Proċedura : 2015/3033(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0042/2016

Testi mressqa :

B8-0042/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 20/01/2016 - 7.8
CRE 20/01/2016 - 7.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 404kWORD 66k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0041/2016
13.1.2016
PE575.940v01-00
 
B8-0042/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-proċess ta' paċi fil-Kolombja (2015/3033(RSP))


Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Angel Dzhambazki, Raffaele Fitto f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-proċess ta' paċi fil-Kolombja (2015/3033(RSP))  
B8-0042/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kolombja,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Andina,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-15 ta' Diċembru 2015 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-ftehim dwar il-vittmi tal-kunflitt fil-Kolombja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' Jannar 2016 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-proċess ta' paċi fil-Kolombja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi għal dan l-aħħar 50 sena l-Kolombjani soffrew vjolenza politika minn gruppi armati illegali kemm min-naħa tax-xellug estrem (il-biċċa l-kbira mill-FARC u mill-ELN) kif ukoll min-naħa tal-lemin estrem (minn gruppi ta' awtodifiża jew l-hekk imsejħa gruppi paramilitari);

B.  billi aktar minn 220 000 persuna, li aktar minn 80 % minnhom huma ċivili, inqatlu fil-kunflitt armat, li l-prezz uman jinkludi aktar minn 45 000 każ ta' għajbien sfurzat, għadd enormi ta' każijiet mhux rikonoxxuti ta' vjolenza sesswali, u l-ispostament sfurzat ta' aktar minnn 6 miljun persuna;

C.  billi fil-bidu tas-snin 90 intlaħqu ftehimiet ma' numru ta' gruppi tal-gwerilla, inklużi l-M-19, l-ELP u l-Moviment Armat Quintin Lame, u fl-2013 ftehim ta' paċi bejn il-Gvern Kolombjan u l-gruppi paramilitari wassal biex 31 000 membru ta' dawk il-gruppi ġew demobilizzati u inkorporati fi programm ta' riintegrazzjoni appoġġat u sorveljat mill-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS); billi, madankollu, ġellieda paramilitari oħra ngħaqdu ma' gruppi kriminali ġodda involuti fit-traffikar tad-droga u għadhom iwettqu vjolenza f'ħafna partijiet tal-pajjiż;

D.  billi fil-15 ta' Diċembru 2015 il-Gvern tal-Kolombja u l-FARC laħqu ftehim dwar ir-riparazzjoni lill-vittmi tal-kunflitt armat, wara li kienu laħqu ftehim dwar erba' punti oħra ewlenin (ir-riforma tal-art, il-parteċipazzjoni politika tar-ribelli, il-problema tat-traffikar tad-droga, u l-ġustizzja tranżizzjonali); billi ż-żewġ naħat stabillixxew it-23 ta' Marzu 2016 bħala d-data ta' skadenza għall-iffirmar tad-dokument finali;

1.  Itenni l-appoġġ b'saħħtu tiegħu għall-proċess ta' paċi fil-Kolombja, u jinkoraġġixxi lill-partijiet jżidu l-preċiżjoni u jagħlqu l-lakuni fil-ftehimiet proviżorji milħuqa s'issa, b'mod speċjali dawk li jikkonċernaw il-ġustizzja tranżizzjonali u r-riparazzjoni lill-vittmi tal-kunflitt armat, u jiffirmaw, sa Marzu 2016, ftehim finali inkluż dwar id-demobilizzazzjoni tal-gwerillieri FARC u d-dekummissjonar tal-armi tagħhom;

2.  Jistieden lill-partijiet jiddeterminaw mekkaniżmu, li jinvolvi partijiet terzi li jgawdu minn leġittimità u kredibbiltà, għall-ħatra ta' maġistrati għat-tribunali speċjali li se jinħolqu biex jipproċessaw lil dawk suspettati li wettqu delitti relatati mal-kunflitt;

3.  Iqis li l-Unjoni Ewropea għandha tappoġġa l-implimentazzjoni sħiħa u kompleta tal-ftehim ta' paċi, id-demobilizzazzjoni u r-riintegrazzjoni ta' ex ġellieda, inkluż programmi psikosoċjali għas-suldati tfal u ġellieda nisa li sfaw vittmi ta' abbuż sesswali, il-programm għat-tneħħija ta' mini, programmi għall-iżvilupp alternattiv u rurali, u t-tisħiħ tal-istat ċivili fiż-żoni rurali u urbani, u li hija għandha wkoll tikkollabora bl-għan li jkun hemm kooperazzjoni koordinata ma' donaturi oħra;

4.  Jinkoraġġixxi lill-Gvern Kolombjan jimxi lejn rwol ġdid u aktar limitat tal-forzi armati, b'tali mod li l-infurzar tal-liġi mill-forzi ċivili jespandi f'żoni ta' wara l-kunflitt, u jżomm ir-rispett sħiħ tal-proċess dovut tal-liġi u tad-drittijiet ċivili u politiċi min-naħa tal-membri tal-pulizija u tal-forzi armati;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-Gvern tal-Kolombja.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza