Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0050/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0050/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-UNHRC fl-2016

14.1.2016 - (2015/3035(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Andrzej Grzyb, Cristian Dan Preda, Therese Comodini Cachia, Mariya Gabriel, László Tőkés, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Davor Ivo Stier, Bogdan Brunon Wenta, Fernando Ruas, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Theodoros Zagorakis, Ramón Luis Valcárcel Siso f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0050/2016

Proċedura : 2015/3035(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0050/2016
Testi mressqa :
B8-0050/2016
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B8-0050/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-UNHRC fl-2016

(2015/3035(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-UNHRC,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi riżoluzzjonijiet dwar dibattiti fuq każi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tal-prinċipji tad-demokrazija u tal-Istat tad-dritt (Artikolu 135 tar-Regoli ta' Proċedura),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 Rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja fl-2014 u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni[1],

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-2015 tal-UNHRC lill-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-2015 u l-2016 huma snin ta' anniversarji importanti f'dik li hi t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, tal-paċi u tas-sigurtà: is-70 anniversarju mit-twaqqif tan-Nazzjonijiet Uniti, il-50 anniversarju tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR), it-30 u l-20 anniversarju tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Dritt għall-Iżvilupp (1986) u tad-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Pjattaforma għal Azzjoni (1995) rispettivament u l-15-il anniversarju tar-riżoluzzjoni storika tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà (2000) u tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (2000);

B.  billi s-sostenn favur ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem indipendentement mir-razza, mill-oriġini, mir-reliġjon, mis-sess jew mill-kulur hija obbligu għall-Istati kollha, billi jtenni l-impenn tiegħu favur l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem (sew jekk ċiviċi, politiċi, ekonomiċi, soċjali jew kulturali), li huma interrelatati u interdipendenti u billi t-tiċħid ta' kwalunkwe wieħed minn tali drittijiet għandu impatt fuq l-oħrajn; billi l-Istati kollha għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet bażiċi tal-popolazzjonijiet rispettivi tagħhom u dmir li jieħdu azzjoni konkreta biex jiffaċilitaw ir-rispett ta' dawn id-drittijiet fil-livell nazzjonali, u biex jikkooperaw f'livell internazzjonali bil-għan li jiġu eliminati l-ostakli għar-realizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-ambiti kollha;

C.  billi r-rispett, il-promozzjoni u s-salvagwardja, tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem jagħmlu parti mill-acquis etiku u ġuridiku tal-Unjoni Ewropea u huma wieħed mill-elementi ewlenin tal-għaqda u tal-integrità Ewropea;

D.  billi l-azzjoni tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi hija mmexxija mill-Artikolu 21 tat-Trattat ta' Lisbona, li jafferma mill-ġdid l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u jipprevedi r-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali;

E.  billi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem għandu jkun integrat fil-politiki kollha li jinvolvu l-paċi u s-sigurtà, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-kummerċ u l-investimenti, l-azzjoni umanitarja, it-tibdil fil-klima u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, peress li dawn it-temi ma jistgħux jiġu affrontati separatament mir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

F.  billi l-Istati Membri tan-NU adottaw u impenjaw ruħhom mal-Aġenda 2030 li tipprevedi dinja ta' rispett universali tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dinjità umana, tal-Istat tad-dritt, ta' ġustizzja, ta' ugwaljanza u ta' nondiskriminazzjoni;

G.  billi s-sessjonijiet regolari tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC), il-ħatra ta' Rapporteurs Speċjali, il-mekkaniżmu ta' Eżami Perjodiku Universali (EPU) u l-Proċedura Speċjali li tittratta sitwazzjonijiet speċifiċi għal pajjiż jew kwistjonijiet tematiċi lkoll jikkontribwixxu għall-promozzjoni u għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-Istat tad-dritt;

H.  billi wħud mill-membri attwali tal-UNHRC għandhom sitwazzjoni dubjuża fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, anki f'termini ta' kooperazzjoni mal-Proċeduri Speċjali tan-NU u l-konformità mar-rekwiżiti ta' rapportar fil-konfront tal-korpi mwaqqfa mit-trattat tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem;

Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU

1.  Jilqa' pożittivament il-ħatra tal-Ambaxxatur Choi Kyong-lim bħala President tal-UNHRC għall-2016;

2.  Jilqa' pożittivament ir-rapport annwali tal-UNHRC lill-Assemblea Ġenerali tan-NU li jkopri t-28, id-29 u t-30 sessjoni;

3.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-membri tal-UNHRC għandhom ikunu eletti minn fost l-Istati li jsostnu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-Istat tad-dritt u tad-demokrazija, u jfakkar lill-Istati Membri tan-NU jippromwovu, fost affarijiet oħra, kriterji bbażati fuq ir-riżultati fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem għal kwalunkwe Stat li jiġi elett bħala membru tal-UNHRC; jappella għall-iżvilupp ta' proċeduri vinkolanti biex jivverifikaw il-konformità mal-kriterji għall-adeżjoni mal-UNHRC; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'ċerti Stati Membri tal-UNHRC li għadhom kif ġew eletti u jisħaq fuq l-importanza tad-difiża tal-indipendenza tal-UNHRC biex jiġi żgurat li jkun jista' jkompli jaqdi l-mandat tiegħu b'mod effikaċi u imparzjali;

4.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Proċeduri Speċjali u għall-istatus indipendenti tad-detenturi tal-mandat, li jippermettilhom li jaqdu l-funzjoni tagħhom b'imparzjalità sħiħa u jistieden lill-Istati kollha jikkooperaw ma' dawn il-proċeduri;

5.  Jerġa' jafferma l-importanza tal-universalità tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU), bil-għan li jintlaħaq fehim sħiħ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Istati Membri kollha tan-NU u jtenni l-appoġġ tiegħu għat-tieni ċiklu ta' eżami, li jikkonċentra fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet aċċettati matul l-ewwel ċiklu; jerġa' jagħmel, madankollu, appell biex ir-rakkomandazzjonijiet li ma ġewx aċċettati mill-Istati matul l-ewwel ċiklu jerġgħu jiġu kkunsidrati fit-tkomplija tal-proċess tal-EPU;

6.  Jisħaq fuq il-bżonn li jiġi żgurat li firxa wiesgħa ta' partijiet interessati, u partikolarment is-soċjetà ċivili, tipparteċipa b'mod sħiħ fil-proċess EPU u tiġi evitata kull limitazzjoni f'dan ir-rigward;

7.  Jistieden lill-UE u lill-Kummissjoni jagħtu segwitu lir-rakkomandazzjonijiet tal-EPU fid-djalogi politiċi tal-UE mal-pajjiżi kkonċernati bil-għan li jiġu eżaminati modi ġodda ta' implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet permezz ta' strateġiji nazzjonali u reġjonali;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-Inizjattiva għall-Bidla mnedija mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, li hi maħsuba biex ittejjeb u ssaħħaħ il-preżenza globali tal-uffiċċji inkarigati mid-drittijiet tal-bniedem tan-NU bil-ħolqien ta' tmien ċentri reġjonali biex jissorveljaw u jippromwovu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem b'kollaborazzjoni diretta mas-sħab bil-għan li r-rakkomandazzjonijiet dwar il-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem jissarrfu f'bidliet reali fil-post;

Drittijiet ċivili u politiċi

9.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-reviżjonijiet kostituzzjonali li għamlu ċerti pajjiżi, immirati biex ibiddlu l-limitu ffissat fuq il-mandat presidenzjali, kwistjoni li f'ċerti każi ġġenerat vjolenza marbuta mal-elezzjonijiet; jerġa' jafferma li r-rispett tad-drittijiet ċivili u politiċi, fosthom il-libertà ta' espressjoni individwali u kollettiva, u l-libertà tal-għaqda u assoċjazzjoni, jikkostitwixxu l-indikaturi ta' soċjetà demokratika, tolleranti u pluralista;

10.  Itenni li l-elezzjonijiet ħielsa u veri li jsiru perjodikament fuq il-bażi ta' vot universali u ndaqs huma dritt fundamentali li kull ċittadin għandu jgawdi minnu b'konformità mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (Artikolu 21(3)) u mal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (Artikolu 25); jerġa' jafferma l-eżistenza tal-libertà ta' espressjoni u kuntest vibranti favorevoli għal soċjetà ċivili indipendenti u pluralista huma rekwiżiti preliminari għall-promozzjoni tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

11.  Ifakkar li l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon u tat-twemmin hija dritt fundamentali tal-bniedem, kif rikonoxxut fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u garantita mill-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li xi pajjiżi għadhom mhumiex konformi mal-istandards tan-NU u jużaw ir-repressjoni statali, li tista' tinkludi pieni fiżiċi, żmien ta' priġunerija, multi enormi u saħansitra anke l-piena tal-mewt, u dan bi ksur tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin; jinsab imħasseb dwar iż-żieda fil-persekuzzjoni fil-konfront tal-minoranzi reliġjużi jew ta' twemmin, inklużi komunitajiet Kristjani, kif ukoll il-ħsara illegali li qed issir fil-postijiet fejn dawn jinġabru; isostni r-rapport tar-Rapporteur Sepċjali tan-NU għal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin dwar il-vjolenza li ssir "f'isem ir-reliġjon"; jistieden lill-UE timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar l-inizjattivi ta' djalogu interreliġjuż;

12.  Jilqa' favorevolment l-impenn tal-UE li tippromwovi l-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin fil-fora internazzjonali, anke billi tappoġġa l-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU għal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin; isostni totalment il-prattika tal-UE li tassumi rwol ta' tmexxija fil-UNHRC u fl-UNGA f'riżoluzzjonijiet tematiċi f'dan il-qasam; jitlob azzjoni u miżuri konkreti favur l-implimentazzjoni effikaċi u t-titjib tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tar-reliġjon jew tat-twemmin; iqis li għandha tittieħed azzjoni kemm fil-fora internazzjonali kif ukoll f'dawk reġjonali billi jinżamm djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet u mal-komunitajiet reliġjużi, kif stabbilit fl-Artikolu 17 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

13.  Jikkundanna l-vessazzjonijiet kontinwi u d-detenzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-membri tal-oppożizzjoni min-naħa tal-forzi tal-gvern f'għadd ta' pajjiżi terzi; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-leġiżlazzjoni inġusta u ristrettiva, inklużi restrizzjonijiet fuq il-finanzjamenti barranin, li qed jirriżultaw fi spazju dejjem aktar limitat għas-soċjetà ċivili; jistieden lill-gvernijiet kollha jippromwovu u jsostnu l-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-attivitajiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jippermettulhom joperaw mingħajr biża', repressjoni jew intimidazzjoni;

14.  Itenni l-oppożizzjoni li ilu jħaddan kontra l-piena tal-mewt, it-tortura u it-trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti fil-każi kollha u f'kull ċirkostanza; jenfasizza għal darb'oħra li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-dinjità umana u jerġa' jafferma l-impenn tiegħu favur id-dritt ta' kull individwu għall-ħajja u għad-dinjità umana;

15.  Ifaħħar il-progress sostanzjali li sar s'issa, billi bosta pajjiżi ssospendew il-piena kapitali filwaqt li oħrajn adottaw miżuri leġiżlattivi fit-triq tal-abolizzjoni tal-piena tal-mewt; jesprimi, madankollu, id-dispjaċir tiegħu dwar l-istituzzjoni mill-ġdid tal-eżekuzzjonijiet f'ċerti pajjiżi matul dawn l-aħħar ftit snin; jagħmel appell lil dawk l-Istati li abolixxew il-piena tal-mewt, jew li għandhom moratorju għal żmien twil fir-rigward tagħha, biex jonoraw l-impenji tagħhom;

16.  Huwa tal-fehma li t-teknoloġiji diġitali kontemporanji jippreżentaw vantaġġi u sfidi għall-protezzjoni tad-dritt għall-privatezza, għall-eżerċizzju tal-libertà ta' espressjoni online fid-dinja kollha u għas-sigurtà, inkwantu t-teknoloġiji diġitali kontemporanji spiss huma mezzi ta' propaganda estremista u terroristika kif ukoll kanali ta' reklutaġġ; jilqa' pożittivament, f'dan il-kuntest, il-ħatra tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Dritt għall-Privatezza fl-Era Diġitali, li fil-mandat tiegħu hemm inkluż il-kwistjonijiet ta' sorveljanza u privatezza li jolqtu l-persuni online jew offline;

Drittijiet soċjali u ekonomiċi

17.  Jirrikonoxxi l-isforzi tal-UNHRC biex id-drittijiet tal-bniedem kollha jitpoġġew fuq livell indaqs, bl-istess enfasi, bis-saħħa tan-nomina tad-detenturi tal-mandat tal-Proċeduri Speċjali fir-rigward tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali;

18.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar iż-żieda fil-faqar estrem, li tipperikola t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem kollha; jilqa' f'dan ir-rigward, ir-rapport tar-Rapporteur Speċjali tal-UNHRC dwar il-faqar estrem u d-drittijiet tal-bniedem (A/HRC/29/31) u jappoġġa l-proposti tiegħu għall-eliminazzjoni tal-faqar estrem; iqis li hu importanti li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi li qed jiżdiedu sabiex jiġi miġġieled il-faqar b'mod ġenerali u biex jiġu promossi d-drittijiet soċjali u ekonomiċi billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ikel, l-ilma, l-edukazzjoni, l-assistenza fil-qasam tas-saħħa u l-akkomodazzjoni;

19.  Huwa tal-fehma li l-korruzzjoni, l-evażjoni tat-taxxa, il-ġestjoni ħażina tal-beni pubbliċi u n-nuqqas ta' responsabbiltà huma lkoll theddid għat-tgawdija b'mod ugwali tad-drittijiet tal-bniedem u jdgħajfu l-proċessi demokratiċi bħall-Istat tad-dritt u l-amministrazzjoni imparzjali tal-ġustizzja; iqis li l-azzjoni maħsuba biex tiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment id-drittijiet għall-informazzjoni, għal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda, għal ġudikatura indipendenti u għal parteċipazzjoni demokratika fl-affarijiet pubbliċi, hija strumentali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

Negozju u drittijiet tal-bniedem

20.  Isostni l-implimentazzjoni effikaċi u komprensiva tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll barra minnha, anke bis-saħħa tal-iżvilupp tal-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali; jenfasizza l-bżonn li jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jimtlew il-lakuni tal-implimentazzjoni effikaċi tal-Prinċipji Gwida tan-NU, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja u r-rimedji;

21.  Jistieden lin-NU u lill-UE jittrattaw il-kwistjoni tad-difensuri tad-drittijiet għall-art, li huma vittmi ta' rappreżalji, anke fil-forma ta' theddid, vessazzjonijiet, arresti arbitrarji, assalti u omiċidji; jagħmell appell biex, fil-proġetti tagħhom fl-ambitu tad-drittijiet tal-bniedem, il-mekkaniżmi tan-NU u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija jinkludu lid-difensuri tad-drittijiet għall-art;

22.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem biex isaħħaħ il-Proġett għar-Responsabbiltà u r-Rimedji bil-għan li jagħti kontribut lil sistena ġusta u aktar effikaċi tar-rimedji fid-dritt nazzjonali, partikolarment f'każi ta' abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem fis-settur tan-negozju; jistieden lill-gvernijiet kollha jaqdu dmirijiethom biex jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi li jħabbtu wiċċhom ma' sfidi ta' natura prattika u ġuridika fl-aċċess għar-rimedji fil-livelli nazzjonali u internazzjonali;

23.  Josserva li f'Lulju 2015 iltaqa' għall-ewwel darba l-grupp ta' ħidma intergovernattiv miftuħ dwar l-elaborazzjoni ta' strument internazzjonali ġuridikament vinkolanti dwar il-kumpaniji transnazzjonali u impriżi oħrajn fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, stabbilit b'riżoluzzjoni tal-UNHRC tas-26 ta' Ġunju 2014; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jsegwu d-dibattitu dwar l-istrument internazzjonali msemmi hawn fuq;

Migrazzjoni

24.  Huwa allarmat bl-aktar kriżi migratorja gravi mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn, li nħolqot mill-għadd dejjem akbar ta' individwi mġiegħla jħallu djarhom bħala konsegwenza tal-persekuzzjoni, tal-kunflitt armat u tal-vjolenza ġeneralizzata, u li qegħdin ifittxu protezzjoni u ħajja aħjar u jissograw ħajjithom huma u jibdew vjaġġi perikolużi;

25.  Jistieden lill-pajjiżi kollha jadottaw approċċ li jibbaża fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-konfront tal-migrazzjoni, billi jagħtu attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tal-gruppi ta' migranti emarġinati u żvantaġġati, bħan-nisa u t-tfal; jistieden lill-Istati kollha jindirizzaw il-vjolenza relatata mal-ġeneru kontra n-nisa u l-bniet, u jisħaq fuq l-importanza li l-politika tal-migrazzjoni titfassal minn prospettiva tal-ġeneru bil-għan li tirrispondi għall-ħtiġijiet partikolari tagħhom;

26.  Jissottolinja li l-kriżi migratorja attwali mingħajr preċedent hija responsabbiltà internazzjonali kemm għal dawk li huma l-kawżi kif ukoll il-mezzi neċessarji biex jinstab tarfha; jistieden lill-Istati Membri kollha tan-NU jkunu involuti u jagħtu l-kontribut tagħhom fl-għoti ta' tweġibiet kemm lill-oriġini kif ukoll lill-effetti tal-kriżi migratorja; ifakkar li l-Istati kollha għandhom l-obbligu li jirrispettaw u jipproteġu lid-drittijiet tal-bniedem ta' kull individwu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, indipendentement min-nazzjonalità jew mill-oriġini ta' tali individwi; ifakkar li l-ftehimiet kollha dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni u ta' riammissjoni ma' Stati mhux tal-UE jkunu konformi mad-dritt internazzjonali;

27.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-appoġġ tagħhom għall-ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin permezz tal-politiki esterni, b'enfasi partikolari fuq il-protezzjoni tal-vittmi, speċjalment il-minorenni; iqis li l-UE għandha ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mal-pajjiżi terzi u mal-atturi rilevanti l-oħra sabiex ikun hemm skambju ta' prattiki tajba u jingħata kontribut sabiex jiżżarmaw ix-xbieki tat-traffikar internazzjonali; jilqa' pożittivament ir-rapport tat-3 ta' Awwissu 2015 tar-Rapporteur Speċjali għat-traffikar ta' persuni, speċjalment nisa u tfal;

28.  Jistieden lill-komunità internazzjonali tieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex tipprevjeni kull pressjoni migratorja ulterjuri billi ssaħħaħ u timmodernizza lill-aġenziji kompetenti, bħalma huma l-UNHCR u l-Frontex;

Tibdil fil-klima u drittijiet tal-bniedem

29.  Jilqa' l-Ftehim ta' Pariġi taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li jkopri l-adattament, il-mitigazzjoni, l-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija, u l-bini tal-kapaċità; jistieden lill-partijiet firmatarji kollha jonoraw l-impenji tagħhom;

30.  Ifakkar li l-impatt negattiv tat-tibdil fil-klima jirrappreżenta theddida globali immedjata u potenzjalment irreversibbli għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem, u li l-impatt tiegħu fuq il-gruppi vulnerabbli, li s-sitwazzjoni tad-drittijiet tagħhom diġà hija prekarja, huwa konsiderevoli; jinnota bi tħassib li inċidenti relatati mal-klima bħaż-żieda fil-livelli tal-baħar u tibdil estrem fil-klima li jipprovokaw nixfiet u għargħar huma mistennija jwasslu għal aktar telf ta' ħajja, spostament ta' popolazzjonijiet, u skarsezzi ta' ikel u ilma;

Drittijiet tan-nisa

31.  Jilqa' r-riżoluzzjoni reċenti 2242 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, li tagħmel lin-nisa l-komponent ċentrali fl-isforzi kollha biex jiġu indirizzati l-isfidi globali, inklużi ż-żieda tal-estremiżmu vjolenti, it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, l-iżvilupp sostenibbli, il-paċi u s-sigurtà; ifaħħar il-konklużjonijiet tal-Istudju Globali tan-NU dwar l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, li enfasizzaw l-importanza tat-tmexxija u l-parteċipazzjoni tan-nisa fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u l-bini tal-paċi u li l-involviment tagħhom tejjeb l-assistenza umanitarja, saħħaħ l-isforzi tal-forzi taż-żamma tal-paċi, rawwem il-konklużjoni tat-taħditiet ta' paċi u għen biex jiġi miġġieled l-estremiżmu vjolenti;

32.  Jesprimi l-kosternazzjoni tiegħu dwar il-fatt li, minn mindu nibtu l-gruppi estremisti vjolenti bħal Daesh fis-Sirja u fl-Iraq u Boko Haram fl-Afrika tal-Punent, il-vjolenza kontra n-nisa kisbet dimensjoni ġdida, peress li l-vjolenza sesswali saret parti integrali tal-objettivi, tal-ideoloġija u tal-għajn għal dħul finanzjarju ta' tali gruppi estremisti, u b'hekk il-komunità internazzjonali hija ppreżentata bi sfida kruċjali ġdida; jistieden lill-gvernijiet kollha u lill-istituzzjonijiet tan-NU jintensifikaw l-impatt tagħhom lejn il-ġlieda kontra dawn id-delitti u jerġgħu jġibu d-dinjità tan-nisa bil-għan li ssir ġustizzja, jingħataw riparazzjoni u sostenn;

33.  Jisħaq fuq l-importanza tal-garanzija tal-awtonomija tan-nisa billi jiġu indirizzati l-inugwaljanzi sottostanti bejn in-nisa u l-irġiel li jagħmlu lin-nisa u lill-bniet vulnerabbli fiż-żminijiet ta' kunflitt, u jistieden lin-NU u lill-Istati Membri tagħhom jieħdu miżuri konkreti biex jiżguraw l-awtonomija tan-nisa u l-inklużjoni sinifikattiva tagħhom fil-prevenzjoni u fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, fin-negozjati dwar il-paċi u fil-proċess tal-bini tal-paċi billi tiżdied ir-rappreżentanza tagħhom fil-livelli deċiżjonali kollha, fosthom fl-istituzzjonijiet u fil-mekkaniżmi nazzjonali, reġjonali u internazzjonali;

Drittijiet tat-tfal

34.  Ifakkar li l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata fl-1989 u hija t-trattat internazzjonali fl-ambitu tad-drittijiet tal-bniedem li l-aktar ġie ratifikat, jiddefinixxi numru ta' drittijiet tat-tfal, fosthom id-dritt għall-ħajja, għas-saħħa, għall-edukazzjoni u għal-logħob, kif ukoll id-dritt għall-ħajja fil-familja, jitħarsu mill-vjolenza u mid-diskriminazzjoni u li jinstemgħu fehmiethom; jistieden lill-firmatarji kollha ta' dan it-trattat jonoraw l-obbligi tagħhom;

35.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-istudju globali ppjanat li se jniedu n-NU bil-għan li jiġi mmappjat, permezz tal-monitoraġġ u tal-analiżi tal-evalwazzjoni, il-mod kif il-liġijiet u l-istandards internazzjonali jiġu implimentati fil-prattika u jiġu valutati l-possibbiltajiet konkreti għall-Istati biex itejbu l-politiki u r-reazzjonijiet tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati kollha jappoġġaw u jipparteċipaw b'mod attiv f'dan l-istudju;

Ġlieda kontra t-terroriżmu

36.  Jinnota b'mod pożittiv id-dokument ta' gwida dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu abbozzat mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u mill-Kummissjoni li għandu l-għan jiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni ta' proġetti ta' għajnuna fil-ġlieda kontra t-terroriżmu mal-pajjiżi terzi; ifakkar, f'dan il-kuntest, li r-rispett tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali jikkostitwixxi l-bażi għal politiki ta' suċċess kontra t-terroriżmu, inkluż l-użu ta' teknoloġiji ta' sorveljanza diġitali; jisħaq fuq il-bżonn ta' żvilupp ta' strateġiji effikaċi ta' komunikazzjoni – imfassla fuq it-teknoloġiji diġitali kontemporanji – għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-propaganda estremista u l-metodi ta' reklutaġġ; jappoġġa l-isforzi internazzjonali biex jitwaqqaf il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li qed isir mill-ISIS/Daesh;

Demokratizzazzjoni

37.  Jirrakkomanda li l-UE żżid l-isforzi tagħha biex tiżviluppa approċċ aktar komprensiv lejn il-proċessi ta' demokratizzazzjoni, fejn elezzjonijiet ħielsa u ġusti jikkostitwixxu biss dimensjoni waħda minnhom, biex b'hekk jingħata kontribut pożittiv għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi; iqis li l-kondiviżjoni tal-prattiki tajba tat-tranżizzjoni fil-qafas tal-politiki tat-tkabbir u tal-viċinat għandha tintuża biex issostni u tikkonsolida l-proċessi ta' demokratizzazzjoni l-oħrajn fid-dinja kollha;

Integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-UE

38.  Jitlob lill-UE tippromwovi l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, skont l-Artikolu 21 tat-Trattat ta' Lisbona u d-Dispożizzjonijiet Ġenerali dwar l-Azzjoni Esterna tal-Unjoni;

39.  Itenni l-appell tiegħu lill-UE biex tadotta approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u tintegra r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-kummerċ, fil-politiki tal-investimenti, fis-servizzi pubbliċi u fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp kif ukoll fil-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tagħha; jissottolinja wkoll il-fatt li l-politika tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE għandha tiżgura li l-politiki interni u esterni tagħha jkunu koerenti, konformement mal-obbligu stabbilit mit-Trattat dwar l-UE;

40.  Jenfasizza l-importanza li l-UE tagħti lill-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) 16 dwar il-paċi u l-ġustizzja tal-Aġenda 2030, li jmissu jkun il-prijorità tal-azzjoni esterna u interna kollha, speċjalment f'dawk li huma l-finanzjamenti tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

Pajjiżi taħt Eżami Perjodiku Universali (EPU)

Georgia

41.  Jilqa' favorevolment l-adeżjoni tal-Georgia mal-UNHRC u l-EPU reċenti dwar dan il-pajjiż; jieħu nota tar-riformi leġiżlattivi sinifikattivi li rriżultaw f'ċertu progress u titjib fis-settur tal-ġustizzja u tal-eżekuzzjoni tal-liġi, fl-uffiċċju tal-prosekutur, fil-ġlieda kontra t-trattament ħażin, fid-drittijiet tat-tfal u fil-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali kif ukoll tal-persuni spostati f'pajjiżhom (IDPs);

42.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Georgia jwaqqfu kull trattament ħażin, speċjalment fil-każ ta' arrest preventiv qabel is-smigħ tal-kawża u titjib tal-uffiċjali li ħadmu taħt il-gvern preċedenti, li jista' jitqies li jikkostitwixxi każi ta' ġustizzja selettiva; jesprimi tħassib kbir dwar l-istrumentalizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja għall-ġlieda kontra l-oppożituri politiċi; għadu mħasseb dwar il-libertà ta' espressjoni, il-pluralità tal-mezzi tal-komunikazzjoni u n-nuqqas ta' aċċess mill-persuni inkarigati mill-monitoraġġ fir-reġjun okkupat tal-Abkażja u tar-reġjun ta' Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar, fejn il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem għadu mifrux, u jistieden lill-Gvern tal-Georgia jieħu miżuri xierqa bil-għan li jiżgura li jingħata segwitu lir-rakkomandazzjonijiet li sarulu fil-proċess EPU;

Libanu

43.  Ifaħħar lil-Libanu għall-politika tal-fruntieri miftuħin u tal-akkoljenza li ilu jħaddan fir-rigward tar-rifuġjati mill-Palestina, mill-Iraq u mis-Sirja, jenfasizza li l-pajjiż għandu l-ogħla konċentrazzjoni per capita ta' rifuġjati fid-dinja, fejn persuna minn erbgħa tal-popolazzjoni hija rifuġjat, u jistieden lill-UE talloka aktar riżorsi u tikkollabora strettament mal-awtoritajiet Libaniżi biex tgħin lill-pajjiż iżomm il-protezzjoni tad-drittijiet tar-rifuġjati u ta' min ifittex l-asil; jinsab imħasseb, f'dan il-kuntest, dwar in-numru sinifikanti, skont ir-rapporti, ta' każi ta' żwiġijiet bejn minuri jew furzati fost ir-rifuġjati Sirjani; jinkoraġġixxi lill-Gvern Libaniż jikkunsidra riforma tal-liġi li tirregola d-dħul, is-soġġorn u l-ħruġ mil-Libanu;

44.  Isostni r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) li jappellaw għal miżuri ta' sensibilizzazzjoni fost il-ħaddiema domestiċi migranti nisa bi drittijiethom fl-ambitu tal-Konvenzjoni CEDAW, li tagħha l-Libanu huwa Stat parti; jenfasizza, b'mod partikolari, il-bżonn li tiġi abolita s-"sistema Kafala" u jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja min-naħa tal-ħaddiema domestiċi migranti nisa, anki billi jiġu garantiti s-sikurezza u r-residenza tagħhom matul il-proċeduri ġuridiċi u amministrattivi relatati mal-istatus tagħhom;

Mauritania

45.  Jisħaq fuq il-fatt li, filwaqt li sar progress min-naħa tal-Gvern tal-Mauritania fit-teħid ta' miżuri leġiżlattivi mmirati lejn il-ġlieda kontra kull forma ta' skjavitù u prattiki li jixbhuha, in-nuqqas ta' implimentazzjoni effikaċi qiegħed jikkontribwixxi għall-persistenza ta' tali prattiki; jistieden lill-awtoritajiet jippromulgaw liġi kontra l-iskjavitù, jagħtu bidu, fuq skala nazzjonali, għall-ġbir sistematiku u regolari tad-data diżaggregata dwar kull forma ta' skjavitù u jwettqu studju bir-reqqa, ibbażat fuq provi, dwar l-istorja u n-natura tal-iskjavitù bil-għan li din il-prattika tinqered;

46.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Mauritania jippermettu l-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda, bi qbil mal-konvenzjonijiet internazzjonali u mad-dritt intern tal-Mauritania; jappella wkoll għall-ħelsien ta' Biram Dah Abeid, Bilal Ramdane u Djiby Sow ħalli jkunu jistgħu jkomplu l-kampanja tagħhom ta' nonvjolenza kontra t-tkomplija tal-iskjavitù mingħajr biża' ta' vessazzjonijiet jew intimidazzioni;

Myanmar

47.  Jilqa' l-fatt li saru elezzjonijiet kompetittivi fit-8 ta' Novembru 2015, pass importanti fit-tranżizzjoni demokratika tal-pajjiż; jieħu nota pożittiva tal-impenn min-naħa tal-eletturi tal-Myanmar favur it-tkomplija tad-demokratizzazzjoni tal-pajjiż; jibqa' mħasseb, madankollu, bil-qafas kostituzzjonali għal dawn l-elezzjonijiet, skont liema 25 % tas-siġġijiet fil-parlament huma riservati għall-militari; jirrikonoxxi l-progress li sar s'issa fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jidentifika għadd ta' oqsma li fadal ta' tħassib kbir, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi u l-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda paċifika; jappoġġa lill-Myanmar fit-tranżizzjoni politika li għaddej minnha lejn id-demokrazija, il-paċi, l-istabbiltà u l-iżvilupp ekonomiku;

48.  Jikkundanna d-diskriminazzjoni kontra r-Rohingya, li hija mħarrxa mill-fatt li din il-komunità m'għandhiex status ġuridiku, u miż-żieda fid-diskors ta' mibegħda kontra min mhuwiex Buddist; jitlob li jsiru investigazzjonijiet sħaħ, trasparenti u indipendenti dwar ir-rapporti kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra r-Rohingya u huwa mħasseb dwar l-erba' liġijiet adottati mill-parlament fl-2015 bl-għan tal-"protezzjoni tar-razza u r-reliġjon", billi jistgħu jwasslu għal diskriminazzjoni fir-rigward tal-ġeneru; itenni t-talba tiegħu biex l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) jitħalla jistabbilixxi uffiċċju fil-pajjiż; jinsisti fuq il-ħtieġa li ssir valutazzjoni tal-impatt tas-sostenibbiltà sħiħa qabel ma jiġu ffinalizzati n-negozjati dwar il-ftehim ta' investiment UE-Myanmar;

Nepal

49.  Jilqa' d-dħul fis-seħħ fl-20 ta' Settembru 2015 tal-kostituzzjoni l-ġdida tan-Nepal, li għandha tqiegħed il-pedament għall-istabbiltà politika u l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż fil-futur; jittama li t-tħassib li fadal dwar ir-rappreżentanza politika tal-minoranzi, inklużi d-Dalits, u l-liġijiet dwar iċ-ċittadinanza jiġi indirizzat fil-futur qrib;

50.  Jiddispjaċih għan-nuqqas mifrux ta' responsabbiltà għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem kommessi miż-żewġ naħat matul il-gwerra ċivili minkejja l-adozzjoni, f'Mejju 2014, tal-Att dwar il-Verità, ir-Rikonċiljazzjoni u l-Għajbien; iħeġġeġ lill-Gvern tan-Nepal jaderixxi għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat; jikkundanna l-limitazzjonijiet li tqiegħdu fuq il-libertajiet fundamentali tar-rifuġjati Tibetani; iħeġġeġ lill-Indja tneħħi l-imblokk mhux uffiċjali tagħha fuq l-ekonomija tan-Nepal li, flimkien mat-terremot devastanti ta' April 2015, qed jikkawża kriżi umanitarja u jwassal biex madwar miljun Nepaliż ieħor jgħixu f'sitwazzjoni staġnata ta' faqar;

Oman

51.  Ifaħħar lill-Oman għall-istabbiliment tal-Kummissjoni Nazzjonali governattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (NHRC) u għall-istedina li ppermettiet iż-żjara bla preċedent tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Dritt għall-Għaqda Paċifika f'Settembru 2014; jesprimi t-tama li dawn il-passi kostruttivi jwasslu għal involviment aktar intensiv mill-Oman mar-rappreżentanti tan-NU għad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem;

52.  Iħeġġeġ lill-Oman jieħu l-passi meħtieġa biex itaffi dak li r-Rapporteur Speċjali tan-NU ddeskriva bħala sitwazzjoni mifruxa ta' biża' u intimidazzjoni fil-pajjiż, billi ddikjara li individwi kienu "jibżgħu jesprimu fehmiethom, jibżgħu jitkellmu bit-telefon u jibżgħu jiltaqgħu"; għadu mħasseb dwar, u jistieden lill-Gvern jikkunsidra mill-ġdid, f'dan il-kuntest, il-projbizzjoni tal-partiti politiċi kollha u l-liġi l-ġdida dwar iċ-ċittadinanza adottata f'Awwissu 2014, li tistabbilixxi li ċittadini li jissieħbu ma' gruppi meqjusa ta' ħsara għall-interessi nazzjonali jista' jkollhom iċ-ċittadinanza tagħhom revokata; jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE joffru assistenza teknika u legali biex jgħinu lill-Oman joħloq ambjent sikur u favorevoli għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

Rwanda

53.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Rwanda, inklużi r-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni, it-tiċkin tal-ispazju demokratiku għal partiti politiċi fl-oppożizzjoni u l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili indipendenti, u n-nuqqas ta' ambjent li jwassal għall-indipendenza tal-ġudikatura; jistieden lill-Gvern tar-Rwanda jiftaħ spazju demokratiku li fih l-oqsma kollha tas-soċjetà jistgħu joperaw liberament;

54.  Huwa mħasseb dwar il-bidla kostituzzjonali proposta bl-għan li l-President fil-kariga jkun jista' jikkontesta għat-tielet mandat; jistieden lill-Gvern tar-Rwanda jsostni l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza, li l-Artikolu 5 tagħha jirrikjedi li l-Istati partijiet jieħdu l-miżuri adegwati kollha biex jiżguraw id-dritt kostituzzjonali, b'mod partikolari t-trasferiment tas-setgħa kostituzzjonali, u l-Artikolu 23 tagħha li jgħid li kwalunkwe emenda tal-kostituzzjoni tikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ta' bidla demokratika tal-gvern;

Venezwela

55.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar s-sitwazzjoni terribbli tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż bħala riżultat tad-deterjorament tal-klima ekonomika, politika u soċjali f'dawn l-aħħar snin; itenni li l-libertà ta' espressjoni, ġudikatura indipendenti u l-Istat tad-dritt huma komponenti fundamentali ta' kwalunkwe soċjetà demokratika; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet Venezwelani jwaqqfu kull forma ta' restrizzjoni fuq il-libertà tal-istampa u d-dritt għall-informazzjoni, josservaw id-dritt internazzjonali f'kull proċedura ġudizzjarja u jeħilsu minnufih lill-priġunieri politiċi kollha; jilqa' b'sodisfazzjon ir-riżultat tal-elezzjonijiet tas-6 ta' Diċembru 2015 u l-formazzjoni tal-Assemblea Nazzjonali l-ġdida; jikkundanna kwalunkwe tentattiv intiż li jimmina l-osservanza totali tar-riżultat elettorali, bħas-sospensjoni ta' ċerti membri eletti demokratikament; jistieden lill-membri eletti jkunu involuti fi djalogu kostruttiv bil-għan li jiġu mvinċija l-isfidi ekonomiċi, politiċi, soċjali u ta' sigurtà li tħabbat wiċċha magħhom il-Venezwela;

Belarussja

56.  Jilqa' pożittivament il-ħelsien tal-priġunieri politiċi li kien għad fadal f'Awwissu 2015 u jistieden lill-Gvern tal-Belarussja jirriabilita lill-priġunieri politiċi meħlusin u jerġgħu jkollhom id-drittijiet ċiviċi u politiċi totali tagħhom; jieħu nota tad-difetti osservati matul l-elezzjoni presidenzjali tal-2015 min-naħa tal-osservaturi internazzjonali indipendenti, u jistieden lill-Belarussja tiżvolġi l-elezzjonijiet parlamentari imminenti skont l-istandards rikonoxxuti fuq livell internazzjonali; iħeġġeġ lill-Belarussja, l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu japplika l-piena kapitali, sabiex tingħaqad mal-moratorju globali dwar l-eżekuzzjoni tal-piena ta' mewt bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni permanenti tagħha;

o

o  o

57.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tad-69 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lis-Segretarju Ġenerali tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.