Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0051/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0051/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 42(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

14.1.2016 - (2015/3034(RSP))

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Ioan Mircea Paşcu, Knut Fleckenstein, Richard Howitt, Victor Boştinaru, Gilles Pargneaux, Vincent Peillon, Ana Gomes, Afzal Khan, Tonino Picula, Neena Gill, Liisa Jaakonsaari, Sorin Moisă, Victor Negrescu, Boris Zala f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0043/2016

Proċedura : 2015/3034(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0051/2016
Testi mressqa :
B8-0051/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0051/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 42(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

(2015/3034(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 42(7) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2(4) u 222 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar il-klawżoli ta' difiża reċiproka u ta' solidarjetà tal-UE: dimensjonijiet politiċi u operattivi[1],

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u b'mod partikulari d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VII u l-Artikolu 51 tagħha;

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni magħmula mill-President tar-Repubblika Franċiża quddiem il-Kungress Franċiż fis-16 ta' Novembru 2015 li Franza kienet fi stat ta' gwerra,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar id-difiża u s-sigurtà adottati mill-Kunsill Ewropew fid-19-20 ta' Diċembru 2013 u l-25-26 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin (tal-Ministri tad-Difiża) fis-17 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-13 ta' Novembru 2015 seħħew bosta attakki terroristiċi f'Pariġi, li qatlu mill-inqas 130 persuna minn aktar minn 26 nazzjon;

B.  billi l-Gvern Franċiż uffiċjalment invoka l-klawsola ta' difiża reċiproka skont l-Artikolu 42(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea wara l-attakki terroristiċi f'Pariġi fit-13 ta' Novembru 2015;

C.  billi, wara l-invokazzjoni min-naħa ta' Franza tal-klawsola ta' difiża reċiproka, l-Istati Membri għandhom obbligu li jagħtu lill-Franza l-għajnuna u l-assistenza bil-mezzi kollha fis-setgħa tagħhom, skont l-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU;

D.  billi l-użu tal-forza mill-UE jew mill-Istati Membri tagħha huwa ammissibbli biss jekk ikun ġustifikat legalment abbażi tal-Karta tan-NU; jinnota, f'dan il-kuntest, id-dritt inerenti għall-awtodifiża individwali jew kollettiva, skont l-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU; jenfasizza li l-prevenzjoni ta' kunflitti u attakki hija preferibbli mill-immaniġġjar tal-konsegwenzi tagħhom;

E.  billi s-solidarjetà, l-għajnuna u l-assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri, inkluż permezz ta' rikors għall-mezzi tal-UE, huma fost il-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea; billi s-sigurtà tal-Istati Membri hija indiviżibbli, u ċ-ċittadini Ewropej kollha għandu jkollhom l-istess garanziji ta' sigurtà u livell ugwali ta' protezzjoni kontra theddidiet, kemm konvenzjonali u kif ukoll mhux konvenzjonali, inkluż it-terroriżmu, u attakki minn atturi kemm statali u kif ukoll dawk mhux statali;

F.  billi l-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali hija meqjusa bħala prijorità għall-UE, u li jiġi segwit il-prinċipju tas-solidarjetà jeħtieġ azzjoni interna kif ukoll esterna, f'konformità mad-dritt internazzjonali; billi d-dimensjonijiet interni u esterni tas-sigurtà tal-UE huma neċessarjament relatati u marbuta mill-qrib;

G.  billi l-arkitettura tas-sigurtà u tad-difiża previsti mit-Trattati għadha ma ġietx implimentata b'mod sħiħ; billi t-Trattat ta' Lisbona jipprevedi għal kooperazzjoni msaħħa fil-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK), inkluż permezz tal-assenjazzjoni ta' kompiti u missjonijiet speċifiċi lil raggruppamenti ta' Stati, kif ukoll il-kunċett ta' kooperazzjoni strutturata permanenti fi kwistjonijiet militari; billi l-Istati Membri huma responsabbli biex jiksbu progress fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni;

H.  billi l-Artikolu 42(6) tat-TUE dwar il-kooperazzjoni strutturata permanenti għandu jiġi attivat fost dawk l-Istati Membri li jixtiequ jikkooperaw mill-qrib ma' xulxin;

I.  billi l-UE teħtieġ li ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) sabiex tagħmel il-politiki ta' sigurtà u ta' difiża stabbiliti fi ħdan dawn iż-żewġ oqfsa dejjem aktar kompatibbli, b'mod partikolari meta Stat Membru jkun il-vittma ta' aggressjoni armata fuq it-territorju tiegħu, li tinkludi attakki terroristiċi;

J.  billi l-istituzzjonijiet tal-UE jeħtieġ li jkunu aktar attivi fil-politika ta' sigurtà u ta' difiża, u biex jippromwovu l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha dwar il-politika ta' sigurtà u ta' difiża minquxa fit-Trattati, inklużi dawk dwar ir-rwol partikolari tan-NATO fis-sigurtà u d-difiża Ewropea u transatlantika; billi s-sħubija strateġika bejn l-UE u n-NATO għandha tissaħħaħ; billi l-istituzzjonijiet tal-UE jridu jappoġġaw lill-Istati Membri kollha fl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw dawn id-dispożizzjonijiet b'mod sħiħ;

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon kbir l-appoġġ unanimu u sħiħ lill-Franza mill-Istati Membri kollha; jilqa', b'mod partikolari, ir-rieda tal-Istati Membri kollha li jipprovdu l-għajnuna u l-assistenza kollha meħtieġa;

2  Jirrimarka li kull użu tal-forza jrid ikun konformi mal-Karta tan-NU, id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali;

3.  Ifakkar li l-klawsola ta' difiża reċiproka ġiet invokata għall-ewwel darba; iqis li l-każ preżenti ser iservi ta' preċedent għall-użu fil-futur tal-klawsola ta' difiża reċiproka u għandu jservi wkoll biex tissaħħaħ is-sigurtà u d-difiża Ewropea;

4.  Jinnota b'sodisfazzjon kbir li, wara li Franza invokat il-klawsola ta' difiża reċiproka, saru disponibbli kontribuzzjonijiet addizzjonali ta' riżorsi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jsostnu l-kontribuzzjonijiet tagħhom sakemm ikun meħtieġ; jilqa' r-rwol ta' Franza bħala katalist f'dan l-isforz komuni; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-UE jipprovdu u jsostnu l-appoġġ tagħhom kif meħtieġ;

5.  Iqis li l-invokazzjoni tal-klawżoli ta' difiża reċiproka u ta' solidarjetà taħt it-Trattati hija l-ewwel u qabel kollox kwistjoni politika; jenfasizza l-fatt li, meta dawn il-klawżoli huma invokati, kemm il-Kunsill Ewropew u kif ukoll il-Parlament Ewropew huma l-post fejn isir id-dibattitu politiku;

6.  Ifakkar fl-istedina tiegħu, f'riżoluzzjonijiet preċedenti, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex jipproponi arranġamenti u linji gwida prattiċi biex jiġi żgurat rispons effikaċi f'każ li Stat Membru jinvoka l-klawsola ta' difiża reċiproka, kif ukoll analiżi tar-rwol tal-istituzzjonijiet tal-UE jekk il-klawsola tiġi invokata; jiddispjaċih, madankollu, li ebda analiżi u ebda linji gwida kienu disponibbli meta l-klawsola ta' difiża reċiproka ġiet attivata għall-ewwel darba, u dan wassal għas-sitwazzjoni attwali li teħtieġ miżuri ad hoc, immaniġġjar ad hoc u kooperazzjoni ad hoc;

7.  Iqis li l-istabbiliment ta' arranġamenti prattiċi u ta' linji gwida għall-attivazzjoni futura tal-klawsola ta' difiża reċiproka jibqa' prijorità urġenti; jenfasizza li t-tfassil ta' dawn il-linji gwida għandu jieħu kont tat-tagħlimiet meħuda mill-ewwel attivazzjoni tal-Artikolu 42(7); itenni l-fehma tiegħu li l-obbligu li jiġu pprovduti l-għajnuna u l-assistenza, li tiġi espressa solidarjetà politika fost l-Istati Membri, għandhom jiżguraw deċiżjoni rapida fil-Kunsill bħala appoġġ lill-Istat Membru li jkun safa attakkat; jikkunsidra li konsultazzjonijiet skont ir-rekwiżit tal-Artikolu 32 tat-TUE, ikunu jaqdu dan l-iskop, bla ħsara għad-dritt ta' kull Stat Membru li safrattant jaħseb għall-awtodifiża tiegħu;

8.  Jesprimi tħassib li l-immaniġġjar tal-għajnuna u tal-assistenza skont il-klawsola ta' difiża reċiproka fuq bażi bilaterali — bħal f'dan il-każ — mhux se jkun possibbli għall-Istati Membri kollha, u għalhekk jistieden lill-Kunsill Ewropew biex iżid impetu għal aktar żvilupp tal-klawsola ta' difiża reċiproka u biex jissaħħaħ ir-rwol tal-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE bħala faċilitaturi;

