjonali biex tintemm il-kriżi fil-pajjiż s'issa naqsu milli jġibu l-oppożizzjoni u l-gvern tal-Burundi flimkien madwar il-mejda tan-negozjati u l-NGOs ġew impediti milli jagħmlu xogħolhom; billi l-ġlied bejn il-forzi tas-sigurtà u l-persuni armatisar kważi xi ħaġa ta' kuljum u ż-żieda drammatika fil-vjolenza tista' tqiegħed il-pajjiż f'riskju li jerġa' jaqa' fi gwerra ċivili;

1.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar is-sitwazzjoni politika u umanitarja fil-Burundi u l-konsegwenzi tagħha għall-istabilità tas-sottoreġjun kollu; jappella lill-awtoritajiet Burundjani biex jipprevjenu vjolazzjonjiet ulterjuri tad-drittijiet tal-bniedem; jikkundanna bil-qawwa l-atti kollha ta' vjolenza u abbużi u jtenni li dawk responsabbli għal din il-vjolenza għandhom jinżammu responsabbli u jitressqu quddiem il-ġustizzja; jappoġġa, f'dan ir-rigward, id-dikjarazzjoni li saret fis-6 ta' Novembru mill-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, Is-Sa Fatou Bensouda;

2.  L-UE tikkundanna t-tentattiv ta' kolp ta' stat li sar fit-13 ta' Mejju kif ukoll kull att ta' vjolenza u ta' tfixkil tal-ordni kostituzzjonali, irrispettivament mill-awturi, u tfakkar fil-ħtieġa urġenti espressa mill-UA, l-UE, u n-NU li hu kruċjali li l-partijiet interessati Burundjani kollha jsolvu t-tilwimiet tagħhom b'mod paċifiku.

3.  Iħeġġeġ lill-Gvern Burundjan jimxi skont l-impenji reġjonali u l-impenji internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u jipprovdi l-faċilitajiet kollha meħtieġa biex jissaħħu l-attivitajiet tal-osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem tal-UA u tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) fil-pajjiż;

4.  Iħeġġeġ lill-partijiet tal-Burundi – lill-gvern, l-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili – biex jerġgħu iddaħħlu l-fiduċja u biex jimpenjaw irwieħhom favur djalogu inklużiv sabiex jiġi evitat kwalunkwe deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni fil-pajjiż; ifakkar li huwa biss billi titfittex soluzzjoni konsenswali permezz ta' negozjati sostantivi li jista' jintlaħaq eżitu politiku sostenibbli li jkun fl-interess tal-poplu tal-Burundi u fl-interess tad-demokrazija biex il-pajjiż joħroġ mill-imblokk attwali u ma jitħalliex jerġa' jmur lura għal gwerra ċivili – żvilupp li, bla dubju, ikollu impatt negattiv fuq is-sigurtà fil-bqija tar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar u li jista' jipperikola l-elezzjonijiet fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-Rwanda;

5.  Itenni qbil mal-opinjoni espressa mill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC), l-Unjoni Afrikana (UA) u fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2248 (2015) tal-12 ta' Novembru 2015 li soluzzjoni politika dejjiema, li tkun fl-interess tal-poplu tal-Burundi, tista' tinstab biss permezz ta' djalogu u bini ta' kunsens, skont il-Ftehim ta' Arusha u l-Kostituzzjoni tal-Burundi;

6.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jappoġġaw l-isforzi li qed isiru mill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant u mill-Unjoni Afrikana biex tinkiseb soluzzjoni politika dejjiema permezz ta' djalogu inter-Burundjan; jilqa' s-sanzjonijiet adottati mill-Kunsill tal-UE fir-rigward ta' erba' Burundjani li l-attivitajiet tagħhom jimminaw id-demokrazija u jostakolaw l-isforzi biex tinstab soluzzjoni politika għall-kriżi;

7.  Jilqa' l-inizjattiva tal-UE li tiftaħ il-klawsola ta' salvagwardja tal-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou fi spirtu pożittiv bil-ħsieb li jinkiseb riżultat pożittiv billi tistieden lill-awtoritajiet Burundjani jipparteċipaw f'konsultazzjonijiet biex tinstab soluzzjoni aċċettabbli għall-partijiet kollha, biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-prinċipji demokratiċi, kif ukoll l-istat tad-dritt, u sabiex ikun hemm ftehim rapidu dwar miżuri ta' tnaqqis tat-tensjoni li jistgħu jwittu t-triq għal progress sostanzjali lejn soluzzjoni biex tintemm il-kriżi u tinħoloq klima ta' konċiljazzjoni, u b'hekk jiġu evitati gwerer;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw l-iffriżar tal-assistenza kollha ta' natura mhux umanitarja lill-Gvern tal-Burundi sakemm jitwaqqfu l-użu eċċessiv tal-forza u l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem mill-forzi tal-gvern, hekk kif irreġistrat mill-OHCHR, u tinstab soluzzjoni politika ġenwina li tirriżulta minn djalogu inter-Burundjan;

9.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex, jekk is-sitwazzjoni tkompli tmur għall-agħar, jappoġġjaw miżuri ulterjuri tan-Nazzjonijiet Uniti, fosthom preżenza aktar b'saħħitha tan-NU fil-Burundi;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern tal-Burundi, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar, lill-Gvernijiet tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan.