MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-klawsola ta' difiża reċiproka (Artikolu 42(7) TUE)
14.1.2016 - (2015/3034(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Geoffrey Van Orden, Charles Tannock, Angel Dzhambazki, Zdzisław Krasnodębski, Kazimierz Michał Ujazdowski, Anna Elżbieta Fotyga f'isem il-Grupp ECR
B8-0059/2016
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-klawsola ta' difiża reċiproka (Artikolu 42(7) TUE)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-theddid intern u estern tat-terroriżmu u l-estremiżmu għall-Istati Membri, u l-miżuri biex jiġi miġġieled dan it-theddid,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u b'mod partikulari d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VII u l-Artikolu 51 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 4 u 5 tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 42(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tar-Repubblika Franċiża fis-16 ta’ Novembru 2015 b'reazzjoni għall-attakki terroristiċi f'Pariġi tat-13 ta' Novembru 2015,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-17 ta' Novembru 2015,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill u tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu tal-20 ta' Novembru 2015,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna għall-UE, kif adottata mill-Kunsill fil-25 ta' Frar 2010,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Jannar 2014 bit-titolu "Il-Prevenzjoni tar-Radikalizzazzjoni għat-Terroriżmu u l-Estremiżmu Vjolenti: It-tisħiħ tar-reazzjoni tal-UE" (COM(2013)0941),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fit-13 ta' Novembru 2015 seħħew attakki f’Pariġi fejn inqatlu 130 persuna minn terroristi leali lejn l-hekk imsejjaħ grupp tal-Istat Iżlamiku (IS); billi f’Jannar 2015 irġiel armati qatlu 17-il persuna f’attakki separati f’Pariġi, inkluż kontra r-rivista Charlie Hebdo u supermarket tal-Lhud;
B. billi matul il-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-17 ta Novembru 2015, il-Gvern Franċiż invoka l-"klawsola ta’ difiża reċiproka" tal-Unjoni Ewropea li qatt ma kienet intużat qabel skont l- Artikolu 42(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea biex jitlob li l-Istati Membri jipprovdu appoġġ għall-operazzjonijiet tiegħu kontra l-IS fis-Sirja u l-Iraq, u missjonijiet oħra ta’ sigurtà wara l-attakki ta’ Pariġi;
C. billi l-Artikolu 42(7) jobbliga lill-Istati Membri biex joffru għajnuna u assistenza lil Stat Membru ieħor li jkun safa' vittma ta’ aggressjoni armata fuq it-territorju tiegħu;
D. billi fil-laqgħa tal-Kunsill fis-17 ta Novembru, il-ministri tad-difiża kollha tas-27 pajjiż b’mod unanimu offrew l-appoġġ tagħhom lil Franza permezz ta’ kooperazzjoni bilaterali, għajnuna u assistenza;
E. billi l-Artikolu 42(7) jistipula li l-kooperazzjoni u l-impenji tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża "għandhom ikunu konsistenti mal-impenji meħuda fl-Organizzazzjoni tat-Trattat tan-Nord Atlantiku, li, għal dawk l-Istati Membri li huma membri tagħha, tibqa' s-sisien tad-difiża kollettiva tagħhom u l-forum għall-implimentazzjoni tagħha";
1. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Franċiż fil-ġlieda tagħhom kontra t-terroriżmu, u jikkundanna mingħajr ebda riżerva l-attakki ta' Novembru f'Pariġi u l-attakki preċedenti f'Jannar 2015;
2. Joffri l-kondoljanzi tiegħu lill-familji u l-ħbieb ta’ dawk kollha maqtula u midruba fl-attakki ta' Pariġi;
3. Jinnota deċiżjoni kurjuża mill-President Franċiż François Hollande li jinvoka l-Artikolu 42(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mhux l-Artikolu 4 jew l-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana; jinnota wkoll li l-Artikolu 222 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kien speċifikament maħsub għall-attakki terroristiċi;
4. Jemmen li n-NATO għadha l-pedament tas-sigurtà u l-istabbiltà tal-Ewropa;
5. Jistieden lill-pajjiżi Ewropej kollha biex ikomplu joffru kull appoġġ fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u biex jieħdu approċċ rigoruż f'pajjiżhom u barra minn pajjiżhom;
6. Japprezza l-koperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri f’termini ta’ kondiviżjoni ta' intelligence u għajnuna reċiproka oħra mmirati lejn il-prevenzjoni ta’ attakki futuri;
7. Jesprimi tħassib kbir dwar il-fatt li dawk li kienu ta' importanza ċentrali fl-attakki ta’ Pariġi jidhru li kienu ċittadini ta’ pajjiż tal-Unjoni Ewropea, u jitlob għalhekk għal aktar sforzi nazzjonali biex tiġi miġġielda r-radikalizzazzjoni, partikolarment taż-żgħażagħ, u biex jiġi kkontrollat il-moviment tal-armi, l-isplussivi u ta' dawk suspettati b’terroriżmu;
8. Jistieden lill-Istati Membri biex jikkoordinaw il-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża fi ħdan in-NATO, li, "għal dawk l-Istati li huma membri tagħha, tibqa’ s-sisien tad-difiża kollettiva tagħhom u l-forum għall-implimentazzjoni tagħha";
9. Jistieden lill-Istati Membri kollha biex isaħħu l-kooperazzjoni fi ħdan u man-NATO sabiex tingħata ħajja ġdida lill-Alleanza bħala l-istrument ewlieni għall-impenn internazzjonali tagħhom ta’ sigurtà u difiża;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, lir-Rappreżentant Għoli / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.