Proċedura : 2015/2979(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1363/2015

Testi mressqa :

B8-1363/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2015 - 9.10
CRE 17/12/2015 - 9.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0471

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 421kWORD 77k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1362/2015
9.12.2015
PE574.432v01-00
 
B8-1363/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-20 anniversarju mill-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton (2015/2979(RSP))


Jozo Radoš, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Ilhan Kyuchyuk, Alexander Graf Lambsdorff, Urmas Paet, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Pavel Telička f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-20 anniversarju mill-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton (2015/2979(RSP))  
B8-1363/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton (Ftehim Qafas Ġenerali għall-Paċi fil-Bożnija-Ħerzegovina), innegozjat f’Novembru 1995 u ffirmat mir-Repubblika tal-Bożnija-Ħerzegovina, ir-Repubblika tal-Kroazja u r-Repubblika Federali tal-Jugoslavja f’Pariġi fl-14 ta' Diċembru 1995,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-kawża Sejdić-Finci, ta’ Diċembru 2009,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Thessaloniki tal-2003, l-anness tagħhom intitolat "L-Aġenda ta' Thessaloniki għall-Balkani tal-Punent: il-mixja lejn integrazzjoni Ewropea", u l-impenn kontinwu tal-Unjoni Ewropea biex tippromwovi l-istabbiltà u l-prosperità fil-Bożnija-Ħerzegovina (BiH), bil-għan fit-tul ta’ sħubija fl-UE,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda u l-Bożnija-Ħerzegovina min-naħa l-oħra, iffirmat fil-Lussemburgu fis-16 ta’ Ġunju 2008 u rratifikat mill-Istati Membri kollha tal-UE u mill-Bożnija-Ħerzegovina,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar il-BiH tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin li saret fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 2014, li stabbilixxiet approċċ imġedded tal-UE lejn il-BiH, il-konklużjonijiet dwar il-BiH tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali li saret fi Brussell fis-16 ta' Diċembru 2014, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Novembru 2015 bit-titolu "L-Istrateġija tat-Tkabbir tal-UE "(COM(2015)0611) (akkumpanjat mid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "Bosnja-Ħerzegovina: Rapport 2015" (SWD(2015)0214)), kif ukoll id-Dokument ta’ Strateġija Indikattiv dwar il-Bożnija-Ħerzegovina (2014-2017) adottat fil-15 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta adottata matul is-17-il laqgħa interparlamentari tal-Assemblea Parlamentari tal-Bożnija-Ħerzegovina – Parlament Ewropew, li saret fl-20 u l-21 ta' Mejju fi Strasburgu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Ftehim ta’ Paċi ta’ Dayton, innegozjat f’Novembru 1995 u ffirmat f’Pariġi fl-14 ta' Diċembru 1995, temm il-gwerra traġika ta' erba' snin u pprovda opportunità għar-rikostruzzjoni politika u ekonomika tal-pajjiż;

B.  billi l-Kostituzzjoni imposta mid-Dayton tal-Bożnija-Ħerzegovina (BiH) saħħet qafas istituzzjonali disfunzjonali u frammentat, li rriżulta f'awtoritajiet ċentrali mingħajr kompetenzi essenzjali għall-funzjonament ta’ stat modern;

C.  billi l-isforzi biex tingħata assistenza esterna permezz tal-preżenza u tal-attivitajiet sinifikanti tal-komunità internazzjonali (in-NU, l-UE u n-NATO) ma rnexxilhomx jiżviluppaw pajjiż li jkun organizzat tajjeb, aktar funzjonali u għani;

D.  billi s-sentenza Sejdić-Finci tal-2009 hija biss indikazzjoni waħda tal-ħtieġa għal riformi kostituzzjonali sostanzjali fil-BiH, flimkien ma’ indikazzjonijiet ċari oħra ta’ tensjonijiet etniċi li qed jiżdiedu, ta' staġnar politiku u ta' frammentazzjoni amministrattiva; billi l-istaġnar politiku wassal għal livell ta’ qgħad persistentement għoli u tkabbir ekonomiku dgħajjef;

E.  billi numru ta' partiti u mexxejja ta’ partiti politiċi etnoċentriċi qed igawdu mill-atmosfera maħluqa mill-istaġnar politiku u istituzzjonali attwali; billi xi partiti politiċi u ċerti politikanti żammew linja kritika lejn l-unità tal-Bożnija-Ħerzegovina, inkluż sejħiet okkażjonali għax-xoljiment tal-pajjiż, jew għal awtonomija akbar għall-entitajiet kostitwenti;

F.  billi l-UE u l-komunità internazzjonali jappoġġjaw bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tal-BiH;

G.  billi l-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) jikkostitwixxi l-qafas għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-BiH, u jipprevedi l-istabbiliment gradwali ta’ żona ta’ kummerċ ħieles bejn iż-żewġ partijiet; billi huwa jidentifika wkoll l-objettivi politiċi u ekonomiċi komuni u jinkoraġġixxi kooperazzjoni reġjonali; billi l-FSA se jikkontribwixxi wkoll għall-allinjament progressiv tal-leġiżlazzjoni u n-normi tal-BiH mal-leġiżlazzjoni tal-UE, biex b’hekk jibbenefikaw iċ-ċittadini tal-BiH permezz ta’ prodotti aktar sikuri, tajbin għas-saħħa u ta’ kwalità aħjar;

1.  Jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-ħafna vittmi u persuni nieqsa fil-gwerra fil-BiH; jistieden lill-awtoritajiet tal-BiH biex ikomplu fil-kooperazzjoni tagħhom mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-Eks Jugoslavja (ICTY) u biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jittrattaw b’mod effettiv ix-xogħol b’lura tal-proċessi domestiċi tad-delitti tal-gwerra sabiex dawk li wettqu l-atroċitajiet u kisru d-drittijiet tal-bniedem jitressqu quddiem il-qorti;

2.  Jenfasizza l-fatt li, filwaqt li l-Ftehim ta' Dayton kien ftehim meħtieġ ferm f’termini ta’ tmiem immedjat tal-ġlied, huwa essenzjali li jingħata bidu għal reviżjoni kostituzzjonali sostanzjali u għal proċess ta’ riforma fil-pajjiż, inkluż fil-qasam soċjoekonomiku, dak ġudizzjarju, u oqsma oħra; jenfasizza li dan huwa meħtieġ sabiex il-qafas istituzzjonali tal-pajjiż ikun jista' jiffunzjona b’mod effettiv u effiċjenti, u sabiex jintlaħqu l-impenji tal-BiH bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa; jenfasizza li dawn ir-riformi se jkunu meħtieġa sabiex isiru taħdidiet ta’ adeżjoni mal-UE;

3.  Jenfasizza li waħda mill-kwistjonijiet ewlenin li jridu jiġu indirizzati fil-qasam tar-riformi kostituzzjonali tirreferi għas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) dwar il-każ Sejdić-Finci, li għaliha għandu jinstab rimedju permezz ta’ bidliet kostituzzjonali u legali adegwati fil-BiH;

4.  Jieħu nota ta’ numru ta’ inizjattivi – xi wħud ibbażati fuq l-involviment internazzjonali u oħrajn b'bażi domestika – bil-għan li tinbeda l-ħidma ħalli tinbidel il-kostituzzjoni bbażata fuq id-Dayton fil-BiH; jiddispjaċih li dawn l-isforzi s’issa naqsu milli jipproduċu riżultati sodisfaċenti minħabba l-politiki etnoċentriċi mmexxija mill-mexxejja tal-BiH u l-involviment insuffiċjenti ta’ atturi internazzjonali; jenfasizza li l-inizjattivi futuri kollha għandhom bżonn jimpenjaw ruħhom ma’ atturi tas-soċjetà ċivili u jattwaw il-kunsiderazzjonijiet tagħhom sabiex tinbena soċjetà inklużiva u miftuħa fil-BiH;

5.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, flimkien mal-Kummissarju responsabbli għat-tkabbir, biex jagħtu istruzzjonijiet lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna ħalli jfassal pjan komprensiv dwar kif l-UE, l-Istati Membri u atturi internazzjonali oħrajn ikunu jistgħu jimpenjaw ruħhom mal-partijiet interessati kollha fil-BiH, bil-għan li jsir progress sostanzjali dwar il-bidla kostituzzjonali u l-emendar tal-Ftehim ta’ Dayton;

6.  Iqis li jeħtieġ li l-komunità internazzjonali tinkludi l-pajjiżi ġirien tal-BiH u l-garanti tal-Ftehim ta’ Paċi ta’ Dayton, li għandhom jikkontribwixxu b’mod proattiv fil-proċess ta’ riforma kostituzzjonali, li jsaħħaħ l-awtorità ċentrali u jissimplifika u jikkonsolida t-tħaddim tal-istituzzjonijiet tal-pajjiż; jenfasizza l-fatt li l-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent għandhom responsabilità biex jikkontribwixxu għall-istabilità tar-reġjun;

7.  Jirrimarka li l-UE u l-involviment internazzjonali f’dan il-proċess għandhom jikkonsistu f’li jaġixxu bħala inizjatur, katalizzatur u faċilitatur politiku, filwaqt li l-partijiet interessati Bożnijo-Ħerzegovini għandhom iżommu r-responsabilità u s-sjieda tal-aġenda ta' riforma kostituzzjonali, bl-għan li tinħoloq arkitettura kostituzzjonali ġdida fil-BiH li tkun tista’ tiggarantixxi l-ħtiġijiet leġittimi tal-komunitajiet, filwaqt li tiżgura wkoll l-unità u l-effettività; jenfasizza l-fatt li ċ-ċittadini kollha tal-BiH għandu jkollhom aċċess ugwali fil-livelli kollha tat-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi;

8.  Jenfasizza li l-proċess ta' riforma kostituzzjonali għandu jinkludi l-istruttura tal-istat globali u l-komponenti politiċi, amministrattivi u ġudizzjarji; jistieden lill-Kummissjoni ta' Venezja u l-Kunsill tal-Ewropa biex joffru l-appoġġ sħiħ tagħhom għal dawn l-isforzi sabiex ir-riformi jkunu konformi mal-impenji internazzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Bożnija-Ħerzegovina u l-entitajiet tagħha, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

Avviż legali - Politika tal-privatezza