MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-privattivi u d-drittijiet ta' min inissel il-pjanti
14.12.2015 - (2015/2981(RSP))
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Albert Deß, Tadeusz Zwiefka, Esther Herranz García, Czesław Adam Siekierski, Marijana Petir, Annie Schreijer-Pierik, Michel Dantin, Franc Bogovič, Herbert Dorfmann, Norbert Lins, Peter Jahr, Mairead McGuinness, Angélique Delahaye, Elisabeth Köstinger, Daniel Buda, Jens Gieseke, Pilar Ayuso, Ramón Luis Valcárcel Siso, Nuno Melo, Romana Tomc, Roberta Metsola f'isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1394/2015
B8-1394/2015
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-privattivi u d-drittijiet ta' min inissel il-pjanti
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2012 fuq il-privattivi ta' proċessi bijoloġiċi essenzjali[1],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 1998 dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi[2], b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha, li jiddikjara li l-varjetajiet tal-pjanti u l-annimali u l-proċessi essenzjalment bijoloġiċi għall-produzzjoni tal-pjanti jew l-annimali m'għandhomx jedd għal privattiva,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Privattivi (KEP) tal-5 ta' Ottubru 1973, b'mod partikolari l-Artikolu 53(b) tagħha,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell Imkabbar tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (UEP) tal-25 ta' Marzu 2015 fil-Każijiet G2/12 (dwar it-tadam) u G2/13 (dwar il-brokkoli),
– wara li kkunsidra r-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tal-KEP, b'mod partikolari l-Artikolu 26 tagħhom, li jiddikjara li għal applikazzjonijiet għal privattivi Ewropej u privattivi li jikkonċernaw invenzjonijiet bijoteknoloġiċi, id-Direttiva 98/44/KE għandha tintuża bħala mezz ta' interpretazzjoni supplementari,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta' Varjetajiet Ġodda ta' Pjanti tat-2 ta' Diċembru 1961, kif riveduta f'Ġinevra fl-10 ta' Novembru 1972, fit-23 ta' Ottubru 1978 u fid-19 ta' Marzu 1991 (minn hawn 'il quddiem il-'Konvenzjoni tal-UPOV tal-1991'),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta' Lulju 1994 dwar Drittijiet ta' Varjetajiet ta' Pjanti fil-Komunità[3] (minn hawn 'il quddiem ir-'Regolament (KE) Nru 2100/94'), b'mod partikolari l-Artikolu 15(c) u (d) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim tal-Kunsill dwar il-Qorti Unifikata tal-Privattivi tad-19 ta' Frar 2013[4] (minn hawn 'il quddiem il-'Ftehim tal-QUP'), b'mod partikolari l-Artikolu 27(c) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-privattivi u d-drittijiet ta' min inissel il-pjanti (O-000146/2015 – B8-1112/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-aċċess għal materjal bijoloġiku tal-pjanti li għandu karatteristiċi tal-pjanti huwa assolutament neċessarju biex tingħata spinta lit-tkabbir u l-innovazzjoni u biex jiġu żviluppati varjetajiet ġodda sabiex tiġi garantita s-sigurtà globali tal-ikel, jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u jiġu evitati monopolji fis-settur tat-tnissil, waqt li fl-istess ħin l-SMEs jingħataw aktar opportunitajiet;
B. billi d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma mezz ta' importanza fundamentali għas-salvagwardja tal-inċentivi ekonomiċi maħsuba biex jiġu żviluppati prodotti tal-pjanti ġodda u tiġi żgurata l-kompetittività;
C. billi l-prodotti miksuba minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi, bħal pjanti, żrieragħ, karatteristiċi awtoktoni u ġeni, għandhom jiġu esklużi mill-privattivabilità;
D. billi d-Direttiva 98/44/KE tilleġiżla favur l-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi, b'mod partikolari l-inġinerija ġenetika; billi, madankollu, kif indikat fil-Premessi 52 u 53 tagħha, ma kinitx l-intenzjoni tal-leġiżlatur li jipprevedi l-privattivabilità ta' prodotti miksuba minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva;
E. billi bosta applikazzjonijiet li jikkonċernaw prodotti tal-pjanti essenzjalment bijoloġiċi attwalment qed jistennew deċiżjoni mill-UEP, u billi għalhekk hemm ħtieġa urġenti li jiġu ċċarati l-kamp ta' applikazzjoni u l-interpretazzjoni tad-Direttiva 98/44/KE, b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha;
F. billi huwa prinċipju fundamentali tas-sistema internazzjonali tad-drittijiet ta' varjetajiet ta' pjanti bbażata fuq il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta' Varjetajiet Ġodda ta' Pjanti (il-Konvenzjoni tal-UPOV), u tas-sistema tal-UE bbażata fuq ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, li d-detentur ta' varjetà ta' pjanta ma jistax iwaqqaf lil oħrajn milli jużaw il-pjanta protetta għal attivitajiet oħra ta' tnissil;
G. billi d-Direttiva 98/44/KE tirrikonoxxi b'mod impliċitu l-libertà li jintuża materjal li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' privattiva għal skopijiet sperimentali, skont l-Artikoli 12(3)(b) u 13(3)(b);
H. billi l-eżenzjoni għal min inissel prevista fl-Artikolu 27(c) tal-Ftehim tal-QUP tkun applikabbli biss għal privattivi mogħtija skont is-sistema tal-privattiva unitarja u ma tapplikax awtomatikament għal privattivi nazzjonali fl-UE, u billi dan jirriżulta f'sitwazzjoni mhux armonizzata fir-rigward tal-possibbiltà ta' tnissil b'materjal bijoloġiku li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' privattiva;
1. Jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu rigward id-deċiżjoni reċenti tal-Bord tal-Appell Imkabbar tal-UEP fil-Każijiet G2/12 (tadam) u G2/13 (brokkoli), li tista' twassal għal żieda fl-għadd ta' privattivi, mogħtija mill-UEP, għal karatteristiċi naturali li jiddaħħlu f'varjetajiet ġodda bl-użu ta' proċessi essenzjalment bijoloġiċi bħall-inkroċjar u s-selezzjoni;
2. Jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika l-kamp ta' applikazzjoni u l-interpretazzjoni tad-Direttiva 98/44/KE, u b'mod partikolari l-Artikolu 4, flimkien mal-Artikoli 12(3)(b) u 13(3)(b) tagħha, sabiex tiżgura ċ-ċarezza tad-dritt rigward il-projbizzjoni tal-privattivabilità ta' prodotti miksuba minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi u l-fatt li t-tnissil b'materjal bijoloġiku li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' privattiva huwa permess;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tikkomunika l-kjarifika imminenti tagħha rigward il-privattivabilità ta' prodotti miksuba minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi lill-UEP sabiex tkun tista' tintuża bħala mezz ta' interpretazzjoni supplementari;
4. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-Unjoni tissalvagwardja l-aċċess garantit għal, u l-użu ta', materjal miksub minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi għat-tnissil tal-pjanti sabiex ma tinterferixxix mal-prattika tal-Istati Membri li jiggarantixxu eżenzjoni għal min inissel;
5. Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar l-iżvilupp u l-implikazzjonijiet tad-dritt tal-privattivi fil-qasam tal-bijoteknoloġija u l-inġinerija ġenetika, kif meħtieġ skont l-Artikolu 16(c) tad-Direttiva 98/44/KE u kif mitlub mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2012 fuq il-privattivi ta' proċessi bijoloġiċi essenzjali;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi.