Proċedura : 2015/3033(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0061/2016

Testi mressqa :

B8-0061/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 20/01/2016 - 7.8
CRE 20/01/2016 - 7.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 437kWORD 93k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0041/2016
14.1.2016
PE575.963v01-00
 
B8-0061/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


b'appoġġ għall-proċess ta' paċi fil-Kolombja (2015/3033(RSP))


Ramón Jáuregui Atondo, José Blanco López, Nicola Danti, Monika Flašíková Beňová, Karoline Graswander-Hainz, Enrique Guerrero Salom, Richard Howitt, Jude Kirton-Darling, Javi López, Marlene Mizzi, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Elena Valenciano, Carlos Zorrinho f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew b'appoġġ għall-proċess ta' paċi fil-Kolombja (2015/3033(RSP))  
B8-0061/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-bosta riżoluzzjonijiet tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kolombja, inklużi dawk tat-18 ta’ April 1996, it-12 ta’ Ġunju 1997, it-12 ta’ Marzu u l-14 ta’ Mejju 1998, il-11 ta’ Marzu 1999 u s-7 ta’ Settembru 2000,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Kolombja, inklużi dawk tal-14 ta’ Marzu u l-24 ta’ Ottubru 1996, tat-18 ta’ Settembru 1997 u tal-14 ta’ Jannar 1999,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Frar 2001 dwar il-Pjan Kolombja u l-appoġġ għall-proċess ta’ paċi fil-Kolombja, kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-4 ta’ Ottubru 2001 u tal-14 ta’ Marzu 2002 dwar il-Kolombja,

–  wara li kkunsidra l-konnessjonijiet speċjali li jorbtu lill-UE mal-Kolombja, u partikolarment il-Ftehim Kummerċjali Plurilaterali bejn il-Kolombja u l-Perù, u l-UE u l-Istati Membri tagħha, li ġie ffirmat fi Brussell fis-26 ta’ Lulju 2012,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 60 dwar il-Ftehim għall-Ħolqien ta' Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi, li ġiet iffirmata f’Havana fit-23 ta’ Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Abbozz Konġunt tal-Ftehim dwar il-Vittmi tal-Kunflitt, milħuq f’Havana fil-15 ta’ Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Paragrafu 44 tal-Messaġġ tad-Delegazzjoni tal-PE fl-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana (EuroLat) lit-Tieni Summit CELAC-UE ta' Brussell dwar it-tmiem tal-kunflitt intern bejn il-Gvern tal-Kolombja u l-FARC,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Brussell adottata fi tmiem it-Tieni Summit UE-CELAC fil-11 ta’ Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-UE, Federica Mogherini, dwar il-Ftehim ta' Ġustizzja Tranżizzjonali fil-Kolombja, tal-24 ta' Settembru 2015, kif ukoll id-Dikjarazzjoni tagħha tal-1 ta' Ottubru 2015 fejn is-Sur Eamon Gilmore nħatar bħala l-Mibgħut Speċjali tal-Unjoni għall-Proċess ta' Paċi fil-Kolombja,

A.  billi l-UE u l-Kolombja kellhom, mill-2013, qafas ta’ kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali mill-qrib, stabbilit permezz tal-Ftehim ta’ Kummerċ bejn il-Kolombja u l-Perù, u l-UE u l-Istati Membri tagħha, li l-ambizzjoni aħħarija tiegħu hija mhux biss li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-partijiet, iżda wkoll li jinħolqu alleanzi li jmorru lil hinn mis-sempliċi skambji kummerċjali, u jsaħħu l-paċi, id-demokrazija u l-benessri taċ-ċittadini tagħhom;

B.  billi l-qafas ta’ dan il-ftehim jinkludi t-tneħħija tar-rekwiżit tal-viża min-naħa tal-UE għal ċittadini Kolombjani, li sar ftehim dwarha fit-Tieni Summit UE-CELAC f’Ġunju 2015;

C.  billi din ir-relazzjoni mill-qrib testendi għal spazji ta' kollaborazzjoni internazzjonali dwar kwistjonijiet komuni kbar, bħal pereżempju l-ġlieda favur il-paċi u kontra t-terroriżmu, u huwa sinifikanti ħafna li, minn mindu ġie ffirmat il-Ftehim ta' Qafas bejn l-UE u l-Kolombja dwar il-parteċipazzjoni f’operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-kriżijiet tal-UE, fl-2014, forzi militari Kolombjani jikkooperaw ma’ dawk Ewropej f’operazzjonijiet internazzjonali għall-paċi, taħt il-kappa tal-prinċipji tan-NU;

D.  billi l-Mejda ta' Taħdidiet bejn il-Gvern tal-Kolombja u l-FARC ġiet stabbilita f'Havana (Kuba) fis-26 ta' Awwissu 2012, wara l-iffirmar tad-dokument "Ftehim Ġenerali biex jintemm il-kunflitt u tinbena paċi stabbli u dewwiema", b'mod li twettqet ix-xewqa tal-poplu tal-Kolombja li jgħix fil-paċi, u waqt li jiġi rikonoxxut b'mod partikolari li l-bini tal-paċi hu kwistjoni tal-popolazzjoni kollha kemm hi, li l-Istat għandu d-dmir li jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem fit-territorju kollu tiegħu u li l-iżvilupp ekonomiku u soċjali b'mod ekwu hu garanzija tal-paċi u fl-istess ħin jikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja għat-tkabbir inklużiv u sostenibbli tal-pajjiż,

E.  billi tul diversi fażijiet, in-negozjaturi f'Havana laħqu qbil dwar kampanja ġdida għall-Kolombja u r-riforma rurali integrali, dwar parteċipazzjoni politika u ftuħ demokratiku għall-bini tal-paċi, u dwar is-soluzzjoni għall-problema tad-drogi illegali;

F.  billi fit-23 ta’ Settembru 2015 il-Gvern tal-Kolombja u l-FARC ħabbru l-konklużjoni ta’ ftehim dwar il-ħolqien ta’ Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi li għandha tissodisfa d-drittijiet tal-vittmi u tgħin biex tinħoloq paċi stabbli u dejjiema, u għal dan l-għan il-Partijiet qablu li jniedu Sistema Integrali ta' Verità, Ġustizzja, Riparazzjoni u Nonripetizzjoni, li tkun tinkludi l-ħolqien ta' Kummissjoni għat-Tfittxija tal-Verità, il-Konvivenza u n-Nonripetizzjoni, kif ukoll ftehimiet dwar riparazzjoni lill-vittmi;

G.  billi wara li ntlaħaq dan il-ftehim dwar Ġustizzja Tranżizzjonali, in-negozjaturi ħadu pass definittiv lejn il-paċi, li jidher li hu irriversibbli għax iż-żewġ partijiet iffissaw skadenza ta' sitt xhur bħala l-massimu biex jiksbu l-paċi, u stabbilixxew id-data tat-23 ta' Marzu 2016 bħala d-data ta' skadenza;

H.  billi fil-15 ta' Diċembru 2015, il-Gvern tal-Kolombja u l-FARC ħabbru l-konklużjoni ta' ftehim dwar il-vittmi tal-kunflitt: "Sistema Integrali ta' Verità, Ġustizzja, Riparazzjoni u Nonripetizzjoni", inklużi l-Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi u Patt dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; billi dan il-Ftehim jistabbilixxi l-Kummissjoni għat-Tfittxija tal-Verità, il-Konvivenza u n-Nonripetizzjoni u l-Unità Speċjali għat-tfittxija tal-persuni rrapportati nieqsa fil-kuntest tal-kunflitt u minħabba fih;

I.  billi dan il-Ftehim huwa pass ewlieni 'l quddiem lejn il-bini ta' paċi stabbli u dejjiema, li tirrikonoxxi lill-vittmi kollha tal-kunflitt mhux biss fil-kundizzjoni tagħhom ta' vittmi, iżda wkoll u prinċipalment il-kundizzjoni tagħhom ta' ċittadini bi drittijiet, partikolarment id-dritt tagħhom li jipparteċipaw fit-tfittxija għall-verità u li jingħataw kumpens għad-danni li sofrew minħabba l-kunflitt;

J.  billi l-ħolqien ta’ Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi twieġeb għall-ħtieġa li tinstab sistema speċjali ta’ ġustizzja konformi mad-Dritt Internazzjonali, li tippenalizza lil dawk responsabbli għal delitti li jinvolvu t-tixrid ta' demm u tagħti kumpens lill-vittmi, filwaqt li tiffaċilita l-abbandun tal-armi;

K.  billi l-Gvern tal-Kolombja, il-Kamra Leġiżlattiva tiegħu u l-poplu Kolombjan huma sovrani biex jistabbilixxu l-parametri ta' din il-Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi, u li din il-Ġurisdizzjoni se jkollha Swali tal-Ġustizzja u Tribunal għall-Paċi, li l-funzjoni essenzjali tiegħu se tkun li jtemm l-impunità, joħroġ il-verità, jiġġudika u jikkastiga lil dawk li wettqu delitti matul il-kunflitt, b'mod partikolari dawk li huma l-aktar gravi u rappreżentattivi, filwaqt li jiżgura nonrepetizzjoni u jikkontribwixxi għar-riparazzjoni tal-vittmi;

L.  Billi din il-Ġurisdizzjoni Speċjali:

  -  tirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu kkundannati dawk li wettqu delitti waqt il-kunflitt, anke jekk irrikonoxxew ir-responsabilità tagħhom;

  -  tikkunsidra sistema ta' reklużjoni, divrenzjata, skont ir-rikonoxximent bikri jew tardiv tar-responsabilità għad-delitti gravi, jew in-nuqqas ta' rikonoxximent ta' tali responsabilità, billi tvarja l-pieni fil-każ ta' kundanna bejn 5 u 8 snin u sa 20 sena rispettivament, u tvarja wkoll il-postijiet u l-kundizzjonijiet tar-reġim ta' eżekuzzjoni tal-kastigi ta' privazzjoni effettiva tal-libertà skont ir-rikonoxximent tar-responsabilità;

  -  tipprevedi li meta jintemmu l-ostilitajiet, l-Istat tal-Kolombja jagħti l-usa' amnestija possibbli għal delitti politiċi u delitti konnessi, skont id-Dritt Umanitarju Internazzjonali, u mingħajr ma jkunu jistgħu jgawdu l-amnestija l-awturi ta' delitti kontra l-umanità, jew l-awturi ta' delitti gravi bħat-teħid ta' ostaġġi, it-tortura, l-ispustament furzat, l-għajbien furzat, il-qtil extraġudizzjarju u l-vjolenza sesswali;

M.  billi t-twettiq ta' paċi stabbli u dejjiema fil-Kolombja, bit-tmiem ta' kunflitt intern li ilu għaddej aktar minn 50 sena u li kkawża miljuni ta' vittmi, hu prijorità l-ewwel nett għall-Kolombja, iżda wkoll għall-Unjoni Ewropea u l-komunità internazzjonali, kif juru d-diversi dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għall-proċess ta' paċi min-naħa ta' ħafna pajjiżi u entitajiet reġjonali u internazzjonali, inkluża l-Unjoni Ewropea nfisha;

1.  Jilqa’ b’sodisfazzjon kbir il-ftehim dwar il-ħolqien ta’ Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi, li tirriżolvi b’mod sodisfaċenti l-kwistjoni prinċipali u l-aktar problematika tan-negozjati, u jilqa’ d-deċiżjoni komuni biex tingħata skadenza ta’ sitt xhur għall-iffirmar ta’ ftehim ta’ paċi finali qabel it-23 ta’ Marzu 2016;

