Proċedura : 2015/3034(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0057/2016

Testi mressqa :

B8-0057/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 21/01/2016 - 8.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 409kWORD 69k
14.1.2016
PE575.959v01-00
 
B8-0057/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-klawsola tad-difiża reċiproka (Artikolu 42(7) TUE) (2015/3034(RSP))


Sabine Lösing, Neoklis Sylikiotis, Rina Ronja Kari, Fabio De Masi, Marina Albiol Guzmán, Martina Anderson, Sofia Sakorafa, Lynn Boylan, Matt Carthy, Liadh Ní Riada, Kostas Chrysogonos, Stelios Kouloglou, Kostadinka Kuneva, Dimitrios Papadimoulis, Javier Couso Permuy f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-klawsola tad-difiża reċiproka (Artikolu 42(7) TUE) (2015/3034(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 42(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-13 ta’ Novembru 2015, f'Pariġi seħħew għadd ta' attakki terroristiċi mwettqa mill-“Istat Iżlamiku/Daesh”, li ħallew 130 persuna mejta, 352 midruba, inkluż ħafna korruti għal għomorhom, u ħafna nies ħtieġu l-għajnuna psikoloġika;

B.  billi wara l-attakki, waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-UE tas-17 ta' Novembru 2015, Franza talbet li jiġi attivat l-Artikolu 42(7) TUE; billi din kienet l-ewwel darba li l-Artikolu 42(7) kien attivat;

C.  billi l-Ministri tad-Difiża tal-UE esprimew l-appoġġ unanimu u sħiħ tagħhom għal Franza u r-rieda tagħhom li jipprovdu l-għajnuna u assistenza kollha meħtieġa skont l-Artikolu 42(7), filwaqt li nnutaw li, legalment, ma kienet meħtieġa l-ebda deċiżjoni jew konklużjoni formali mill-Kunsill biex tiġi attivata l-assistenza reċiproka;

D.  billi s-segwitu sar fuq il-livell ta’ kooperazzjoni intergovernattiva bilaterali li ma kinitx teħtieġ l-involviment tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni; billi xi Stati Membri impenjaw ruħhom li jgħinu lil Franza, xi oħrajn jeħtieġu l-approvazzjoni parlamentari biex jipproċedu, filwaqt li oħrajn ma ħadux din id-direzzjoni;

E.  billi, kif intwera bl-hekk imsejħa “gwerra kontra t-terroriżmu” imwettqa mill-Istati Uniti, in-NATO u l-alleati tagħhom mill-2001, il-gwerer iwasslu biss għal aktar terroriżmu, il-qerda tal-istati u mwiet tal-persuni;

F.  billi l-Parlament legalment m’għandu l-ebda mod kif jista’ jeżerċita l-kontroll parlamentari fuq il-proċess ta' attivazzjoni tal-Artikolu 42(7);

G.  billi Franza talbet, minn naħa, appoġġ permezz tal-ippuljar u l-kondiviżjoni tal-kapaċitajiet għall-operazzjonijiet tagħha fl-Iraq u fis-Sirja u, min-naħa l-oħra, appoġġ f’inħawi oħra fejn qed joperaw truppi Franċiżi sabiex ikunu jistgħu jutilizzawhom mod ieħor;

H.  billi l-Artikolu 42(7) TUE jistipula li l-Istati Membri jkollhom l-obbligu li jassistu lil Stat Membru jekk jisfa vittma ta’ aggressjoni armata fuq it-territorju tiegħu; billi dan isir fil-livell ta’ kooperazzjoni bilaterali intergovernattiva u għandu jkun konformi mal-Karta tan-NU;

I.  billi l-Artikolu 42(7) TUE m’għandu l-ebda titolu, u għalhekk it-terminu ‘klawsola ta’ assistenza reċiproka’ mhijiex terminu legali;

J.  billi l-Artikolu 42(7) joriġina mill-Artikolu 5 tat-Trattat ta' Brussell tal-Unjoni Ewropea tal-Punent, u ġie inkorporat għall-ewwel darba fit-TUE fl-2009, permezz tat-Trattat ta’ Lisbona;

1.  Jiċħad l-attivazzjoni tal-Artikolu 42(7) u jiddinunzja l-fatt li pass bħal dan ikun qed jikkonverti l-Unjoni Ewropea f'alleanza militari; iwissi li dan m’għandux jistabbilixxi preċedent għal każijiet futuri;

2.  Ma jaqbilx bil-qawwa mal-interpretazzjoni tal-Artikolu bħala obbligu sabiex Franza tiġi appoġġjata militarment, f’operazzjonijiet militari, jew sabiex jiġu ġġustifikati u leġittimizzati l-azzjonijiet militari li għaddejjin jew li huma diġà ppjanati; jirrifjuta, barra minn hekk, li l-attakki f’Pariġi jiġu ppreżentati bħala atti ta’ gwerra sabiex jilleġittimizzaw reazzjoni militari, u jenfasizza li skont il-liġi internazzjonali l-hekk imsejjaħ “Stat Iżlamiku/Daesh” mhuwiex stat;

3.  Jenfasizza li l-operazzjonijiet militari qatt ma rażżnu jew waqqfu t-terroriżmu, iżda, għall-kuntrarju, ikkawżaw aktar vittmi u distrazzjonijiet, u komplew għarrqu s-sitwazzjoni tal-popli milquta; jesiġi l-waqfien tal-hekk imsejħa “gwerra kontra t-terroriżmu” u jinsisti li l-attivitajiet terroristiċi jiġu trattati fi ħdan l-istat tad-dritt permezz tal-investigazzjoni tal-pulizija u l-infurzar; jenfasizza l-fatt li l-ġlieda kontra t-terroriżmu m'għandha bl-ebda mod isservi bħala skuża biex jiġu limitati l-libertajiet individwali u d-drittijiet fundamentali, u jiddenunċja l-politiki kollha mmirati biex jiddiskriminaw kontra partijiet tal-popolazzjoni abbażi tal-oriġini jew tar-reliġjon tagħhom;

4.  Jappella għall-konformità stretta mal-liġi internazzjonali, sabiex ma jsir l-ebda intervent militari jew oħrajn fl-affarijiet interni ta’ stati, u għas-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti;

5.  Jitlob rieżami ġenerali tal-politika tal-UE dwar l-affarijiet esterni, li għandha teskludi kompletament l-interventi u l-miżuri militari u għandha tkun esklussivament diretta lejn miżuri ċivili, it-taffija tal-faqar u l-ġlieda kontra l-kawżi fl-għejjun tiegħu, l-iżvilupp soċjali u ekonomiku u l-kooperazzjoni simetrika;

6.  Jitlob sabiex jintemm il-kummerċ tal-armi tal-UE u l-esportazzjoni tal-armi u ta’ tagħmir militari lejn żoni ta’ kunflitt;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Avviż legali - Politika tal-privatezza