Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0043/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0043/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-klawsola ta' difiża reċiproka (Artikolu 42(7) TUE)

13.1.2016 - (2015/3034(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Jacek Saryusz-Wolski, Elmar Brok, Andrej Plenković, Sandra Kalniete, Michèle Alliot-Marie, David McAllister, Tunne Kelam, Jaromír Štětina, Andrey Kovatchev, Lars Adaktusson, Gabrielius Landsbergis, Dubravka Šuica, Ramona Nicole Mănescu, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Fernando Ruas, Daniel Caspary, Alojz Peterle, Davor Ivo Stier, László Tőkés, Theodoros Zagorakis, Lorenzo Cesa, Dariusz Rosati, Francisco José Millán Mon, Tokia Saïfi, Ramón Luis Valcárcel Siso f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0043/2016

Proċedura : 2015/3034(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0043/2016
Testi mressqa :
B8-0043/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0043/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-klawsola ta' difiża reċiproka (Artikolu 42(7) TUE)

(2015/3034(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 42(7) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2(4) u 222 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar il-klawsoli ta' difiża reċiproka u ta' solidarjetà tal-UE: dimensjonijiet politiċi u operattivi[1],

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u b'mod partikulari d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VII u l-Artikolu 51 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni magħmula mill-President tar-Repubblika Franċiża quddiem il-Kungress Franċiż fis-16 ta' Novembru 2015 li Franza kienet fi stat ta' gwerra,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar id-difiża u s-sigurtà adottati mill-Kunsill Ewropew fid-19 u l-20 ta' Diċembru 2013 u l-25 u s-26 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin (tal-Ministri tad-Difiża) fis-17 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-13 ta' Novembru 2015 seħħew bosta attakki terroristiċi f'Pariġi, li qatlu mill-inqas 130 persuna minn aktar minn 26 nazzjon;

B.  billi l-Gvern Franċiż uffiċjalment invoka l-klawsola ta' difiża reċiproka skont l-Artikolu 42(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea wara l-attakki terroristiċi f'Pariġi fit-13 ta' Novembru 2015;

C.  billi l-Artikolu 42(7) għandu jitqies bħala l-ekwivalenti tal-UE għall-Artikolu 5 tan-NATO;

D.  billi s-solidarjetà, l-għajnuna u l-assistenza reċiproka fost l-Istati Membri, inkluż permezz ta' rikors għall-mezzi tal-Unjoni, huma wieħed mis-sisien tal-Unjoni Ewropea;

E.  billi l-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali hija meqjusa bħala prijorità għall-UE, u sabiex jiġi segwit il-prinċipju tas-solidarjetà hemm bżonn ta' azzjoni interna kif ukoll esterna;

F.  billi l-arkitettura tas-sigurtà u d-difiża prevista mit-Trattati għadha ma ġietx implimentata; billi l-Istati Membri huma responsabbli biex jiksbu progress fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni;

G.  billi l-UE teħtieġ li ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) sabiex il-politiki ta' sigurtà u ta' difiża stabbiliti fi ħdan dawn iż-żewġ oqfsa jsiru dejjem aktar kompatibbli, b'mod partikolari meta Stat Membru jisfa' vittma ta' aggressjoni armata fuq it-territorju tiegħu, li tinkludi attakki terroristiċi;

H.  billi jeħtieġ li l-istituzzjonijiet tal-UE jkunu aktar attivi fil-politika ta' sigurtà u difiża, u li jippromwovu l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha dwar il-politika ta' sigurtà u difiża minquxa fit-Trattati, inklużi dawk dwar ir-rwol partikulari tan-NATO fis-sigurtà u d-difiża Ewropea u transatlantika; billi l-istituzzjonijiet tal-UE jridu jappoġġaw lill-Istati Membri kollha fl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw b'mod sħiħ dawk id-dispożizzjonijiet;

I.  billi l-Artikolu 42(6) TUE dwar il-kooperazzjoni strutturata permanenti għandu jiġi attivat fost dawk l-Istati Membri li jixtiequ jikkooperaw mill-qrib ma' xulxin;

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon kbir l-appoġġ sħiħ unanimu u sħiħ mogħti lill-Franza mill-Istati Membri kollha; jilqa', b'mod partikolari, ir-rieda tal-Istati Membri kollha li jipprovdu l-għajnuna u l-assistenza kollha meħtieġa;

2.  Ifakkar li l-klawsola ta' difiża reċiproka intużat għall-ewwel darba; iqis li l-każ attwali se jservi ta' preċedent għall-użu futur tal-klawsola ta' difiża reċiproka u se jservi wkoll għat-tisħiħ tas-sigurtà u d-difiża Ewropea;

3.  Jinnota b'sodisfazzjon kbir li, wara li Franza invokat il-klawsola ta' difiża reċiproka, saru disponibbli kontribuzzjonijiet addizzjonali ta' riżorsi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jsostnu l-kontribuzzjonijiet tagħhom sakemm ikun meħtieġ; jilqa' r-rwol ta' Franza bħala katalist f'dan l-isforz komuni; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-UE jipprovdu u jsostnu l-appoġġ tagħhom kif meħtieġ;

4.  Iqis li l-invokazzjoni tal-klawsoli ta' difiża reċiproka u ta' solidarjetà skont it-Trattati hija l-ewwel u qabel kollox kwistjoni politika; jenfasizza l-fatt li, meta dawn il-klawsoli jiġu invokati, kemm il-Kunsill Ewropew u kif ukoll il-Parlament Ewropew huma l-post fejn isir id-dibattitu politiku;

5.  Jesprimi tħassib rigward il-fatt li l-immaniġġjar tal-għajnuna u tal-assistenza skont il-klawsola ta' difiża reċiproka fuq bażi bilaterali — bħal f'dan il-każ — mhux se jkun possibbli għall-Istati Membri kollha, u għalhekk jistieden lill-Kunsill Ewropew biex iżid l-impetus għall-iżvilupp ulterjuri tal-klawsola ta' difiża reċiproka u biex isaħħaħ ir-rwol tal-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE bħala faċilitaturi;

6.  Jistieden lill-Istati Membri biex jużaw il-potenzjal sħiħ tal-istituzzjonijiet Ewropej; jistieden mill-ġdid lill-VP/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiċċaraw il-mezzi u l-proċeduri rilevanti tal-Unjoni għal dak l-għan; jitlob proposti dwar arranġamenti prattiċi u linji gwida biex tiġi żgurata reazzjoni kollettiva u effikaċi f’każ li Stat Membru jinvoka l-klawsola ta’ difiża reċiproka;

7.  Jiddispjaċih, madankollu, li ma kienu disponibbli l-ebda analiżi u l-ebda linji gwida fuq l-attivazzjoni tal-klawsola ta’ difiża reċiproka, bir-riżultat li fil-każ attwali kienu meħtieġa miżuri ad hoc, ġestjoni ad-hoc u kooperazzjoni ad hoc;

8.  Jinnota li l-klawsola ta' solidarjetà fl-Artikolu 222 TFUE tagħmilha possibbli li l-mezzi rilevanti kollha tal-UE jkunu għad-dispożizzjoni ta' Franza u Stati Membri oħra direttament involuti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

9.  Huwa konvint li, abbażi tal-kapaċitajiet eżistenti fl-Istati Membri u fil-livell tal-Unjoni, l-UE teħtieġ kwartieri ġenerali ċivili-militari permanenti fil-livelli strateġiċi u operazzjonali, u li din l-istruttura għandha tingħata l-kompitu tal-ippjanar ta' kontinġenza strateġika u operazzjonali, inkluż fir-rigward tad-difiża kollettiva kif previst mill-Artikoli 42(7) u 42(2) TUE u l-applikazzjoni futura tagħhom b'kooperazzjoni mill-qrib mal-istrutturi rilevanti tan-NATO;

10.  Hu tal-fehma li l-attivazzjoni attwali tal-Artikolu 42(7) TUE għandha tkun il-katalist biex jiġi sfruttat il-potenzjal tad-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat relatati mas-sigurtà u d-difiża li għandhom ukoll jiġu applikati;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-President tal-Istati Uniti u lis-Segretarju tad-Difiża tal-Istati Uniti.