Proċedura : 2015/3035(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0052/2016

Testi mressqa :

B8-0052/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0020

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 494kWORD 148k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0050/2016
14.1.2016
PE575.954v01-00
 
B8-0052/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2016 (2015/3035(RSP))


Beatriz Becerra Basterrechea, Filiz Hyusmenova, Ilhan Kyuchyuk, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Pavel Telička, Hilde Vautmans, Ivo Vajgl f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2016 (2015/3035(RSP))  
B8-0052/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom, inkluża l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi r-riżoluzzjonijiet ta' urġenza tiegħu dwar il-kwistjonijiet,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar ir-Rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja fl-2014 u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-2015 tal-UNHRC lill-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-2015 u l-2016 huma snin ta' anniversarji importanti f'dik li hi t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, tal-paċi u tas-sigurtà: is-70 anniversarju mit-twaqqif tan-Nazzjonijiet Uniti, il-50 anniversarju tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR), it-30 u l-20 anniversarju tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Dritt għall-Iżvilupp (1986) u tad-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Pjattaforma għal Azzjoni (1995) rispettivament u l-15-il anniversarju tar-riżoluzzjoni storika tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà (2000) u tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (2000);

B.  billi d-difiża tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem indipendentement mir-razza, mill-oriġini, mis-sess jew mill-kulur hija obbligu għall-istati kollha; filwaqt li jtenni l-impenn tiegħu favur l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem – sew jekk ċiviċi, ekonomiċi, soċjali jew kulturali – li huma interrelatati u interdipendenti, u filwaqt li jikkunsidra li t-tiċħid ta' kwalunkwe wieħed minn dawn id-drittijiet għandu impatt dirett u avvers fuq l-oħrajn; billi l-istati kollha għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet bażiċi tal-popolazzjonijiet rispettivi tagħhom u d-dmir li jieħdu azzjoni konkreta biex jiffaċilitaw ir-rispett ta' dawn id-drittijiet fil-livell nazzjonali, u li jikkooperaw f'livell internazzjonali bl-għan li jiġu eliminati l-ostakli għat-twettiq tad-drittijiet tal-bniedem fl-ambiti kollha;

C.  billi r-rispett għall-universalità tad-drittijiet tal-bniedem, u l-promozzjoni u l-protezzjoni tagħha, huma parti mill-acquis etiku u legali tal-Unjoni u wieħed mill-pedamenti tal-unità u tal-integrità Ewropej;

D.  billi l-azzjoni tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi hija mmexxija mill-Artikolu 21 tat-Trattat ta' Lisbona, li jafferma mill-ġdid l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u jipprevedi r-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali;

E.  billi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem għandu jkun integrat fil-politiki kollha li jinvolvu l-paċi s-sigurtà, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-kummerċ u l-investiment, l-azzjoni umanitarja, it-tibdil fil-klima u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, peress li dawn it-temi ma jistgħux jiġu affrontati separatament mir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

F.  billi s-sessjonijiet regolari tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC), il-ħatra ta' Rapporteurs Speċjali, il-mekkaniżmu ta' Eżami Perjodiku Universali (EPU) u l-Proċeduri Speċjali li jittrattaw jew is-sitwazzjoni f'pajjiżi speċifiċi jew kwistjonijiet tematiċi lkoll jikkontribwixxu għall-promozzjoni u għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

G.  billi, sfortunatament, uħud mill-membri attwali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem huma kkunsidrati bħala fost l-agħar trasgressuri tad-drittijiet tal-bniedem u għandhom passat dubjuż f'termini ta' kooperazzjoni mal-Proċeduri Speċjali tan-NU u ta' konformità mar-rekwiżiti ta' rappurtar tagħhom vis-à-vis l-korpi tat-trattat tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU;

Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU

1.  Jilqa' l-ħatra tal-Ambaxxatur Choi Kyong-lim bħala President tal-UNHRC għall-2016;

2.  Jilqa' r-rapport annwali tal-UNHRC lill-Assemblea Ġenerali tan-NU li jkopri t-28, id-29 u t-30 sessjoni tagħha;

3.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-membri tal-UNHRC għandhom ikunu eletti minn fost l-istati li jiddefendu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija, u jħeġġeġ lill-Istati Membri tan-NU japplikaw kriterji bbażati fuq ir-riżulati fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem meta jeleġġu membri tal-UNHRC; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem f'ċerti membri tal-UNHRC li għadhom kif ġew eletti u jisħaq fuq l-importanza li tiġi difiża l-indipendenza tal-UNHRC biex jiġi żgurat li jkun jista' jkompli jeżerċita l-mandat tiegħu b'mod effikaċi u imparzjali;

4.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Proċeduri Speċjali u għall-istatus indipendenti tad-detenturi tal-mandat, li jippermettulhom li jaqdu l-funzjoni tagħhom b'imparzjalità sħiħa, u jistieden lill-istati kollha jikkooperaw ma' dawn il-proċeduri;

5.  Jerġa' jafferma l-importanza tal-universalità tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU), bl-għan li jintlaħaq fehim sħiħ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Istati Membri kollha tan-NU, u jtenni l-appoġġ tiegħu għat-tieni ċiklu ta' eżami, li jiffoka fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet aċċettati matul l-ewwel ċiklu; jappella għal darb'oħra, madankollu, biex ir-rakkomandazzjonijiet li ma ġewx aċċettati mill-istati matul l-ewwel ċiklu jerġgħu jiġu kkunsidrati fit-tkomplija tal-proċess tal-EPU;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati, b'mod partikolari s-soċjetà ċivili, jipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċess tal-EPU, u jesprimi t-tħassib tiegħu li limitazzjonijiet gravi u restrizzjonijiet dejjem jiżdiedu fixklu l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess tal-EPU;

7.  Jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri kollha tal-UE biex jużaw l-EPU bħala mezz biex jivvalutaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Istati Membri tal-UE, filwaqt li jissottolinja wkoll l-importanza li l-Istati Membri kollha tal-UE jinvolvu ruħhom attivament u jagħmlu rakkomandazzjonijiet matul l-analiżijiet tal-EPU tal-Istati Membri tal-UE, u għalhekk jitlob li l-UE u l-Kummissjoni jipprovdu appoġġ tekniku lill-atturi tas-soċjetà ċivili fil-ħidma tagħhom marbuta mal-analiżijiet tal-EPU tal-Istati Membri tal-UE, anke billi jiffaċilitaw il-laqgħat f'Ġinevra;

8.  Jitlob lill-UE u lill-Kummissjoni jagħtu segwitu lir-rakkomandazzjonijiet tal-EPU fid-djalogi politiċi kollha tal-UE mal-pajjiżi kkonċernati bl-għan li jiġu eżaminati modi u mezzi ta' implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet permezz ta' strateġiji nazzjonali u reġjonali;

9.  Jilqa' l-Inizjattiva għall-Bidla tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, maħsuba biex ittejjeb u ssaħħaħ il-preżenza globali tal-uffiċċji tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU bil-ħolqien ta' tmien hubs reġjonali biex jimmonitorjaw u jippromwovu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem b'kollaborazzjoni diretta mas-sħab bl-għan li r-rakkomandazzjonijiet dwar il-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem jissarrfu f'bidliet reali fil-prattika;

Drittijiet ċivili u politiċi

10.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-reviżjonijiet kostituzzjonali li għamlu ċerti pajjiżi, bl-għan li jbiddlu l-limitu ffissat fuq il-mandat presidenzjali, kwistjoni li f'ċerti każi ġġenerat vjolenza marbuta mal-elezzjonijiet; jerġa' jafferma li r-rispett tad-drittijiet ċivili u politiċi, fosthom il-libertà ta' espressjoni individwali u kollettiva u l-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, huma l-uniċi indikaturi ta' soċjetà demokratika, tolleranti u pluralista;

11.  Itenni li l-fatt li l-mexxejja politiċi jiġu eletti liberament, permezz ta' elezzjonijiet li jsiru perjodikament fuq il-bażi ta' vot universali u ndaqs, huwa dritt fundamentali li kull ċittadin għandu jgawdi f'konformità mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Artikolu 21(3)) u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (l-Artikolu 25), u jtenni li l-libertà ta' espressjoni u ambjent vibranti li jwassal għal soċjetà ċivili indipendenti u pluralista huma prerekwiżiti għall-promozzjoni tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

12.  Jikkundanna l-fastidju kontinwu u d-detenzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-membri tal-oppożizzjoni min-naħa tal-forzi tal-gvern f'għadd ta' pajjiżi terzi; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-leġiżlazzjoni inġusta u restrittiva, inklużi restrizzjonijiet fuq il-finanzjamenti barranin, li qed jirriżultaw fi spazju dejjem aktar limitat għas-soċjetà ċivili; jistieden lill-gvernijiet kollha jippromwovu u jsostnu l-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-attivitajiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jippermettulhom joperaw mingħajr biża', repressjoni jew intimidazzjoni;

13.  Huwa mħasseb ferm dwar l-attakki fuq il-ħaddiema fil-qasam tal-għajnuna umanitarja u fuq il-faċilitajiet mediċi, bħall-aħħar atttakki li saru fuq iċ-ċentri tas-saħħa ta' Tobba Mingħajr Fruntieri (MSF) f'Kunduz (l-Afganistan) fit-3 ta' Ottubru 2015 u f'Razah (il-Jemen) fl-10 ta' Jannar 2016; jenfasizza li kwalunkwe attakk kontra operazzjonijiet umanitarji u l-popolazzjoni ċivili huma pprojbiti b'mod ċar fid-dritt umanitarju internazzjonali (IHL) u jistieden lill-partijiet konfliġġenti jirrispettaw il-prinċipji bażiċi tal-IHL u ma jibqgħux jattakkaw deliberatament l-infrastrutturi ċivili; jisħaq fuq l-importanza li tittejjeb is-sigurtà tal-ħaddiema li jagħtu l-għajnuna sabiex jirreaġixxu b'mod aktar effiċjenti għall-attakki;

14.  Huwa tal-fehma li t-teknoloġiji diġitali kontemporanji joffru vantaġġi u sfidi għall-protezzjoni tad-dritt għall-privatezza u għall-eżerċizzju tal-libertà ta' espressjoni online fid-dinja kollha; jilqa', f'dan il-kuntest, il-ħatra ta' Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Dritt għall-Privatezza fl-Era Diġitali, li fil-mandat tiegħu hemm inklużi l-kwistjonijiet ta' sorveljanza u privatezza li jolqtu l-persuni online jew offline;

15.  Itenni l-oppożizzjoni li ilu jħaddan kontra l-piena tal-mewt, it-tortura u t-trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti bħala kastig f'kull każ u f'kull ċirkostanza; jenfasizza għal darb'oħra li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-dinjità tal-bniedem, u jerġa' jafferma l-impenn tiegħu favur id-dritt ta' kull individwu għall-ħajja u għad-dinjità tal-bniedem;

16.  Ifaħħar il-progress sostanzjali li sar s'issa, billi bosta pajjiżi ssospendew il-piena kapitali filwaqt li oħrajn adottaw miżuri leġiżlattivi fit-triq tal-abolizzjoni tal-piena tal-mewt; jesprimi, madankollu, id-dispjaċir tiegħu dwar l-istituzzjoni mill-ġdid tal-eżekuzzjonijiet f'ċerti pajjiżi matul dawn l-aħħar ftit snin; jistieden lil dawk l-istati li abolew il-piena tal-mewt jew li għandhom moratorju li ilu fis-seħħ fir-rigward tal-piena tal-mewt biex ma jerġgħux idaħħluha;

Drittijiet Soċjali u Ekonomiċi

17.  Jiddispjaċih li, aktar minn 20 sena wara l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Vjenna dwar l-universalità, l-indiviżibbiltà, l-interdipendenza u n-natura interrelatata tad-drittijiet tal-bniedem kollha, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR) mhuwiex meqjus bl-istess mod u ma jingħatax l-istess importanza daqs il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR); jirrikonoxxi l-isforzi tal-UNHRC biex id-drittijiet tal-bniedem kollha jitqiesu bl-istess mod u jingħataw l-istess importanza, permezz tal-istabbiliment ta' detenturi ta' mandat tal-Proċedura Speċjali b'rabta mad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali;

18.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar iż-żieda fil-faqar estrem, li tipperikola t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem kollha; jilqa' f'dan ir-rigward, ir-rapport tar-Rapporteur Speċjali tal-UNHRC dwar il-faqar estrem u d-drittijiet tal-bniedem (A/HRC/29/31) u jappoġġa l-proposti tiegħu għall-eliminazzjoni tal-faqar estrem, li jinkludu: li d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali jingħataw l-istess prominenza li tingħata lid-drittijiet ċivili u politiċi; ir-rikonoxximent tad-dritt tal-protezzjoni soċjali; l-implimentazzjoni ta' politiki fiskali bl-għan speċifiku li titnaqqas l-inugwaljanza; ir-rivitalizzazzjoni u l-għoti ta' sustanza lid-dritt tal-ugwaljanza; u li kwistjonijiet ta' ridistribuzzjoni tar-riżorsi jitqiegħdu fiċ-ċentru ta' dibattiti dwar id-drittijiet tal-bniedem;

19.  Huwa tal-fehma li l-korruzzjoni, l-evażjoni tat-taxxa, il-ġestjoni ħażina tal-beni pubbliċi u n-nuqqas ta' responsabbiltà jikkontribwixxu għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini, billi dawn jiddevjaw il-fondi mill-baġits tal-istati li għandhom ikunu ddedikati għall-avvanz tad-drittijiet tal-bniedem f'servizzi pubbliċi tant meħtieġa bħall-edukazzjoni, is-servizzi tas-saħħa bażiċi u infrastruttura soċjali oħra; iqis li l-azzjoni maħsuba biex tiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment id-drittijiet għall-informazzjoni, għal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda, għal ġudikatura indipendenti u għal parteċipazzjoni demokratika fl-affarijiet pubbliċi, hija strumentali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

Negozju u drittijiet tal-bniedem

20.  Jappoġġa b'qawwa l-implimentazzjoni effikaċi u komprensiva tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, kemm fl-UE kif ukoll barra mill-UE, anki bis-saħħa tal-iżvilupp tal-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali; jenfasizza l-bżonn li jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jimtlew il-lakuni tal-implimentazzjoni effikaċi tal-Prinċipji Gwida tan-NU, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja u r-rimedji;

21.  Jistieden lin-NU u lill-UE jittrattaw il-kwistjoni tad-difensuri tad-drittijiet għall-art, li huma vittmi ta' rappreżalji, anki fil-forma ta' theddid, fastidju, arrest arbitrarju, assalt u qtil, talli jikkritikaw l-akkwist ta' art fuq skala kbira askapitu tad-drittijiet għall-art u l-ikel tal-popolazzjonijiet rurali f'pajjiżi terzi; jappella biex, fil-proġetti tagħhom fl-ambitu tad-drittijiet tal-bniedem, il-mekkaniżmi tan-NU u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija jinkludu sistematikament lid-difensuri tad-drittijiet għall-art;

22.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem biex isaħħaħ il-Proġett għar-Responsabbiltà u r-Rimedji bl-għan li jagħti kontribut lil sistena ġusta u aktar effikaċi tar-rimedji fid-dritt nazzjonali, partikolarment f'każi ta' abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem fis-settur tan-negozju; jistieden lill-gvernijiet kollha jaqdu dmirijiethom biex jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi li jħabbtu wiċċhom ma' sfidi prattiċi u ġuridiċi fil-kisba tal-aċċess għar-rimedji fil-livelli nazzjonali u internazzjonali, fir-rigward ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju;

23.  Josserva li Grupp ta' Ħidma Intergovernattiv (IGWG) miftuħ dwar l-elaborazzjoni ta' strument internazzjonali ġuridikament vinkolanti dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u impriżi kummerċjali oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, stabbilti b'riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRC) tas-26 ta' Ġunju 2014, kellu l-ewwel sessjoni tiegħu f'Lulju 2015; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom attivament fin-negozjati dwar l-istrument internazzjonali ġuridikament vinkolanti msemmi hawn fuq;

Migrazzjoni

24.  Huwa mħasseb dwar l-aktar kriżi umanitarja gravi mit-Tieni Gwerra Dinja 'l hawn, li nħolqot mill-għadd dejjem akbar ta' individwi mġiegħla jħallu djarhom bħala konsegwenza tal-persekuzzjoni, tal-kunflitt armat u tal-vjolenza ġeneralizzata, u li qegħdin ifittxu protezzjoni u ħajja aħjar u jissograw ħajjithom billi jibdew vjaġġi perikolużi;

25.  Jistieden lill-pajjiżi kollha jadottaw approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-konfront tal-migrazzjoni, li jqiegħed id-drittijiet tal-migranti fiċ-ċentru tal-politiki u l-ġestjoni tal-migrazzjoni, billi jagħtu attenzjoni b'mod partikolari lis-sitwazzjoni tal-gruppi ta' migranti emarġinati u żvantaġġati, bħan-nisa u t-tfal; jistieden lill-istati kollha jindirizzaw il-vjolenza relatata mal-ġeneru kontra n-nisa u l-bniet, u jisħaq fuq l-importanza li l-politika tal-migrazzjoni titfassal minn prospettiva tal-ġeneru bl-għan li tirrispondi għall-ħtiġijiet partikolari tagħhom;

26.  Ifakkar li l-istati kollha għandhom l-obbligu li jirrispettaw u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem tal-individwi kollha taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, irrispettivament min-nazzjonalità jew l-oriġini tagħhom u irrispettivament mill-istatus ta' immigrazzjoni tagħhom; ifakkar li r-ritorn ta' migranti għandu jsir biss b'rispett sħiħ tad-drittijiet tal-migranti, abbażi ta' deċiżjonijiet liberi u infurmati, u biss meta l-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom tkun iggarantita f'pajjiżhom; jistieden lill-gvernijiet iwaqqfu l-arrest arbitrarju u d-detenzjoni ta' migranti;

Tibdil fil-klima u drittijiet tal-bniedem

27.  Jilqa' l-Ftehim ta' Pariġi taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li jkopri l-adattament, il-mitigazzjoni, l-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija, u l-bini tal-kapaċità; jinsisti li l-kwistjoni tat-tibdil fil-klima għandha tiġi integrata fl-oqsma kollha ta' politika ekonomika; iħeġġeġ lill-istati parti li huma firmatarji għal dan il-Ftehim biex jadottaw miżuri urġenti u ambizzjużi ta' mitigazzjoni u adattament billi jintegraw it-tibdil fil-klima fl-oqsma kollha ta' politika;

28.  Ifakkar li l-impatt avvers tat-tibdil fil-klima jirrappreżenta theddida globali immedjata u potenzjalment irreversibbli għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem, u li l-impatt tiegħu fuq gruppi vulnerabbli li s-sitwazzjoni tad-drittijiet tagħhom diġà hija prekarja, huwa konsiderevoli; jinnota bi tħassib li inċidenti relatati mal-klima bħaż-żieda fil-livelli tal-baħar u tibdil estrem fil-klima li jipprovokaw nixfiet u għargħar huma mistennija jwasslu għal aktar telf ta' ħajja, spsotament ta' popolazzjonijiet, u nuqqasijiet ta' ikel u ilma;

29.  Jistieden lill-komunità internazzjonali tindirizza n-nuqqasijiet ġuridiċi fit-terminu 'rifuġjat minħabba l-klima', inkluża l-possibbiltà tad-definizzjoni tiegħu fid-dritt internazzjonali jew fi kwalunkwe ftehim internazzjonali legalment vinkolanti;

Drittijiet tan-nisa

30.  Jilqa' r-riżoluzzjoni riċenti 2242 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, li tagħmel lin-nisa l-komponent ċentrali fl-isforzi kollha biex jiġu indirizzati l-isfidi globali, inklużi ż-żieda tal-estremiżmu vjolenti, it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, l-iżvilupp sostenibbli, il-paċi u s-sigurtà; ifaħħar ir-riżultati tal-istudju Globali tan-NU dwar l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, li enfasizzaw l-importanza tat-tmexxijja u l-parteċipazzjoni tan-nisa fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u l-bini tal-paċi u li l-involviment tagħhom tejjeb l-assistenza umanitarja, saħħaħ l-isforzi tal-persunal għaż-żamma tal-paċi, ħeġġeġ il-konklużjoni ta' taħditiet favur il-paċi u għen fil-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti;

31.  Jesprimi d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li, mindu tfaċċaw gruppi estremisti vjolenti bħal Daesh fis-Sirja u l-Iraq, u Boko Haram fil-Punent tal-Afrika, il-vjolenza kontra n-nisa ħadet dimensjoni ġdida li hija aktar terrifikanti minn qatt qabel, billi l-vjolenza sesswali saret parti integrali mill-objettivi, l-ideoloġija u s-sors ta' dħul ta' dawn il-gruppi estremisti, u li tikkostitwixxi sfida ġdida fundamentali għall-komunità internazzjonali; jistieden lill-gvernijiet kollha u lill-istituzzjonijiet tan-NU jintensifikaw l-impenn tagħhom favur il-ġlieda kontra dawn id-delitti abominabbli u jerġgħu jġibu d-dinjità tan-nisa bl-għan li ssir ġustizzja, jingħataw kumpens u sostenn;

32.  Iqis li l-fatt li tiġi ggarantita l-awtonomija tan-nisa, billi jiġu indirizzati l-inugwaljanzi sottostanti bejn in-nisa u l-irġiel li jrendu lin-nisa u t-tfajliet vulnerabbli fi żminijiet ta' kunflitt, huwa mod wieħed kif jiġi miġġieled l-estremiżmu; jistieden lin-NU u lill-Istati Membri kollha tagħha jieħdu miżuri konkreti biex jiżguraw l-awtonomija tan-nisa u l-inklużjoni sinifikattiva tagħhom fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, fin-negozjati dwar il-paċi u fil-proċess tal-bini tal-paċi, billi tiżdied ir-rappreżentanza tagħhom fil-livelli deċiżjonali kollha, fosthom fl-istituzzjonijiet u fil-mekkaniżmi nazzjonali, reġjonali u internazzjonali;

Drittijiet tat-tfal

33.  Ifakkar li l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li kienet adottata fl-1989 u hija t-trattat internazzjonali fl-ambitu tad-drittijiet tal-bniedem li l-aktar li ġie ratifikat, tiddefinixxi numru ta' drittijiet tat-tfal, fosthom id-dritt għall-ħajja, għas-saħħa, għall-edukazzjoni u għal-logħob, kif ukoll id-dritt għall-ħajja fil-familja, li jitħarsu mill-vjolenza u mid-diskriminazzjoni u li jinstemgħu fehmiethom; jistieden lill-firmatarji kollha ta' dan it-trattat jonoraw l-obbligu tagħhom;

34.  Jilqa' l-istudju globali ppjanat li għandu jiġi varat min-NU bl-għan li jiġi mmappjat, permezz tal-monitoraġġ u tal-analiżi tal-evalwazzjoni, il-mod kif il-liġijiet u l-istandards internazzjonali qed jiġu implimentati fil-prattika u li jiġu vvalutati l-possibilitajiet konkreti għall-istati biex itejbu l-politiki u r-reazzjonijiet tagħhom; iħeġġeġ lill-istati kollha jappoġġaw u jipparteċipaw b'mod attiv fl-istudju;

Drittijiet tal-persuni LGBTI

35.  Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-persistenza ta' liġijiet u prattiki diskriminatorji u ta' atti ta' vjolenza kontra individwi f'diversi pajjiżi, abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru tagħhom; iħeġġeġ il-monitoraġġ mill-qrib tas-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI f'pajjiżi fejn liġijiet anti-LGBTI introdotti reċentement jheddu l-ħajjiet tal-minoranzi sesswali; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-hekk imsejħa liġijiet 'kontra l-propaganda' li jillimitaw il-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda, anki f'pajjiżi fil-kontinent Ewropew;

36.  Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għat-tkomplija tal-ħidma tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet kollha tal-bniedem minn persuni LGBTI, b'mod partikolari permezz ta' dikjarazzjonijiet, rapporti u l-kampanja tan-NU 'Free & Equal'; iħeġġeġ lill-Kummissarju Għoli jkompli jiġġieled kontra liġijiet u prattiki diskriminatorji;

Drones u armi awtonomi

37.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill tal-UE biex jiżviluppa pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-użu ta’ drones armati, li tagħti importanza kbira lir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali u tindirizza kwistjonijiet bħall-qafas ġuridiku, il-proporzjonalità, ir-responsabbiltà, il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u t-trasparenza; iħeġġeġ lill-UE, għal darb'oħra, biex tipprojbixxi l-produzzjoni, l-iżvilupp u l-użu ta' armi kompletament awtonomi, li jippermettu li jsiru attakki mingħajr intervent uman; jinsisti li d-drittijiet tal-bniedem jiġu inklużi fid-djalogi kollha li jsiru ma' pajjiżi terzi dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu;

Integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE

38.  Jistieden lill-UE tippromwovi l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, skont l-Artikolu 21 tat-Trattat ta' Lisbona u d-Dispożizzjonijiet Ġenerali dwar l-Azzjoni Esterna tal-Unjoni;

39.  Itenni l-appell tiegħu lill-UE biex tadotta approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u tintegra r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-kummerċ, fil-politiki tal-investiment, fis-serrvizzi pubbliċi u fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp, kif ukoll fil-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tagħha; jenfasizza wkoll li l-politika tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE għandha tiżgura li l-politiki interni u esterni tagħha jkunu koerenti, konformement mal-obbligu stabbilit mit-Trattat dwar l-UE;

Qorti Kriminali Internazzjonali

40.  Ifakkar fil-paragrafu 6 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2015, u jtenni l-appoġġ qawwi tiegħu lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), biex tiġi promossa r-responsabbiltà u tiġi evitata kultura ta' impunità, u, f'dan ir-rigward, jilqa' r-rwol tal-QKI fl-istabbiliment ta' paċi reġjonali fil-kontinent Afrikan u fl-infurzar tal-istat tad-dritt;

Pajjiżi taħt l-Eżami Perjodiku Universali (EPU)

Il-Georgia

41.  Jilqa' l-adeżjoni tal-Georgia mal-UNHRC u l-EPU reċenti dwar dan il-pajjiż; jieħu nota tar-riformi leġiżlattivi li rriżultaw f'ċertu progress fis-settur tal-ġustizzja u tal-infurzar tal-liġi, fl-Uffiċċju tal-Prosekutur, fil-ġlieda kontra t-trattatment ħażin, id-drittijiet tat-tfal u l-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali kif ukoll tal-persuni spostati f'pajjiżhom (IDPs); jinnota, madankollu, li n-nuqqas ta' progress fil-biċċa l-kbira ta' dawn is-setturi huwa minħabba l-fatt li l-kbarat politiċi u tan-negozju huma interkonnessi ferm fil-pajjiż;

42.  Jinnota, madankollu, li jinħtieġu sforzi oħra fir-rigward tal-indipendenza sħiħa tal-ġudikatura u tat-trattament ħażin, speċjalment rigward id-detenzjoni qabel il-proċess u r-riabilitazzjoni tal-vittmi; jenfasizza r-responsabbiltà tal-Gvern, skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, li jipproteġi lit-tfal kollha mill-vjolenza, u jitlob skrutinju tal-istituzzjonijiet tal-karità kollha tat-tfal, inkluża l-Knisja Ortodossa tal-Georgia, mill-Gvern u l-Parlament tal-Georgia; għadu mħasseb dwar il-libertà ta' espressjoni u l-pluralità tal-mezzi tal-komunikazzjoni u n-nuqqas ta' aċċess mill-persuni inkarigati mill-monitoraġġ għar-reġjuni okkupati tal-Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar, fejn il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem għadu mifrux; jistieden lill-Gvern tal-Georgia jieħu miżuri xierqa bl-għan li jiżgura li jingħata segwitu lir-rakkomandazzjonijiet li sarulu fil-proċess tal-EPU;

Il-Libanu

43.  Ifaħħar lil-Libanu għall-politika ta' fruntieri miftuħa u ta' akkoljenza li ilu jwettaq għal ħafna snin fir-rigward ta' rifuġjati mill-Palestina, l-Iraq u s-Sirja, u jistieden lill-UE talloka aktar riżorsi u taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet Libaniżi biex tgħin lill-pajjiż fil-protezzjoni tad-drittijiet tar-rifuġjati u tal-persuni li jfittxu l-ażil; huwa mħasseb, f'dan il-kuntest, dwar l-għadd irrappurtat sinifikanti ta' każijiet ta' żwieġ tat-tfal u/jew żwieġ sfurzat fost ir-rifuġjati Sirjani; iħeġġeġ lill-Gvern Libaniż jikkunsidra riforma tal-liġi li tirregola d-dħul u r-residenza fil-Libanu u l-ħruġ minnha, li ma tiddistingwix bejn il-persuni li jfittxu l-ażil u r-rifuġjati, minn naħa waħda, u l-migranti, min-naħa l-oħra;

44.  Jappoġġa r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) li jitolbu miżuri biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost il-ħaddiema domestiċi migranti nisa dwar id-drittijiet tal-bniedem tagħhom skont il-Konvenzjoni CEDAW, li l-Libanu huwa stat parti għaliha; jenfasizza, b'mod partikolari, il-bżonn li tiġi abolita s-'sistema Kafala' u li jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja għall-ħaddiema domestiċi migranti nisa, anki billi jiġu garantiti s-sikurezza u s-soġġorn tagħhom matul il-proċeduri ġuridiċi u amministrattivi relatati mal-istatus tagħhom;

Il-Mauritania

45.  Jisħaq fuq il-fatt li, filwaqt li sar progress min-naħa tal-Gvern tal-Mauritania fit-teħid ta' miżuri leġiżlattivi bl-għan tal-ġlieda kontra kull forma ta' skjavitù u jew prattiki li jixbhu l-iskjavitù, in-nuqqas ta' implimentazzjoni effikaċi jikkontribwixxi għall-persistenza ta' tali prattiki; jistieden lill-awtoritajiet jippromulgaw liġi kontra l-iskjavitù, jagħtu bidu, fuq skala nazzjonali, għall-ġbir sistematiku u regolari ta' data diżaggregata dwar kull forma ta' skjavitù u jwettqu studju bir-reqqa bbażat fuq provi dwar l-istorja u n-natura tal-iskjavitù bl-għan li din il-prattika tinqered;

46.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Mauritania jippermettu l-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda, bi qbil mal-konvenzjonijiet internazzjonali u mad-dritt intern tal-Mauritania; jitlob ukoll li jinħelsu Biram Dah Abeid, Bilal Ramdane u Djiby Sow biex ikunu jistgħu jkomplu l-kampanja mhux vjolenti tagħhom kontra t-tkomplija tal-iskjavitù mingħajr biża' ta' fastidju jew intimidazzjoni;

Il-Myanmar

47.  Jilqa' l-fatt li saru elezzjonijiet kompetittivi fit-8 ta' Novembru 2015, pass importanti fit-tranżizzjoni demokratika tal-pajjiż; jirrikonoxxi l-progress li sar s'issa fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jidentifika għadd ta' oqsma li fadal ta' tħassib kbir, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi u l-libertà ta' espressjoni, assoċjazzjoni u għaqda paċifika;

48.  Jikkundanna d-diskriminazzjoni kontra r-Rohingya, li hija mħarrxa mill-fatt li din il-komunità m'għandhiex status ġuridiku, u miż-żieda fid-diskors ta' mibegħda kontra min mhuwiex Buddist; jitlob li jsiru investigazzjonijiet sħaħ, trasparenti u indipendenti dwar ir-rapporti kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra r-Rohingya u huwa mħasseb dwar l-erba' liġijiet adottati mill-parlament fl-2015 bl-għan tal-'protezzjoni tar-razza u r-reliġjon', billi jistgħu jwasslu għal diskriminazzjoni fir-rigward tal-ġeneru; itenni t-talba tiegħu biex l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) jitħalla jistabbilixxi uffiċċju fil-pajjiż; jenfasizza l-ħtieġa li ssir valutazzjoni tal-impatt tas-sostenibbiltà sħiħa qabel ma jiġu ffinalizzati n-negozjati dwar il-ftehim ta' investiment UE-Myanmar;

In-Nepal

49.  Jilqa' d-dħul fis-seħħ fl-20 ta' Settembru 2015 tal-kostituzzjoni l-ġdida tan-Nepal, li għandha tqiegħed il-pedamenti għall-istabbiltà politika u l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż fil-futur; jittama li t-tħassib li fadal dwar ir-rappreżentanza politika tal-minoranzi, inklużi d-Dalits, u l-liġijiet dwar iċ-ċittadinanza jiġi indirizzat fil-futur qrib;

50.  Jiddispjaċih għan-nuqqas mifrux ta' responsabbiltà għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa miż-żewġ naħat matul il-gwerra ċivili minkejja l-adozzjoni, f'Mejju 2014, tal-Att dwar il-Verità, ir-Rikonċiljazzjoni u l-Għajbien; iħeġġeġ lill-Gvern tan-Nepal jaderixxi għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat; jikkundanna l-limitazzjonijiet li tqiegħdu fuq il-libertajiet fundamentali tar-rifuġjati Tibetani; iħeġġeġ lill-Indja tneħħi l-imblokk mhux uffiċjali tagħha fuq l-ekonomija tan-Nepal li, flimkien mat-terremot devastanti ta' April 2015, qed jikkawża kriżi umanitarja u jwassal biex madwar miljun Nepaliż ieħor jgħixu f'sitwazzjoni ta' faqar;

L-Oman

51.  Ifaħħar lill-Oman għall-istabbiliment tal-Kummissjoni governattiva Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (NHRC) u għall-istedina li ppermettiet iż-żjara bla preċedent tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Dritt għall-Għaqda Paċifika f'Settembru 2014; jesprimi t-tama li dawn il-passi kostruttivi jwasslu għal involviment aktar intensiv mill-Oman mar-rappreżentanti tan-NU għad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem;

52.  Iħeġġeġ lill-Oman jieħu l-passi meħtieġa biex itaffi dak li r-Rapporteur Speċjali tan-NU ddeskriva bħala sitwazzjoni mifruxa ta' biża' u intimidazzjoni fil-pajjiż, meta ddikjara li ċ-ċittadini "jibżgħu jesprimu fehmiethom, jibżgħu jitkellmu bit-telefon u jibżgħu jiltaqgħu"; għadu mħasseb dwar, u jistieden lill-Gvern jikkunsidra mill-ġdid, f'dan il-kuntest, il-projbizzjoni tal-partiti politiċi kollha u l-liġi l-ġdida dwar iċ-ċittadinanza adottata f'Awwissu 2014, li tistipula li ċittadini li jissieħbu ma' gruppi meqjusa ta' ħsara għall-interessi nazzjonali jista' jkollhom iċ-ċittadinanza tagħhom revokata; jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE joffru assistenza teknika u legali biex jgħinu lill-Oman joħloq ambjent sikur u abilitanti għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

Ir-Rwanda

53.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Rwanda, inklużi r-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni, it-tiċkin tal-ispazju demokratiku għal partiti politiċi fl-oppożizzjoni u l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili indipendenti, u n-nuqqas ta' ambjent favorevoli għall-indipendenza tal-ġudikatura; jistieden lill-Gvern tar-Rwanda jiftaħ spazju demokratiku li fih l-oqsma kollha tas-soċjetà jistgħu joperaw liberament;

54.  Huwa mħasseb dwar il-bidla kostituzzjonali proposta bl-għan li l-President fil-kariga jkun jista' jikkontesta għat-tielet mandat; iħeġġeġ lill-Gvern tar-Rwanda jirrispetta l-Karta Afrikana tad-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza;

Is-Sudan t'Isfel

55.  Jilqa' r-riżoluzzjoni tal-UNHRC ta' Ġunju 2015 u l-fatt li ntbagħtet missjoni tal-OHCHR biex timmonitorja u tirrapporta dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan t'Isfel, u biex twettaq valutazzjoni komprensiva ta' allegazzjonijiet ta' ksur u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem bl-għan li tiżgura r-responsabbiltà;

56.  Jappoġġa l-adozzjoni, fil-31 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, ta' riżoluzzjoni ta' segwitu li tistabbilixxi mandat ta' Rapporteur Speċjali għas-Sudan t'Isfel, kif previst fir-riżoluzzjoni ta' Ġunju 2015, biex jassisti lill-gvern fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li għandhom isiru mill-missjoni tal-OHCHR dwar modi kif tittejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u biex jipprovdi appoġġ lill-isforzi reġjonali u internazzjonali favur ir-responsabbiltà, filwaqt li l-fondi internazzjonali mogħtija lill-gvern jintrabtu mal-livell ġenerali ta' rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;

57.  Jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem jappoġġa l-ħatra ta' Rapporteur Speċjali għas-Sudan t'Isfel b'mandat li jimmonitorja u jirrapporta pubblikament dwar ksur, fosthom ir-reklutaġġ u l-użu ta' suldati tfal, kif ukoll dwar l-użu militari ta' skejjel, u biex jagħmel rakkomandazzjonijiet biex tinkiseb responsabbiltà effikaċi;

Is-Sirja

58.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni umanitarja u tas-sigurtà fis-Sirja; jikkundanna b'qawwa l-abbużi, il-massakri, it-tortura, il-qtil u l-vjolenza sesswali li qed iġġarrab il-popolazzjoni Sirjana mill-IS, ir-reġim ta' Assad u organizzazzjonijiet u milizzji terroristiċi oħra; itenni t-talba tiegħu għal soluzzjoni sostenibbli għall-kunflitt Sirjan permezz ta' proċess politiku mmexxi mis-Sirja li jwassal għal tranżizzjoni politika ġenwina li tissodisfa l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Sirjan u tippermettilu jiddetermina indipendentement u demokratikament il-futur tiegħu stess;

59.  Iħeġġeġ lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSC) jieħu azzjoni xierqa sabiex jiżgura li min wettaq ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż ksur li jista' jikkostitwixxi delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra, jinżamm responsabbli, anke billi s-sitwazzjoni fis-Sirja tinġieb quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali;

Il-Venezwela

60.  Huwa mħasseb dwar is-sħubija tal-Venezwela fil-UNHRC għall-mandat ta' tliet snin li jibda fl-1 ta' Jannar 2016; jinnota d-diskors tal-President Maduro matul is-sessjoni speċjali fit-12 ta' Novembru u jfakkar li s-sħubija fil-Kunsill iġġib magħha r-responsabbiltà tal-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż stess, kif iddikjarat b'mod ċar mill-Kummissarju Għoli Zeid Ra'ad Al Hussein;

61.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar is-sitwazzjoni li sejra għall-agħar fil-Venezwela u dwar l-użu tal-vjolenza kontra d-dimostranti; jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jeħilsu minnufih lill-mexxejja tal-oppożizzjoni u lid-dimostranti paċifiċi, l-istudenti u l-mexxejja tal-oppożizzjoni kollha detenuti arbitrarjament talli eżerċitaw id-dritt għal-libertà ta' espressjoni u d-drittijiet fundamentali tagħhom, bi qbil mat-talbiet insistenti li saru minn bosta organizzazzjonijiet internazzjonali u tan-NU;

Pajjiżi prijoritarji

L-Ukrajna

62.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-attakki indiskriminati kontinwi f'żoni ċivili, b'mod partikolari fil-Lvant tal-Ukrajna; jikkundanna l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fil-kunflitt u jappoġġa bis-sħiħ il-Missjoni ta' Monitoraġġ tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u l-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE fl-Ukrajna; jitlob lill-Istati Membri tal-UE biex jappoġġaw l-isforzi kollha possibbli fil-livell tan-NU biex tiġi miġġielda l-impunità u biex jitwettqu investigazzjonijiet imparzjali dwar il-każijiet ta' vjolenza u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem b'rabta mat-trażżin tad-dimostrazzjonijiet ta' Maidan kif ukoll dwar l-użu possibbli ta' munizzjonijiet dispersivi minn forzi favur il-gvern u militanti appoġġati mir-Russja matul il-kunflitt armat fil-Lvant tal-Ukrajna, u biex jindirizzaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea u ksur ieħor relatat mal-kunflitt armat fil-Lvant tal-Ukrajna;

Il-Belarussja

63.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet kontinwi tal-libertà ta' espressjoni u tal-libertajiet ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika, jikkundanna l-fastidju ta' ġurnalisti indipendenti u tal-oppożizzjoni u l-fastidju u d-detenzjoni ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u jikkundanna l-użu kontinwu tal-piena tal-mewt; jitlob li jiġġedded il-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja fit-32 sessjoni tal-Kunsill, u jistieden lill-gvern jikkoopera bis-sħiħ mar-Rapporteur Speċjali u jimpenja ruħu li jwettaq riformi li messhom ilhom li saru u li jħares id-drittijiet tal-bniedem, fosthom billi jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru mir-Rapporteur Speċjali u mekkaniżmi oħra għad-drittijiet tal-bniedem;

L-Ażerbajġan

64.  Jilqa' d-dikjarazzjoni konġunta dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ażerbajġan li saret matul id-29 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, iżda jiddispjaċih li numru ta' Stati Membri tal-UE ma appoġġawx din id-dikjarazzjoni konġunta; jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lil membri oħra tal-Kunsill biex jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ażerbajġan u jaħdmu favur l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni li titlob il-ħelsien immedjat ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, attivisti politiċi u ċivili, ġurnalisti u bloggers li ġew arrestati jew li ntbagħtu l-ħabs fuq akkużi politikament motivati, investigazzjoni sħiħa ta' allegazzjonijiet ta' tortura matul id-detenzjoni, u t-tħassir ta' liġijiet li jirrestrinġu bla bżonn il-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni fl-Ażerbajġan;

Il-Bahrain

65.  Jilqa' d-dikjarazzjoni konġunta li saret minn 33 pajjiż fl-14 ta' Settembru 2015, il-ħames waħda dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bahrain, li esprimiet tħassib dwar rapporti ta' fastidju u priġunerija ta' persuni li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni u ta' għaqda paċifika u assoċjazzjoni, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, in-nuqqas ta' garanziji suffiċjenti ta' proċess ġust, in-nuqqas ta' responsabbiltà għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem u rapporti ta' tortura u trattament ħażin matul id-detenzjoni;

66.  Itenni l-istedina lill-gvern biex iħaffef l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Indipendenti tal-Bahrain (BICI);

67.  Itenni l-istedina lill-gven biex jikkoopera bis-sħiħ mal-OHCHR u l-Proċeduri Speċjali, fosthom billi jifformalizza l-ftehim rigward il-kooperazzjoni mal-OHCHR;

Il-Burundi

68.  Jesprimi tħassib kbir dwar l-attakki mmirati fuq difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u l-membri tal-familji tagħhom; jikkundanna b'qawwa l-vjolenza politika, l-eżekuzzjonijiet sommarji, il-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, u l-inċitament għall-vjolenza għal raġunijiet politiċi, etniċi jew għal raġunijiet oħra fil-Burundi, kif ukoll l-impunità kontinwa li jibbenefikaw minnha l-awturi, inklużi l-pulizija u l-forzi tas-sigurtà, gruppi ta' żgħażagħ affiljati ma' partiti politiċi u uffiċjali;

69.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Burundi jwaqqfu dak il-ksur u dawk l-abbużi bħala kwistjoni ta' prijorità u ta' importanza fundamentali, fosthom billi jwaqqfu minnufih il-qtil u l-attakki fuq difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u avversarji u kritiki reali jew preżunti, u billi jwettqu investigazzjonijiet bir-reqqa, imparzjali u indipendenti bl-għan li dawk responsabbli jitressqu l-qorti u li l-vittmi jingħataw rimedju;

70.  Jilqa' l-fatt li fis-17 ta' Diċembru 2015 saret Sessjoni Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-prevenzjoni tad-deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi, iżda jiddispjaċih li din damet biex saret;

71.  Jitlob li tintbagħat mill-aktar fis il-missjoni ta' esperti indipendenti, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Burundi jikkooperaw bis-sħiħ ma' din il-missjoni;

L-Arabja Sawdija

72.  Itenni li l-membri tal-UNHRC għandhom ikunu eletti minn fost l-istati li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija; ma jaqbilx assolutament mad-deċiżjoni meħuda min-NU li rwol fundamentali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem jingħata lill-ambaxxatur tal-Arabja Sawdija għan-NU f'Ġinevra, li ġie elett president ta' panel ta' esperti indipendenti fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

73.  Huwa estremament imħasseb dwar iż-żieda tal-eżekuzzjonijiet kapitali u jikkundanna dawn l-eżekuzzjonijiet intollerabbli; jitlob lill-Arabja Sawdija timponi moratorju fuq il-piena tal-mewt;

°

°  °

74.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tad-69 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lis-Segretarju Ġenerali tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0470.

Avviż legali - Politika tal-privatezza