Proċedura : 2015/3034(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0045/2016

Testi mressqa :

B8-0045/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 21/01/2016 - 8.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 423kWORD 75k
13.1.2016
PE575.946v01-00
 
B8-0045/2016

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 42(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, (2015/3034(RSP))


Bodil Valero, Michèle Rivasi, Barbara Lochbihler, Heidi Hautala, Reinhard Bütikofer, Bart Staes, Indrek Tarand, Pascal Durand, Igor Šoltes, Davor Škrlec, Molly Scott Cato f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 42(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (2015/3034(RSP))  
B8-0045/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 42(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 222 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u d-definizzjoni tal-arranġamenti għall-implimentazzjoni mill-UE tal-klawsola ta' solidarjetà permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/415/UE u l-Arranġamenti Integrati tal-UE għal Rispons Politiku f'Sitwazzjonijiet ta' Kriżi (IPCR),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea Kontra t-Terroriżmu, il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ u linji gwida relatati,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Istrateġija Reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tal-ISIL/Da'esh, adottati fis-16 ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni li saret mill-President tar-Repubblika Franċiża quddiem il-Kungress Franċiż fis-16 ta' Novembru 2015 li tinvoka l-Artikolu 42(7) TFUE u timpenja lill-Ministru tad-Difiża Franċiż biex jibda konsultazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-artikolu;

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Ministri tad-Difiża tal-UE tas-17 ta' Novembru 2015 fejn il-Ministri esprimew l-appoġġ unanimu u sħiħ tagħhom għal Franza u li lesti li jipprovdu l-għajnuna u l-assistenza kollha meħtieġa,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mir-Rappreżentant Għoli fis-17 ta' Novembru 2015 fil-laqgħa tal-Ministri tad-Difiża tal-UE li enfasizzaw li din mhijiex operazzjoni tal-PSDK, iżda l-attivazzjoni ta' għajnuna u assistenza bilaterali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-13 ta' Novembru 2015 seħħew f'Pariġi għadd ta' attakki terroristiċi kkoordinati, li fihom mietu mill-inqas 130 persuna minn aktar minn 26 pajjiż u ndarbu 368 oħrajn;

B.  billi l-attakki reċenti minn terroristi Islamiċi fl-Istati Membri tal-UE, inkluż f'Pariġi (Charlie Hebdo, Hyper Casher, 13 ta' Novembru 2015), Kopenħagen (Sinagoga, ċentru kulturali) u Brussell (Mużew Lhudi), saru prinċipalment minn ċittadini tal-UE li kienu twieldu u għexu fi Stati Membri tal-UE;

C.  billi waqt laqgħa informali dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu fit-30 ta' Jannar 2015 f'Riga, il-Ministri tal-Intern tal-UE qablu li jsaħħu l-kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-pulizija u tas-sigurtà, li jtejbu l-iskambju ta' informazzjoni dwar individwi perikolużi, u li jieħdu azzjoni konġunta kontra t-tixrid ta' armi tan-nar illegali u l-finanzjament tat-terroriżmu;

D.  billi jidher li qabel l-attakki ta' Pariġi tat-13 ta' Novembru 2015 diversi servizzi tal-pulizija nazzjonali u tal-intelliġence fl-UE naqsu milli jikkooperaw u jikkoordinaw b'mod xieraq;

E.  billi fis-16 ta' Novembru 2015 il-President Franċiż iddeċieda li jagħżel rispons militari għall-attakki ta' Pariġi billi invoka l-Artikolu 42(7) TUE;

F.  billi, bħala konsegwenza, il-Ministru Franċiż tad-Difiża u l-ambaxxati Franċiża rilevanti żiedu b'mod sinifikanti l-kuntatti bilaterali ma' xi Stati Membri tal-UE bħar-Renju Unit, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja u n-Netherlands sabiex ifittxu appoġġ militari u sostituzzjonijiet fis-Sirja, l-Iraq u r-reġjun tas-Saħel;

G.  billi kien rappurtat li r-Rappreżentant Għoli u s-SEAE ma kienux involuti fl-ebda attività marbuta mal-attivazzjoni tal-Artikolu 42(7) TUE u lanqas ma ġew ikkonsultati s'issa korpi speċjalizzati u gruppi ta' ħidma tal-UE bħall-Kumitat Militari;

H.  billi l-UE adottat strateġija kontra t-terroriżmu li tiddependi kemm fuq strumenti Komunitarji kif ukoll fuq assi intergovernattivi fil-qasam tal-PESK; billi din l-istrateġija tipproponi li l-azzjonijiet tal-UE jkunu organizzati madwar erba' objettivi, jiġifieri il-prevenzjoni, il-protezzjoni, l-insegwiment u r-rispons;

I.  billi r-rispons tal-UE għat-terroriżmu jinkludi l-promozzjoni tad-demokrazija, tad-djalogu u tal-governanza tajba sabiex jiġu indirizzati l-kawżi primarji tal-estremiżmu vjolenti; billi l-approċċ tal-UE jista' jiġi kkaratterizzat bħala approċċ ta' ġustizzja kriminali;

J.  billi l-Artikolu 222 tat-TFUE huwa ddisinjat speċifikament biex jagħti bidu għal azzjoni tal-UE kkoordinata tajjeb bi tweġiba għal attakk terroristiku, b'attenzjoni speċjali fuq il-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-protezzjoni ċivili, filwaqt li jagħmel użu minn bosta strumenti u fondi Komunitarji;

1.  Jinsab ferm ixxukkjat min-natura brutali u krudili tal-attakki terroristiċi tat-13 ta' Novembru 2015 f'Pariġi;

2.  Jesprimi s-simpatija profonda u l-kondoljanzi tiegħu lill-familji u l-ħbieb tal-vittmi tal-attakki kollha minn terroristi Islamiċi fl-Istati Membri tal-UE; jesprimi b'mod qawwi s-solidarjetà tiegħu lill-poplu ta' Pariġi u tan-nazzjon Franċiż kollu;

3.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki terroristiċi tat-13 ta' Novembru 2015 f'Pariġi u jistieden lill-Ewropej kollha biex iwieġbu b'aktar demokrazija, trasparenza, libertà u rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

4.  Jappella għal rispons tassew Ewropew għal attakki terroristiċi; jemmen li, bħala konsegwenza ta' dan, jeħtieġ ikun hemm aktar kooperazzjoni Ewropea fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jużaw l-għadd ta' strateġiji, linji gwida, strumenti, fondi u proċeduri li diġà jeżistu biex iressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja u biex jimpedixxu aktar attakki terroristiċi;

5.  Ifakkar li l-maġġoranza ta' dawk involuti f'attakki mit-terroristi Iżlamiċi fl-Istati Membri tal-UE huma rrappurtati li kienu, jew huma, ċittadini tal-UE u li twieldu u għexu fl-UE;

6.  Jitlob biex jiżdiedu l-isforzi fil-qasam ta' d-deradikalizzazzjoni, iżda wkoll għall-monitoraġġ ta' dawk li huma meqjusa bħala perikolużi u huma lesti li jużaw il-forza jew jirreklutaw oħrajn għal finijiet terroristiċi;

7.  Jemmen bis-sħiħ li l-Istati Membri tal-UE għandhom iwieġbu għat-terroriżmu billi jikkonformaw għalkollox mal-Karta tan-NU, id-dritt internazzjonali, id-dritt umanitarja internazzjonali, id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-Karta Ewropea tad-drittijiet fundamentali u l-valuri u l-prinċipji minquxa fil-kostituzzjonijiet nazzjonali tagħhom;

8.  Jinnota bi tħassib in-natura purament militari tar-rispons wara l-attivazzjoni tal-Artikolu 42(7); għandu dubji dwar in-natura bilaterali b'saħħitha ħafna tal-approċċ attwali li jdgħajjef l-istituzzjonijiet, l-istrumenti, il-prinċipji u l-valuri komuni tal-UE;

9.  Jinsab ferm konvint li ħafna gruppi estremisti u atturi fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq, inkluż l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku, jista' biss jingħeleb jew jiddgħajjef b‘mod sinifikanti permezz ta' impenn b'saħħtu u koordinat ħafna mill-UE u l-Istati Membri tagħha fit-tfittxija ta' soluzzjoni politika għall-kunflitt fis-Sirja, l-Iraq, il-Jemen, il-Libja u bejn l-Arabja Sawdija u l-Iran; jistieden lir-Rappreżentant Għoli Mogherini u lill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE biex isaħħu l-isforzi diplomatiċi tagħhom f'dan ir-rigward;

10.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex b'mod urġenti jiżviluppaw u jadottaw qafas ta' politika li jkun ta' gwida għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 42(7) TUE u li jkun fih skadenza, klawsola ta' reviżjoni u mekkaniżmi ta' monitoraġġ; jinsab ferm konvint li l-azzjonijiet nazzjonali, bilaterali jew multilaterali kollha wara l-attivazzjoni tal-Artikolu 42(7) għandhom jiġu notifikati lill-Kunsill u jiġu ppubblikati fl-istess ħin;

11.  Ifakkar li l-Artikolu 42(7) ma jistax jobbliga lil ebda Stat Membru tal-UE biex jintervjeni militarment f'pajjiż terz;

12.  Jinsisti dwar approċċ komprensiv fir-rigward tad-deradikalizzazzjoni, il-prevenzjoni ta' estremiżmu vjolenti u miżuri kontra t-terroriżmu li jiffoka fuq it-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali, il-prevenzjoni tal-kriminalità, attivitajiet immirati tal-pulizija u ta' sigurtà bbażati fuq suspett individwali jew theddid speċifiku determinat minn persuni mhux minn magni; jenfasizza, madankollu, il-bżonn li r-regoli dwar l-akkwist u l-pussess ta' armi, ir-regoli dwar l-esportazzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta' armi jkunu aktar stretti;

13.  Jippromwovi l-użu futur tal-klawsola ta' solidarjetà tal-Artikolu 222 TFUE minflok il-klawsola ta' assistenza reċiproka tal-Artikolu 42(7), peress li l-Artikolu 222 TFUE huwa ddisinjat speċifikament biex jikkumbatti theddidiet terroristiċi fl-Ewropa u jindirizza livelli baxxi ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn l-aġenziji nazzjonali tal-infurzar tal-liġi fl-Ewropa; ifakkar li l-Artikolu 222 TFUE ma jistax jibda aktar azzjonijiet militari minn dawk diġà mibdija mill-missjonijiet tan-NU u tal-UE; jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex iżidu l-kontribuzzjonijiet għal missjonijiet tan-NU u tal-UE, speċjalment f'Mali u r-Repubblika Ċentru-Afrikana bil-ħsieb li possibilment tonqos il-kontribuzzjoni Franċiża;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza