Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0038/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0038/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-investiment fis-settur privat fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp

5.1.2016

imressqa skont l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura

Aldo Patriciello

B8-0038/2016

Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-investiment fis-settur privat fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-istrateġija Ewropa 2020,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1291/2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi waħda mill-prijoritajiet tal-UE għall-perjodu 2014-2020 hija li jkun hemm investiment fuq skala kbira fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż);

B.  billi, fi żmien ta' kriżi ekonomika u tnaqqis fin-nefqa pubblika, huwa meħtieġ li fuq kollox is-settur privat iżid l-investiment fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp, fid-dawl tal-importanza li dan għandu sabiex jiżdiedu t-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa;

C.  iqis li fl-Italja, pereżempju, skont l-aħħar ċifri għall-2013 tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju żiedu l-investiment fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp, filwaqt li n-nefqa fir-riċerka u l-iżvilupp tal-intrapriżi li għandhom aktar minn 500 impjegat naqset b'1.2 % u b'4.7 % fil-każ tal-intrapriżi li għandhom bejn 250 u 499 impjegat;

D.  billi, skont l-Uffiċċju Nazzjoni tal-Istatistika, fl-2013 fl-Italja l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju rrappreżentaw 86 % tal-intrapriżi kollha li jaħdmu fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp, meta mqabbel mal-84 % fl-2012;

1.  Jitlob lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi l-importanza tal-investiment fis-settur tar-riċerka u l-iżvilupp fl-Istati Membri, speċjalment fis-settur privat, sabiex toħloq ekonomija li hija bbażata fuq l-għarfien u l-innovazzjoni.