Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-1398/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-1398/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-20 anniversarju mill-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton

14.12.2015 - (2015/2979(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao f'isem il-Grupp EFDD

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1362/2015

Proċedura : 2015/2979(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-1398/2015
Testi mressqa :
B8-1398/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-1398/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-20 anniversarju mill-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton

(2015/2979(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Paċi ta’ Dayton, u l-qafas ġenerali u tnax-il annessi tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta' Lulju 2005[1], tal-15 ta' Jannar 2009[2], u tad-9 ta' Lulju 2015[3], dwar Srebrenica,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet numerużi preċedenti tiegħu dwar ir-Rapporti ta' Progress dwar il-Bożnija-Ħerzegovina,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, iffirmat fil-Lussemburgu fis-16 ta’ Ġunju 2008 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja tal-11 ta’ Marzu 2005 dwar is-sitwazzjoni kostituzzjonali fil-Bożnja-Ħerzegovina u s-setgħat tar-Rappreżentant Għoli,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-21 ta’ Novembru 1995, it-test tal-Ftehim ta’ Paċi ta’ Dayton ġie inizjalat f’Dayton, Ohio; billi l-Ftehim ta’ Paċi ta’ Dayton ġie ffirmat f’Pariġi fl-14 ta’ Diċembru 1995 u temm l-aktar gwerra mdemmija fl-Ewropa minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn;

B.  billi n-NU tistma li bejn wieħed u ieħor mitt elf persuna nqatlu fil-gwerra fil-Bożnija-Ħerzegovina, u ħafna eluf ndarbu serjament, inklużi għexieren ta’ eluf ta’ vittmi ta’ vjolenza sesswali; billi l-gwerra fil-Bożnja-Ħerzegovina wasslet għall-ispustament ta' aktar minn żewġ miljun persuna;

C.  billi l-Ftehim ta’ Paċi ta’ Dayton kienu meħtieġ biex jintemm it-tixrid tad-demm, iżda sfortunatament ma wassalx sabiex il-Bożnija-Ħerzegovina tkun stat li kapaċi jsostni lilu nnifsu u jiffunzjona, kif intwera f’dawn l-aħħar snin bil-kriżi politika perpetwa tal-pajjiż, frott in-nuqqas ta’ kapaċità għall-kompromess;

D.  billi l-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta’ Venezja) għamlet proposti dettaljati, moderati u prattiċi dwar kif il-kostituzzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina tista' tiġi rriformata b’mod olistiku;

E.  billi fl-2009, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) fis-sentenza tagħha fil-każ Sejdić u Finci, iddikjarat li partijiet mill-kostituzzjoni attwali tal-Bożnija-Ħerzegovina jiksru l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; billi fl-2014, il-Qorti tat deċiżjoni simili fil-każ Zornic;

F.  billi l-hekk imsejjaħ "Pakkett ta' April” ta’ emendi kostituzzjonali tal-2006, li kien appoġġjat minn rappreżentanti tal-biċċa l-kbira tal-partiti ewlenin fil-Bożnija-Ħerzegovina u kien fih għadd ta’ proposti li kellhom isaħħu s-setgħat fil-livell tal-istat u jindirizzaw ċertu nuqqasijiet fil-funzjonament fil-fergħat leġiżlattivi u eżekuttivi tal-Bożnija-Ħerzegovina, naqas milli jilħaq il-limitu meħtieġ għall-adozzjoni ta' emendi kostituzzjonali minħabba żewġ voti biss;

G.  billi l-Anness VII għall-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton għadu ma ġiex implimentat bis-sħiħ; billi għad hemm il-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet ġusti, komprensivi u dejjiema għall-persuni spustjati internament, għar-rifuġjati u għal persuni oħra milquta mill-kunflitt, kif ukoll li jsir progress fit-titjib tal-integrazzjoni soċjoekonomika ta’ dawk li rritornaw lura;

H.  billi, skont il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, għad hemm madwar 11 000 persuna nieqsa li għadu mhux magħruf x’sar minnhom;

1.  Ifakkar l-avveniment storiku tal-inizjalar u l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Paċi ta’ Dayton, li seħħ fil-21 ta’ Novembru 1995 f’Dayton u fl-14 ta’ Diċembru 1995 f’Pariġi u li temm il-kunflitt armat terribbli fil-qalba tal-Ewropa, li kien ikkaratterizzat minn kampanji ta’ tindif etniku tal-massa, ġenoċidji u reati numerużi tal-gwerra;

2.  Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu mal-familji tal-ħafna vittmi u persuni nieqsa tal-gwerra fil-Bożnija-Ħerzegovina; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina jkomplu fil-kooperazzjoni tagħhom mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-Eks Jugoslavja (ICTY) u biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw b’mod effettiv ix-xogħol b’lura tal-proċessi domestiċi tad-delitti tal-gwerra sabiex dawk li wettqu l-atroċitajiet u kisru d-drittijiet tal-bniedem jitressqu quddiem il-ġustizzja;

3.  Ifakkar li l-Ftehim ta’ Paċi ta’ Dayton għadu 12-il anness, li jindirizzaw diversi kwistjonijiet bħall-aspetti militari (Anness 1A), l-istabilità reġjonali (Anness 1B), il-kostituzzjoni (Anness 4), id-drittijiet tal-bniedem (Anness 6) u r-refuġjati u l-persuni spustjati (Anness 7); jenfasizza l-ħtieġa li l-20 anniversarju jittieħed bħala opportunità biex jiġi evalwat il-livell ta’ implimentazzjoni tal-annessi individwali kollha;

4.  Jinsab ferm konvint li l-kostituzzjoni attwali tal-Bożnija-Ħerzegovina, kif stabbilita fl-Anness 4 għall-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton, għandha bżonn urġenti ta’ riforma sabiex tippermetti lill-istat jiffunzjona b'mod li jkun ta' benefiċċju għaċ-ċittadini kollha tiegħu u biex tippermetti li jkun hemm taħditiet dwar l-adeżjoni mal-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta’ proċess ta’ reviżjoni u riforma kostituzzjonali sostanzjali li huma meħtieġa sabiex il-qafas istituzzjonali tal-pajjiż jaħdem b’mod effikaċi u effiċjenti;

5.  Itenni l-impenn tal-UE lejn il-perspettiva Ewropea u t-tkomplija tal-proċess ta' adeżjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina u tal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent; jemmen li l-kooperazzjoni reġjonali u l-proċess ta' integrazzjoni Ewropea huma l-aħjar mod biex tiġi promossa r-rikonċiljazzjoni u biex jingħelbu l-mibegħda u l-firdiet;

 

 

 

6.  Jemmen li dawn l-għanijiet fit-tul għandhom jiġu kkunsidrati:

•  għan aħħari li jkun hemm kostituzzjoni demokratikament leġittima mħejjija bil-parteċipazzjoni tal-forzi politiċi kollha u tas-soċjetà ċivili, fi proċess trasparenti u pubbliku;

•  prospett fit-tul ta’ mixja progressiva minn stat ibbażat fuq l-ugwaljanza bejn it-tliet popli kostitwenti għal stat ibbażata fuq l-ugwaljanza taċ-ċittadini;

•  it-tneħħija gradwali progressiva tar-rwol tar-Rappreżentant Għoli ladarba jkunu ntlaħqu l-kondizzjonijiet meħtieġa kif ukoll it-trasformazzjoni ta’ dan ir-rwol minn wieħed li jieħu d-deċiżjonijiet għal medjatur;

7.  Ifakkar id-dikjarazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar kif għandha tiġi rriformata il-kostituzzjonali ta’ Dayton u l-insistenza tiegħu dwar il-punti li ġejjin:

•  li l-Istat għandu jkollu biżżejjed setgħat leġiżlattivi, baġitarji, eżekuttivi u ġudizzjarji biex jiffunzjona bħala membru tal-UE, biex joħloq u jżomm suq wieħed li jiffunzjona, biex jippromwovi l-koeżjoni ekonomika u soċjali;

•  li l-għadd ta' livelli amministrattivi involuti fl-immaniġġjar tal-pajjiż għandu jkun proporzjonali mar-riżorsi finanzjarji tal-Bożnija-Ħerzegovina u għandu jkun ibbażat fuq allokazzjoni effiċjenti, koerenti u effettiva tar-responsabilitajiet;

•  li s-salvagwardja tal-interessi nazzjonali vitali fil-Bożnija-Ħerzegovina għandha tkun kompatibbli mal-kapaċità tal-pajjiż li jaġixxi; il-ħtieġa ta' interpretazzjoni ċara, eżawrjenti u fl-istess ħin dejqa tal-kunċett ta' "interessi nazzjonali vitali" sabiex jiġi evitat kwalunkwe użu ħażin li huwa etnikament motivat tal-istrument tal-veto relatat għal raġunijiet purament ostruzzjonistiċi;

•  il-ħtieġa ta' reviżjoni dettaljata tal-mekkaniżmu tal-veto tal-entitajiet, li għandu japplika biss għal kwistjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità maqsuma bejn l-Istat u l-entitajiet;

•  li l-komunitajiet minoritarji nazzjonali kollha jridu jgawdu mill-istess drittijiet bħall-popli kostitwenti, u dan jinkludi l-abolizzjoni tal-limitazzjonijiet ibbażati fuq l-etniċità fuq id-dritt li jiġu eletti, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-opinjonijiet rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea tad-Demokrazija permezz tal-Liġi (Kummissjoni ta' Venezja) tal-Kunsill tal-Ewropa;

8.  Jistieden lill-partiti politiċi kollha jieħdu sehem f'dan il-proċess b'mod kostruttiv u miftuħ u biex jagħmlu użu mill-parir u l-gwida li l-Kummissjoni ta' Venezja tista' tipprovdi matul dan il-proċess; jilqa' u jappoġġa l-isforzi tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jinfluenzaw il-proċess ta' riforma kostituzzjonali; jilqa’ d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri ta’ Settembru 2015 dwar Pjan ta’ Azzjoni dwar l-implimentazzjoni tas-sentenzi Sejdić-Finci u Zornic tal-QEDB u dwar l-istabbiliment ta’ kummissjoni li ser ifassal emendi kostituzzjonali;

9.  Itenni l-obbligu li jiġi implimentat l-Anness 7 tal-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton biex jiġu żgurati soluzzjonijiet ta' ritorn sostenibbli, kif ukoll ġusti, komprensivi u dewwiema għall-persuni spustjati internament, għar-rifuġjati u għal persuni oħra milquta mill-kunflitt; jinnota bi tħassib li għad hemm 84 500 persuna spustjati internament (IDPs) fil-Bożnija-Ħerzegovina; jappella għall-implimentazzjoni effikaċi tal-Istrateġija Riveduta dwar l-Anness VII tal-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Bożnija-Ħerzegovina u l-entitajiet tagħha, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.