Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-1396/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-1396/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-20 anniversarju mill-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton

14.12.2015 - (2015/2979(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Cristian Dan Preda, Jacek Saryusz-Wolski, Elmar Brok, Andrej Plenković, David McAllister, Eduard Kukan, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Lars Adaktusson, László Tőkés, Jaromír Štětina, Michael Gahler, Michèle Alliot-Marie, Dubravka Šuica, Gabrielius Landsbergis, Ivana Maletić, Davor Ivo Stier, Gunnar Hökmark, Ramona Nicole Mănescu, Marijana Petir, Fernando Ruas, József Nagy, Lara Comi, Dariusz Rosati, Claude Rolin, Roberta Metsola, Romana Tomc, Milan Zver f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1362/2015

Proċedura : 2015/2979(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-1396/2015
Testi mressqa :
B8-1396/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-1396/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-20 anniversarju mill-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton

(2015/2979(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Qafas Ġenerali għall-Paċi fil-Bożnija-Ħerzegovina u l-Annessi tiegħu, inizjalat f’Dayton fil-21 ta’ Novembru 1995 u ffirmat f’Pariġi fl-14 ta’ Diċembru 1995,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, inkluża r-Riżoluzzjoni 2247(2015) adottata fl-10 ta’ Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, iffirmat fil-Lussemburgu fis-16 ta’ Ġunju 2008 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Bożnija-Ħerzegovina tat-12 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Kelliem tal-VP/RGħ tal-10 ta’ Diċembru 2015 dwar id-deċiżjoni mill-gvern tar-Repubblika ta’ Srpska li jissospendi l-kooperazzjoni ma’ ċerti aġenziji tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji fil-Bożnija-Ħerzegovina,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bożnija-Ħerzegovina,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Ftehim ta’ Qafas Ġenerali għall-Paċi (minn hawn’ il quddiem il-Ftehim ta’ Paċi ta’ Dayton, DPA) temm l-aktar kunflitt devastanti li seħħ fl-Ewropa mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn u witta t-triq għall-Paċi fil-Bożnija-Ħerzegovina (BiH);

B.  billi l-gwerra ħalliet aktar minn 100 000 ruħ mejta, spustjat miljuni ta' nies u kienet ikkaratterizzata minn atroċitajiet tal-waħx, inklużi kampanji ta’ tindif etniku tal-massa, ġenoċidji u reati tal-gwerra numerużi;

C.  billi 20 sena wara l-iffirmar tad-DPA, għad hemm għexieren ta’ eluf ta’ persuni spustjati internament u eluf ta’ refuġjati fil-Bosnja-Ħerzegovina;

D.  billi d-DPA kellu s-suċċess li temm il-gwerra kif ukoll fir-riabilitazzjoni u r-rikostruzzjoni ta’ wara l-gwerra; billi, madankollu, l-istruttura istituzzjonali tal-pajjiż, maħluqa mid-DPA, hija wisq kumplessa żżejjed u rriżultat ineffiċjenti;

E.  billi għad fadal sfidi sinifikanti għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet għal rikonċiljazzjoni sinifikanti u persistenti fil-Bożnija-Ħerzegovina;

F.  billi l-UE ddikjarat ripetutament l-impenn inekwivoku tagħha għall-perspettiva Ewropea tal-Bożnija-Ħerzegovina u għall-integrità territorjali, is-sovranità u l-unità tagħha;

1.  Ifakkar li l-avveniment storiku tal-inizjalar u l-iffirmar tad-DPA u jfaħħar l-isforzi tal-poplu u tal-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina biex jikkonsolidaw il-paċi, jiksbu rikonċiljazzjoni u jsaħħu l-istabbiltà politika;

2.  Jirrikonoxxi t-trasformazzjoni pożittiva li għaddiet minnha l-Bożnija-Ħerzegovina f’dawn l-aħħar 20 sena, minn pajjiż mifni bi gwerra u ħiereġ minn kunflitt għal stat li jaspira għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea;

3.  Itenni l-impenn tal-UE lejn il-perspettiva Ewropea u t-tkomplija tal-proċess ta’ adeżjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina u tal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent; jemmen li l-kooperazzjoni reġjonali u l-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea huma l-aħjar mod biex tiġi promossa r-rikonċiljazzjoni u biex jingħelbu l-mibegħda u l-firdiet;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina juru determinazzjoni u jsegwu t-triq ta’ riforma b’sens ta’ urġenza; ifakkar li l-indirizzar tal-ħtiġijiet soċjoekonomiċi taċ-ċittadini għandu jkun prijorità; itenni li huwa kruċjali wkoll li jitkomplew, b’mod parallel, ir-riformi politiċi u d-demokratizzazzjoni tas-sistema politika, kif ukoll l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu effettiv ta’ koordinazzjoni dwar kwistjonijiet tal-UE, sabiex jiġi ffaċilitat it-tressiq ta’ applikazzjoni kredibbli għas-sħubija fl-UE;

5.  Ifakkar li r-riforma kostituzzjonali mmirati lejn il-konsolidazzjoni, is-simplifikazzjoni u t-tisħiħ tal-qafas istituzzjonali tibqa’ kruċjali għat-trasformazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina fi Stat effikaċi, inklużiv u li jiffunzjona għalkollox, li jiggarantixxi l-ugwaljanza bejn it-tliet popli kostituttivi u ċ-ċittadini l-oħra kollha; jirrikonoxxi li r-riforma tal-leġislazzjoni elettorali biex tiġi żgurata r-rappreżentanza leġittima tal-popli kostitwenti għandha tkun l-ewwel pass lejn il-bidliet kostituzzjonali;

6.  Itenni l-obbligu li jiġi implimentat l-Anness 7 tad-DPA biex ikun żgurat ir-ritorn sostenibbli, inkluż ir-ritorn tal-Kroati, Bosnijaċi u oħrajn lejn ir-Repubblika Srpska, kif ukoll soluzzjonijiet ġusti, komprensivi u dewwiema għall-persuni spustjati internament, għar-rifuġjati u għal persuni oħra milquta mill-kunflitt, kif ukoll sabiex isir progress fit-titjib tal-integrazzjoni soċjoekonomika ta’ dawk li rritornaw lura; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Bożnija-Ħerzegovina fil-livelli kollha biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jiddeterminaw x’ġara lil kważi 7 000 ruħ li għad mhux magħruf x'sar minnhom waqt il-kunflitt fil-pajjiż;

7.  Jilqa’ l-preżenza kontinwa tal-Operazzjoni EUFOR Althea, bħala parti mill-mandat imġedded tan-NU li jiffuka fuq il-bini tal-kapaċità u t-taħriġ, u jirrikonoxxi r-rwol kostruttiv tal-EUFOR għall-paċi u s-sigurtà fil-pajjiż;

8.  Itenni s-sejħa tiegħu lill-mexxejja politiċi tal-Bożnija-Ħerzegovina biex ma jużawx retorika nazzjonalista u seċessjonista ta' firda li tippolarizza lis-soċjetà u biex jimpenjaw ruħhom serjament f'riformi li jtejbu l-ħajjiet taċ-ċittadini tal-Bożnija-Ħerzegovina, joħolqu stat demokratiku, inklużiv u li jiffunzjona u jressqu l-pajjiż eqreb lejn l-UE;

9.  Jinsab imħasseb ħafna dwar it-tħejjijiet tar-Repubblika Srpska biex torganizza referendum fil-livell tal-entitajiet dwar il-ġudikatura fil-livell ta’ Stat, li jisfida l-koeżjoni, is-sovranità u l-integrità tal-pajjiż u jirriskja li jxekkel il-progress fil-proċess ta’ integrazzjoni mal-UE; jenfasizza li kwalunkwe nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja tal-Bożnija-Ħerzegovina għandhom jiġu indirizzati fil-qafas ta' djalogu strutturat dwar il-ġustizzja;

10.  Jiddeplora d-deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet tar-Repubblika Srpska, lejliet l-ewwel laqgħa li qatt saret tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Bożnija-Ħerzegovina, biex jissospendu l-kooperazzjoni ma’ ċerti aġenziji tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji fil-Bożnija-Ħerzegovina; jinsisti li l-istat tad-dritt għandu jiġi rrispettat madwar it-territorju kollu tal-pajjiż u jenfasizza l-importanza li tinstab soluzzjoni għal din il-kwistjoni b’mod kalm u permezz tad-djalogu;

11.  Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni għall-iskop tar-rikonċiljazzjoni u l-fehim reċiproku fil-Bożnija-Ħerzegovina u bħala bażi għall-paċi u l-istabilità sostenibbli;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Bożnija-Ħerzegovina u l-entitajiet tagħha, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.