Proċedura : 2015/2979(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1364/2015

Testi mressqa :

B8-1364/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2015 - 9.10
CRE 17/12/2015 - 9.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0471

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 413kWORD 74k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1362/2015
9.12.2015
PE574.433v01-00
 
B8-1364/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-20 anniversarju mill-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton (2015/2979(RSP))


Jiří Maštálka, Sofia Sakorafa f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-20 anniversarju mill-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton (2015/2979(RSP))  
B8-1364/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bożnija-Ħerzegovina

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-diżintegrazzjoni tal-Jugoslavja rriżultat fi gwerra mdemmija u interferenza barranija fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent; billi l-iżviluppi fil-Balkani tal-Punent f'dak iż-żmien kienu jirriflettu wkoll il-falliment tal-UE, tal-Istati Membri tagħha u tal-komunità internazzjonali b'mod ġenerali biex joħolqu politika bil-għan li tipprevjeni tali kriżijiet;

B.  billi l-Ftehim Dayton temm il-gwerra iżda ffriża minflok solva l-kunflitt bejn is-Serbi, il-Kroati u l-Bożnijaċi tal-pajjiż; billi s-sistema politika stabbilita mill-Ftehim Dayton ipperpetwat diviżjonijiet etniċi u kkumplikat it-teħid ta' deċiżjonijiet;

C.  billi l-istruttura istituzzjonali estremament kumplessa u ineffiċjenti, in-nuqqas ta' viżjoni komuni u rieda politika, u l-attitudnijiet etnoċentriċi ostakolaw serjament il-progress fil-pajjiż; billi l-perjodu estiż ta' staġnar politiku jirrappreżenta impediment serju għall-istabilizzazzjoni u l-iżvilupp tal-pajjiż u qiegħed iċaħħad liċ-ċittadini minn futur ta' sigurtà u prosperità;

D.  billi l-Bożnija-Ħerzegovina tibqa' tiddependi fuq għajnuna barranija sabiex tiffunzjona; billi 'l fuq minn 50 % tad-dħul tal-Bożnija-Ħerzegovina jintefqu biex tinżamm l-amministrazzjoni f'bosta livelli; billi, mill-banda l-oħra, il-Bożnija-Ħerzegovina għandha waħda mill-ogħla rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa (59 % tal-popolazzjoni attiva bejn il-15 u l-24 sena);

E.  billi t-tensjonijiet politiċi bejn iż-żewġ entitajiet u fost it-tliet komunitajiet etniċi huma kontinwi, u kontroproduċenti għall-funzjonament tal-Bożnija-Ħerzegovina; billi dawn it-tensjonijiet huma riflessi fil-ħidma tal-ġudikatura tal-pajjiż, li mhijiex kompletament effettiva fl-ipproċessar tal-każijiet ta' dawk akkużati b'reati tal-gwerra u l-għoti tal-verdetti finali; billi l-akbar ostaklu għall-prosekuzzjoni effettiva ta' reati tal-gwerra fil-Bożnija-Ħerzegovina huwa l-qafas leġiżlattiv kumpless u frammentat;

F.  billi l-awturi ta' delitti tal-gwerra m'għandhomx jitħallew jaħarbu l-ġustizzja; billi t-tmiem tal-impunità għal delitti tal-gwerra huwa rekwiżit bażiku biex il-Bożnija-Ħerzegovina tkun tista' tikseb fiduċja pubblika fis-sistema ġudizzjarja tagħha;

G.  billi l-Bożnija-Ħerzegovina għadha protettorat internazzjonali; billi r-Rappreżentant Għoli tan-NU għall-Bożnija-Ħerzegovina għandu setgħat b'firxa wiesgħa, inklużi setgħat leġiżlattivi u amministrattivi; billi dan jippermetti lill-politiċi fil-Bożnija-Ħerzegovina jevitaw is-sjieda politika, ir-responsabilità u d-dmir li jwieġbu għal għemilhom;

H.  billi l-parti l-kbira tal-politiċi Bożnijaċi u uffiċjali barranin issa jaqblu li l-Ftehim Dayton issa skada; billi l-impenn bil-miktub – adottat mill-Presidenza tal-Bożnija-Ħerzegovina u ffirmat mill-mexxejja tal-partiti politiċi kollha, u approvat mill-parlament fis-23 ta' Frar 2015 – dwar miżuri biex jiġu stabbiliti l-funzjonalità u l-effiċjenza istituzzjonali, biex jingħata bidu għal riformi fil-livelli kollha tal-gvern, biex jitħaffef il-proċess ta' rikonċiljazzjoni u biex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva rrappreżenta pass 'il quddiem lejn riforma kostituzzjonali, iżda sa issa ma weriex riżultati tanġibbli;

I.  billi l-Bożnija-Ħerzegovina hija ffaċċjata minn sfidi bħall-kriżi tar-refuġjati, il-kriminalità organizzata (speċjalment it-traffikar tad-drogi u tal-bnedmin) u l-estremiżmu reliġjuż; billi numru li qed jiżdied ta' persuni jfittxu ażil se jkunu mwaħħlin fil-Balkani tal-Punent; billi dan jista' jżid il-probabilità ta' vjolenza fir-reġjun, fejn il-problemi preeżistenti, bħal tensjonijiet etniċi, kriminalità organizzata u livell għoli ta' qgħad, jistgħu jsiru agħar fix-xhur li ġejjin;

1.  Jenfasizza l-fatt li r-riżoluzzjoni tal-problemi fil-Bożnija-Ħerzegovina hija kruċjali għall-istabilità u l-prosperità tar-reġjun tal-Balkani; jenfasizza li l-prosperità ekonomika u l-istabilità soċjali huma possibbli biss jekk ikunu bbażati fuq soċjetà u stat indipendenti, demokratiċi u inklużivi; jinnota li r-riforma kostituzzjonali mmirata lejn il-konsolidament, is-simplifikazzjoni u t-tisħiħ tal-qafas istituzzjonali stabbilit mill-Ftehim Dayton tibqa' kruċjali għat-trasformazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina fi stat effikaċi, inklużiv u kompletament funzjonali; iħeġġeġ lill-mexxejja politiċi kollha fil-Bożnija-Ħerzegovina u lill-komunità internazzjonali biex jaħdmu biex iġibu l-bidliet neċessarji, inkluż li tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' struttura amministrattiva kumplessa u għalja, li tirriżulta f'duplikazzjoni ta' kompetenzi bejn l-istat ċentrali, l-entitajiet, id-distretti u l-muniċipalitajiet;

2.  Jenfasizza li s-sjieda ġenwina tal-proċessi ta' riforma mill-poplu tal-Bożnija-Ħerzegovina hija kruċjali; jitlob, għalhekk, li jinbdew immedjatament negozjati li għandhom l-għan li jtemmu l-istatus ta' protettorat tal-Bożnija-Ħerzegovina;

3.  Iħeġġeġ lill-forzi politiċi fil-livelli kollha tal-poter fil-pajjiż biex jimpenjaw ruħhom għal aktar kooperazzjoni u djalogu bil-ħsieb li jegħlbu t-tilwimiet eżistenti; jilqa' l-impenn espress mill-mexxejja tal-partiti politiċi kollha, u approvat mill-Parlament, biex jingħata bidu għal riformi fil-livelli kollha ta' governanza u jiġi aċċelerat il-proċess ta' rikonċiljazzjoni; jitlob li dawn il-proċessi jkunu trasparenti u inklużivi;

4.  Iqis li huwa essenzjali li jissaħħaħ ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-proċessi politiċi billi titħalla tartikola l-interessi taċ-ċittadini, b'mod partikolari ż-żgħażagħ; jiddeplora l-fatt li l-mekkaniżmi istituzzjonali għall-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili għadhom dgħajfa u qed jostakolaw l-iżvilupp ta' demokrazija aktar parteċipattiva, inklużiva u reattiva mal-pajjiż kollu; jitlob, għaldaqstant, li jkun hemm mekkaniżmi ta' konsultazzjoni pubblika trasparenti u inklużivi li jinvolvu l-partijiet interessati pubbliċi kollha, għall-istabbiliment ta' qafas għal diskussjoni pubblika ta' deċiżjonijiet leġiżlattivi importanti u għall-adozzjoni ta' strateġija nazzjonali għas-soċjetà ċivili;

5.  Jistieden lill-entitajiet u s-sistema ġudizzjarja fil-livell tal-istat biex iressqu lill-awturi ta' delitti tal-gwerra quddiem il-ġustizzja, u jissodisfaw l-aspettattivi tal-mijiet ta' eluf ta' vittmi tal-gwerra fil-Bożnija-Ħerzegovina bil-għan li jitħaffu l-proċess ta' rikonċiljazzjoni u l-koeżistenza paċifika tat-tliet komunitajiet etniċi fit-territorju kollu tal-Bożnija-Ħerzegovina;

6.  Jitlob li tiġi abbandunata r-retorika nazzjonalista u etnoċentrika ġejja mit-tmexxija politika mit-tliet popli kostitwenti tal-Bożnija-Ħerzegovina; jikkundanna kull tip ta' segregazzjoni u diskriminazzjoni fuq bażi reliġjuża jew etnika fi kwalunkwe pajjiż;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Presidenza tal-Bożnija-Ħerzegovina, lill-Kunsill tal-Ministri tal-Bożnija-Ħerzegovina, lill-Assemblea Parlamentari tal-Bożnija-Ħerzegovina u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina u r-Republika Srpska, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-gvernijiet tal-10 kontej/distretti tal-Bożnija-Ħerzegovina.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza