Proċedura : 2015/2979(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1401/2015

Testi mressqa :

B8-1401/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2015 - 9.10
CRE 17/12/2015 - 9.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0471

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 424kWORD 78k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1362/2015
14.12.2015
PE574.471v01-00
 
B8-1401/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-20 anniversarju mill-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton (2015/2979(RSP))


Knut Fleckenstein, Tanja Fajon, Afzal Khan, Tonino Picula, Victor Boştinaru, Richard Howitt, Eric Andrieu, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, Goffredo Maria Bettini, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Simona Bonafè, Nicola Caputo, Nessa Childers, Andrea Cozzolino, Andi Cristea, Miriam Dalli, Viorica Dăncilă, Nicola Danti, Isabella De Monte, Monika Flašíková Beňová, Eugen Freund, Doru-Claudian Frunzulică, Eider Gardiazabal Rubial, Enrico Gasbarra, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Neena Gill, Ana Gomes, Theresa Griffin, Sylvie Guillaume, Sergio Gutiérrez Prieto, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Juan Fernando López Aguilar, Javi López, Andrejs Mamikins, Louis-Joseph Manscour, Costas Mavrides, Marlene Mizzi, Sorin Moisă, Csaba Molnár, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Momchil Nekov, Demetris Papadakis, Emilian Pavel, Vincent Peillon, Miroslav Poche, Liliana Rodrigues, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Daciana Octavia Sârbu, Christel Schaldemose, Siôn Simon, Renato Soru, Tibor Szanyi, Elena Valenciano, Julie Ward, Boris Zala, Flavio Zanonato f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-20 anniversarju mill-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton (2015/2979(RSP))  
B8-1401/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas Ġenerali għall-Paċi fil-Bosnja-Ħerzegovina u l-Annessi tiegħu, konkluż f’Dayton fil-21 ta’ Novembru 1995 u ffirmat uffiċjalment f’Pariġi fl-14 ta’ Diċembru 1995,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-Bożnija-Ħerzegovina u dwar Srebrenica,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) fil-Kawża Sejdić u Finci vs Bożnija-Ħerzegovina (Kawża nru. 27996/06 u 34836/06) tat-22 ta' Diċembru 2009,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, iffirmat fil-Lussemburgu fis-16 ta’ Ġunju 2008 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Ftehim Qafas Ġenerali, magħruf aħjar bħala l-Ftehim ta’ Paċi ta’ Dayton, temm l-atroċitajiet tal-gwerra tal-Bożnija u wassal għall-paċi fil-BiH;

B.  billi l-partijiet kontraenti għall-Ftehim ta’ Dayton impenjaw ruħhom, fost l-oħrajn, biex iżommu lura minn kwalunkwe azzjoni kontra l-integrità territorjali jew l-indipendenza politika tal-BiH; billi dispożizzjonijiet oħra tal-Ftehim għadhom rilevanti sal-lum;

C.  billi l-Ftehim ta’ Dayton, b’mod partikolari l-Anness 4 tiegħu, ipprovda kostituzzjoni għall-BiH, li għadha tintuża llum; billi, madankollu, dawn l-arranġamenti kostituzzjonali jagħmlu diffiċli t-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet u ineffiċjenti billi jżommu s-soċjetà tal-Bożnija maqsuma skont diviżjonijiet etniċi; billi d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kostituzzjoni, li tipprevjeni liċ-ċittadini li ma jkunux iddikjaraw lilhom infushom bħala li jappartjenu għal waħda mill-popli kostitwenti tal-pajjiż milli joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet hija bi ksur tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

D.  billi, fl-1 ta’ Ġunju 2015, il-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni bejn il-BiH u l-UE daħal fis-seħħ u aġenda ta’ riforma ġiet adottata u bdiet tiġi implimentata mill-awtoritajiet tal-BiH, skont l-approċċ imġedded tal-UE lejn il-BiH, bil-għan li tiġi indirizzata s-sitwazzjoni soċjoekonomika diffiċli u jsir progress ulterjuri fl-integrazzjoni tal-UE; billi l-pajjiż għandu l-ħsieb li jippreżenta applikazzjoni għal sħubija fl-UE fil-futur qrib;

1.  Jikkommemora l-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Dayton, li kienet rebħa kbira għad-diplomazija kontra l-gwerra, li temmet kunflitt li żied l-atroċitajiet li orridixxew id-dinja, li rriżultaw f'iktar minn 100 000 ruħ mejta u miljuni ta’ nies spustati;

2.  Jilqa’ r-riżultati miksuba bir-ritorn ta’ refuġjati u persuni spustati internament (IDPs), ir-rikostruzzjoni u r-restituzzjoni tal-proprjetà, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Anness VII għall-Ftehim ta’ Dayton; jinsisti fuq il-ħtieġa ta’ implimentazzjoni sħiħa tal-Anness u l-istrateġija relatata; jitlob għal koordinazzjoni aħjar tal-isforzi fil-livelli kollha u li tingħata aktar attenzjoni lill-persuni spustati l-aktar vulnerabbli, inklużi r-Roma, u n-nisa li jisfaw vittmi ta’ vjolenza; jenfasizza l-ħtieġa għal integrazzjoni lokali ta’ dawk li ma setgħux jirritornaw lejn iż-żoni ta’ oriġini tagħhom; jinnota b’dispjaċir li, skont il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, għad hemm madwar 7 000 persuna nieqsa li għadu mhux magħruf x’sar minnhom;

3.  Jinnota li, minkejja l-limiti tagħha, il-Ftehim ta’ Dayton jibqa’ jikkostitwixxi l-bażi tal-integrità territorjali, tas-sovranità, tal-personalità internazzjonali u l-indipendenza politika tal-BiH; jenfasizza li, f’dawn l-aħħar għoxrin sena, kien hemm progress fil-pajjiż u fir-reġjun, iżda li huma meħtieġa sforzi addizzjonali fil-qasam tar-rikonċiljazzjoni u tal-iżvilupp u l-konsolidament demokratiku;

4.  Jiddispjaċih li s-soċjetà tal-BiH għadha maqsuma skont diviżjonijiet etniċi u li ma hemm l-ebda implimentazzjoni tas-sentenza tal-QEDB fil-Kawża Sejdić-Finci; jistieden lill-UE biex tintensifika l-isforzi mmirati biex jiffaċilitaw ftehim fost il-popli kostitwenti dwar l-implimentazzjoni tas-sentenza, li jiggarantixxi drittijiet indaqs għaċ-ċittadini kollha tal-BiH u t-titjib ulterjuri tal-impenji favur id-drittijiet tal-bniedem;

5.  Jenfasizza r-rwol importanti tas-soċjetà ċivili lokali fil-proċess ta’ bini tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni, u b’mod partikolari l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fid-djalogu interkulturali u l-iskambju, kif ukoll fl-isfera politika; jinnota r-rwol sinifikanti ta’ attivisti kulturali, artisti, kittieba u akkademiċi biex jiġi promoss djalogu u fehim bejn il-gruppi differenti fis-soċjetà; iħeġġeġ il-promozzjoni tal-edukazzjoni għad-demokrazija, id-drittijiet fundamentali u ċ-ċittadinanza fil-Bożnija;

6.  Jesprimi tħassib serju dwar it-tħejjijiet li għaddejjin għal referendum fir-Republika Srpska dwar il-Qorti u l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-BiH, li jista’ jiġi kkunsidrat ukoll bħala sfida li għall-integrità territorjali u s-sovranità tal-Bożnija-Ħerzegovina; jikkundanna, barra minn hekk, id-deċiżjoni reċenti tal-Gvern tar-Republika Srpska li jissospendi l-kooperazzjoni ma’ ċerti aġenziji ġudizzjarji u ta' infurzar tal-liġi fil-pajjiż; jenfasizza li kwalunkwe nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja tal-BiH u kwistjonijiet oħra dwar l-istat tad-dritt għandhom jiġu indirizzati fil-qafas ta' djalogu strutturat dwar il-ġustizzja; itenni l-impenn biex tinżamm ir-riforma tal-ġudikatura u kwistjonijiet relatati mal-ipproċessar ta' delitti tal-gwerra bħala l-prijoritajiet ewlenin tad-djalogu strutturat;

7.  Jenfasizza li, skont l-Ftehim ta’ Paċi ta’ Dayton, l-entitajiet m’għandhom l-ebda dritt għal seċessjoni; ifakkar barra minn hekk li, bl-adozzjoni tal-Impenn bil-Miktub, il-forzi politiċi kollha impenjaw ruħhom li jirrispettaw is-"sovranità, l-integrità territorjali u l-indipendenza politika tal-Bożnija-Ħerzegovina";

8.  Ifakkar li l-Ftehim ta’ Dayton irrikonoxxa li huma biss l-awtoritajiet ċentrali li jistgħu jirrappreżentaw lill-pajjiż f’organizzazzjonijiet internazzjonali, iżda li l-istruttura burokratika kumplessa, u l-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet ikkumplikat, li jieħu ħafna ħin u ineffiċjenti fil-BiH jista’ jkollhom impatt detrimentali fuq il-prospetti ta’ integrazzjoni Ewropea u jimminaw il-ħila tal-pajjiż li jiffunzjona bħala membru futur tal-UE; jiddispjaċih li, wara d-dħul fis-seħħ tal-FSA u skont ir-regoli u l-obbligi tiegħu, il-Kumitat Parlamentari ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (SAPC) ma kienx maħluq, minħabba talba min-naħa tal-BiH għall-introduzzjoni ta' dimensjoni etnika fir-regoli konġunti ta’ proċedura; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-BiH biex jindirizzaw il-kwistjoni tal-funzjonalità b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni ta’ Venezja; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jirriflettu dwar il-possibbiltà li jiġu involuti b’mod attiv fl-isforzi biex tinstab soluzzjoni sostenibbli għall-arranġamenti kostituzzjonali tal-BiH;

9.  Itenni, 20 snin wara l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Dayton, l-impenn tal-Ewropa lejn il-paċi u l-prosperità għall-Bożnija-Ħerzegovina; Jappoġġa l-perspettiva Ewropea tiegħu u jinkoraġġixxi riformi politiċi li jippromwovu l-iżvilupp soċjoekonomiku u jtejbu l-funzjonament tal-istat, li jiżgura ħajja aħjar għaċ-ċittadini kollha tal-pajjiż; jagħti parir qawwi kontra r-retorika nazzjonalistika, li tista' xxekkel il-progress li nkiseb s’issa;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli, il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Presidenza tal-BiH, il-Kunsill tal-Ministri tal-BiH, l-Assemblea Parlamentari tal-BiH u l-gvernijiet u l-parlamenti tal-Federazzjoni tal-BiH u r-Republika Srpska, lill-gvernijiet tal-10 kontej/distretti, u l-partijiet firmatarji tal-Ftehim ta’ Paċi ta’ Dayton.

Avviż legali - Politika tal-privatezza