Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-1359/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-1359/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija

9.12.2015 - (2015/2935(RSP))

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-1110/2015
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Judith Sargentini, Benedek Jávor, Ulrike Lunacek, Monika Vana f'isem il-grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1351/2015

Proċedura : 2015/2935(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-1359/2015
Testi mressqa :
B8-1359/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-1359/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija

(2015/2935(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari t-tieni inċiż u mir-raba' sas-seba' inċiż tiegħu,

–  wara li kkunsidra, b'mod partikolari, l-Artikoli 2, 3(3), it-tieni inċiż, 6 u 7 tat-TUE, kif ukoll l-artikoli tat-TUE u tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) relatati mar-rispett, il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Diċembru 2000, ipproklamata fit-12 ta' Diċembru 2007 fi Strasburgu, u li daħlet fis-seħħ mat-Trattat ta' Lisbona f'Diċembru 2009,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija[1],

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt" (COM(2014)0158),

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tas-27 ta' Novembru 2015 tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa wara ż-żjara tiegħu fl-Ungerija,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta' Venezja) tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Ungerija,–  wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Kummissjoni waqt id-dibattitu fil-plenarja li sar fil-Parlament fit-2 ta' Diċembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija: segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2015 (O-000140/2015 – B8-1110/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, u billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (l-Artikolu 2 tat-TUE);

B.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE tipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali;

C.  billi d-dritt għall-asil huwa garantit, bir-rispett dovut għar-regoli tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 u l-Protokoll tagħha tal-31 ta' Jannar 1967 dwar l-istatus tar-rifuġjati u b'konformità mat-TUE u t-TFUE;

D.  billi l-iżviluppi reċenti u l-inizjattivi u l-miżuri meħuda tul dawn l-aħħar snin fl-Ungerija wasslu għal deterjorament serju fis-sitwazzjoni fir-rigward, fost l-oħrajn, tal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, il-ġlieda kontra l-intolleranza u d-diskriminazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, ta' dawk li jfittxu asil u tar-rifuġjati, il-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, il-libertà tal-edukazzjoni u r-riċerka akkademika, id-dritt għal trattament ugwali fejn jidħlu r-reliġjon u t-twemmin, il-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex iwettqu r-rwol tagħhom mingħajr tfixkil u mingħajr ma jkollhom id-drittijiet tagħhom imxekkla, id-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi, fosthom ir-Rom u l-persuni LGBTI, il-funzjonament tas-sistema kostituzzjonali, l-indipendenza tal-ġudikatura u ta' istituzzjonijiet oħra li għandhom jeżerċitaw funzjoni ta' ekwilibriju tas-setgħat fi Stat demokratiku u ħafna allegazzjonijiet inkwetanti ta' korruzzjoni u kunflitti ta' interess li jimminaw l-istat tad-dritt;

E.  billi l-Kummissjoni naqset milli tirrispondi għat-talba li għamel il-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija biex twettaq proċess ta' monitoraġġ fil-fond dwar is-sitwazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Ungerija, li jivvaluta l-possibbiltà ta' ksur serju sistemiku tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni skont l-Artikolu 2 tat-TUE;

F.  billi f'Lulju u f'Settembru 2015, il-Parlament Ungeriż adotta għadd ta' emendi, marbutin b'mod partikolari mal-liġi dwar l-asil, il-kodiċi penali, il-liġi dwar il-proċedura kriminali, il-liġi dwar il-fruntieri, il-liġi dwar il-pulizija u l-liġi dwar id-difiża nazzjonali; billi l-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni xeħtet dawl fuq għadd ta' punti ta' tħassib u mistoqsijiet dwar is-sustanza u l-implimentazzjoni ta' dawk l-emendi; billi fis-6 ta' Ottubru 2015 il-Kummissjoni bagħtet ittra amministrattiva lill-Gvern Ungeriż; billi l-gvern Ungeriż wieġeb għal din l-ittra;

G.  billi fi stqarrija waqt id-dibattitu fil-plenarja li sar fil-Parlament Ewropew fit-2 ta' Diċembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet lesta tuża l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha, inklużi proċedimenti ta' ksur, biex tiżgura li l-Ungerija – u, bħalha, kwalunkwe Stat Membru ieħor – tikkonforma mal-obbligi tagħha skont il-liġi tal-UE u tirrispetta l-valuri tal-Unjoni kif minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE; billi l-Kummissjoni tqis li, f'dan l-istadju, ma jeżistux il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-attivazzjoni tal-Qafas tal-Istat tad-Dritt fir-rigward tal-Ungerija;

1.  Itenni l-pożizzjoni espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija, li fiha kkundanna d-dikjarazzjonijiet ripetuti magħmula mill-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orbán li istigaw dibattitu dwar il-possibbiltà li terġa' tiddaħħal il-piena tal-mewt fl-Ungerija, ikkundanna l-konsultazzjoni pubblika dwar il-migrazzjoni u l-kampanja relatata mibdija mill-gvern Ungeriż permezz ta' kartelluni mal-pajjiż kollu, ħeġġeġ lill-Kummissjoni tattiva l-ewwel stadju tal-qafas tal-UE biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt u stieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għat-twaqqif ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

2.  Ifakkar li f'każ ta' riskju ċar ta' ksur serju tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE min-naħa ta' Stat Membru tiskatta l-proċedura "tal-Artikolu 7";

3.  Jikkundanna s-serje ta' miżuri leġiżlattivi li ttieħdu ta' malajr f'dawn l-aħħar xhur u li għamlu l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali diffiċli ħafna u kkriminalizzaw b'mod mhux ġustifikat lill-migranti u lil dawk li jfittxu asil, bi ksur tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra u l-Protokoll tagħha; jenfasizza t-tħassib tiegħu rigward ir-rispett għall-prinċipju ta' non-refoulement; jikkundanna l-użu dejjem aktar frekwenti tad-detenzjoni fil-konfront ta' dawk li jfittxu asil u l-użu ta' retorika ksenofobika li tassoċja lill-migranti ma' problemi soċjali jew riskji ta' sigurtà, inkluż permezz ta' kampanji ta' komunikazzjoni mmexxija mill-gvern, li jagħmlu l-integrazzjoni tal-ftit migranti li hemm fil-pajjiż saħansitra aktar problematika;

4.  Jemmen li l-Istati Membri kollha għandhom jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt tal-UE fil-prattika leġiżlattiva u amministrattiva tagħhom, u li kwalunkwe leġiżlazzjoni, inkluża l-liġi primarja ta' kwalunkwe Stat Membru jew pajjiż kandidat, trid tirrifletti u tkun taqbel mal-valuri bażiċi Ewropej, jiġifieri l-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

5.  Jiddeplora għal darb'oħra n-nuqqas ta' reazzjoni min-naħa tal-Kunsill għall-iżviluppi fl-Ungerija; iħeġġeġ lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Kunsill Ewropew jorganizzaw diskussjoni u jadottaw konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija;

6.  Jinnota li l-iżviluppi fl-Ungerija wasslu għal tħassib dwar il-prinċipji tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali tul dawn l-aħħar snin, li, meħuda flimkien, jistgħu jirrappreżentaw theddida sistemika emerġenti għall-istat tad-dritt f'dan l-Istat Membru; jemmen li l-Ungerija hija test għall-UE biex turi l-kapaċità u r-rieda tagħha li tirreaġixxi għat-theddid u l-ksur tal-valuri bażiċi tagħha stess min-naħa ta' Stat Membru; jinnota bi tħassib li l-iżviluppi f'xi Stati Membri oħra bħall-Polonja juru sinjali inkwetanti ta' theddida għall-istat tad-dritt bħal fl-Ungerija;

7.  Jiddispjaċih li l-approċċ attwali meħud mill-Kummissjoni jiffoka prinċipalment fuq l-aspetti marġinali u tekniċi tal-leġiżlazzjoni filwaqt li jinjora x-xejriet, il-mudelli u l-effett ikkombinat tal-miżuri fuq l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; jemmen li l-proċedimenti ta' ksur, b'mod partikolari, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet naqsu milli jwasslu għal tibdil reali u li jindirizzaw is-sitwazzjoni b'mod aktar wiesa'; iħeġġeġ l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tattiva l-ewwel stadju tal-qafas tal-UE biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt, u b'hekk tagħti bidu minnufih għal proċess fil-fond ta' monitoraġġ dwar is-sitwazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Ungerija, li jivvaluta l-possibbiltà ta' ksur serju sistemiku tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni skont l-Artikolu 2 tat-TUE, inkluż l-impatt ikkombinat ta' għadd ta' miżuri li jaggravaw is-sitwazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, u billi tevalwa l-ħolqien ta' theddida sistemika għall-istat tad-dritt f'dak l-Istat Membru li tista' tiżviluppa f'riskju ċar ta' ksur serju skont it-tifsira tal-Artikolu 7 tat-TUE;

8.  Iqis li l-Kummissjoni sal-lum naqset milli taġixxi skont id-dmirijiet tagħha bħala gwardjan tat-Trattati u bi qbil mal-interessi u l-valuri komuni tal-Unjoni; jiddeplora l-fatt li ladarba qed tonqos milli teżamina jew tirrispondi b'mod adegwat għall-preokkupazzjonijiet tal-Parlament espressi ripetutament mill-maġġoranza tal-Membri tiegħu, il-Kummissjoni qed timmina l-prinċipju ta' kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 13(2) tat-TUE; jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2015 li tissospendi diversi kuntratti fi tmien programmi ta' finanzjament tal-UE minħabba l-użu ta' kriterju tal-għażla restrittiv iżżejjed fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku fl-Ungerija; jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-investigazzjonijiet kollha u tagħmel użu sħiħ mill-għodod leġiżlattivi eżistenti kollha, biex tiżgura l-użu trasparenti u xieraq tal-fondi tal-UE fl-Ungerija abbażi tad-dritt tal-UE;

9.  Jilqa' r-reġistrazzjoni ta' Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li tistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-attivazzjoni tal-Artikolu 7 tat-TUE għall-allegat ksur tal-valuri fundamentali tal-UE min-naħa tal-Ungerija; jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern biex ifassal rapport speċifiku dwar l-Ungerija f'konformità mal-Artikolu 83(1)(a) tar-Regoli ta' Proċedura bil-għan li tiġi adottata proposta motivata li tistieden lill-Kunsill jaġixxi skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE;

10.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq proposta għat-twaqqif ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, bħala għodda għall-konformità mal-Karta u mat-Trattati kif iffirmati mill-Istati Membri kollha, kif ukoll għall-infurzar tagħhom, abbażi ta' indikaturi komuni u oġġettivi, u biex twettaq valutazzjoni imparzjali annwali tas-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-Istati Membri kollha, mingħajr diskriminazzjoni u fuq bażi ugwali, li tinvolvi evalwazzjoni min-naħa tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, flimkien ma' mekkaniżmi vinkolanti u korrettivi xierqa, sabiex jiġu indirizzati l-lakuni eżistenti u jkun hemm lok għal rispons awtomatiku u gradwali għall-ksur tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fil-livell tal-Istati Membri;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ungerija, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.