9.  Jappella għall-monitoraġġ tal-iżviluppi fir-rigward tal-attivazzjoni tal-Artikolu 42(7) tat-TUE, pereżempju permezz ta' mekkaniżmu bħal-Laqgħat Konġunti ta' Konsultazzjoni;

10.  Jinnota li l-klawsola ta' solidarjetà fl-Artikolu 222 tat-TFUE tagħmilha possibbli li l-mezzi rilevanti kollha tal-UE jkunu għad-dispożizzjoni ta' Franza u Stati Membri oħra direttament involuti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

11.  Jappella għal koordinazzjoni aħjar bejn l-immaniġġjar tal-fruntieri, il-pulizija u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u tal-intelligence, u jitlob għal skambju ta' informazzjoni bejniethom aktar effiċjenti u strutturat; jenfasizza l-ħtieġa għal mekkaniżmu ta' koordinazzjoni u għajnuna reċiproka fost l-Istati Membri b'operazzjonijiet speċjali tal-pulizija fuq skala kbira;

12.  Jappella għal politika barranija komuni tal-UE dwar il-futur tas-Sirja u tal-Lvant Nofsani usa', b'koordinazzjoni mal-atturi rilevanti kollha; iqis li din il-politika għandha tkun parti integrali mill-Istrateġija Globali futura tal-UE; jinnota li, sal-lum, il-koordinazzjoni fost l-Istati Membri li ilhom jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-terroriżmu f'din iż-żona kellha tiġi mtejba; jinnota li l-appoġġ militari provdut lill-koalizzjoni li qed tipprova tegħleb l-avvanzi tad-Daesh/ISIS fl-Iraq, fis-Sirja u fil-Libja ma kisibx il-potenzjal ta' approċċ Ewropew integrat minħabba nuqqas ta' organizzazzjoni u ta' koordinazzjoni;

13.  Hu tal-fehma li l-attivazzjoni attwali tal-Artikolu 42(7) tat-TUE għandha tkun il-katalist biex jiġi sfruttat il-potenzjal tad-dispożizzjonijiet kollha relatati mas-sigurtà u d-difiża tat-Trattat li għandhom isegwu; ifakkar, f'dan il-kuntest, l-importanza li jiġi applikat b'mod sħiħ u korrett il-Pakkett ta' Difiża, li jinkludi d-Direttivi 2009/81/KE dwar l-akkwist għad-difiża u 2009/43/KE dwar it-trasferimenti intrakomunitarji;

14.  Jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jimplimenta l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-NU kontra l-iffabrikar illeċitu ta' u l-ittraffikar fl-armi tan-nar, li hu maħsub biex jiżgura kontroll effikaċi ta' trasferimenti ta' armi tan-nar għal użu ċivili; jilqa' r-rieżami tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-armi tan-nar (inkluż dwar id-diżattivazzjoni, is-sanzjonijiet amministrattivi u l-armi tas-sinjal) u l-intenzjoni li tissaħħaħ il-kooperazzjoni tal-pulizija mal-pajjiżi ġirien fir-rigward tal-kuntrabandu tal-armi; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-kapaċitajiet tal-Europol f'dan il-qasam;

15.  Iqis li l-attivazzjoni tal-klawsola ta' difiża reċiproka, speċjalment fid-dawl tat-theddida tat-terroriżmu li jiffaċċjaw l-Istati Membri u l-livell ta' konflitt fil-viċinat, jenfasizza wkoll il-ħtieġa li l-UE jkollha vuċi fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; huwa tal-opinjoni li l-UE għandha tagħmel l-almu tagħha fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU sabiex tippromwovi fehim imġedded tad-dritt umanitarju internazzjonali biex tirrifletti t-theddid armat mhux konvenzjonali attwali u dak li jirriżulta minn atturi mhux statali, bħal gruppi terroristiċi, u tiżgura li dawn ikunu adegwatament inkwadrati fid-dritt internazzjonali applikabbli; jemmen li l-UE għandha tippromwovi r-Responsabbiltà ta' Protezzjoni (R2P) tan-norma tas-sigurtà internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem għal prevenzjoni u azzjoni umanitarja ta' emerġenza, skont id-dritt internazzjonali;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-President tal-Istati Uniti u lis-Segretarju tad-Difiża tal-Istati Uniti.