2.  Jilqa' wkoll b'sodisfazzjon il-ftehim li ntlaħaq dwar il-punt 5 "Vittmi" tal-Aġenda tal-Ftehim Ġenerali bejn il-Gvern tal-Kolombja u l-Forzi Armati Rivoluzzjonarji tal-Kolombja (FARC) fil-15 ta' Diċembru 2015, li jinkludi l-ħolqien tal-Kummissjoni għat-Tfittxija tal-Verità, il-Konvivenza u n-Nonripetizzjoni; l-Unità Speċjali għat-tfittxija tal-persuni rraportati nieqsa fil-kuntest tal-kunflitt u minħabba fih; il-Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi u l-miżuri speċifiċi ta’ riparazzjoni;

3.  Jagħraf li dan huwa ftehim uniku fl-istorja tan-negozjati u l-kunflitti armati, li jpoġġi lill-vittmi fil-qalba tal-Ftehim u għandu prijoritajiet bħall-verità, il-ġustizzja, ir-riparazzjoni u n-nonripetizzjoni, u għalhekk hu ftehim b’ġustizzja u mingħajr impunità;

4.  Iqis li kemm l-iffirmar tal-ftehim reċenti dwar il-vittmi kif ukoll l-affermazzjoni mill-ġdid tal-ftehimiet l-oħra li ntlaħqu qabel dwar ir-riforma rurali integrali, il-parteċipazzjoni politika u l-ftuħ demokratiku għall-bini tal-paċi, u dwar is-soluzzjoni għall-problema tad-drogi illegali, huma passi deċiżivi għall-kisba ta’ ftehim ta’ paċi finali approvat mis-soċjetà Kolombjana u li jippermetti li tinkiseb paċi stabbli u dejjiema li ġġib fi tmiemu kunflitt armat intern li ilu għaddej għal aktar minn 50 sena u li jikkunsidra b’mod partikolari d-dritt tal-vittmi tal-kunflitt għal riparazzjoni kompluta, vera u ġusta għad-danni fiżiċi, morali u materjali subiti;

5.  Jagħmel appell biex il-proċess li għaddej jiġi estiż biex jinkludi l-ELN jew li jiġi stabbilit, jekk ikun il-każ, proċess ta' negozjati parallel li jkun jista' jiżviluppa b'termini u skadenzi simili;

6.  Jesprimi x-xewqa tiegħu li n-negozjati jikkulminaw fl-iqsar żmien possibbli, u fi kwalunkwe każ tul l-iskadenza ta' sitt xhur iffissata għat-23 ta' Settembru f'Havana, biex it-23 ta' Marzu 2016 jimmarka t-tmiem definittiv tal-kunflitt u punt ta' referiment fl-istorja moderna tal-Kolombja;

7.  Jirrikonoxxi l-isforz politiku kbir, ir-realiżmu u l-perseverenza li wrew kemm il-Gvern tal-Kolombja u kemm il-FARC biex iqarrbu l-pożizzjonijiet antagonisti tagħhom u biex progressivament joħolqu spazju ta' kompromess li ta lok għal progress fin-negozjati favur il-paċi stabbli u dejjiema li jixtiequ tant il-Kolombjani kollha, u li jiggarantixxi n-nonripetizzjoni tal-kunflitt;

8.  Jiddikjara għal darba oħra li l-vjolenza mhijiex metodu leġittimu tal-ġlieda politika, u jitlob lil min kellu din il-konvinzjoni biex iħaddan id-demokrazija bil-konsegwenzi u l-eżiġenzi kollha tagħha,fosthom primarjament li l-armi jiġu abbandunati b'mod definittiv u għal dejjem, u li jiddefendu l-ideat u x-xewqat tagħhom permezz ta' regoli demokratiċi u l-Istat tad-Dritt; f'dan is-sens jappella biex jiġi rispettat id-dritt tal-oppożizzjoni li teżerċita l-attivitajiet politiċi tagħha mingħajr ma tħabbat wiċċha mal-persekuzzjoni sistematika li ġarrbet fil-passat;

9.  Jirrikonoxxi wkoll ir-rwol importanti li kellhom s'issa Kuba u n-Norveġja bħala pajjiżi garanti, u ċ-Ċilì u l-Venezwela bħala pajjiżi li jakkompanjaw il-proċess ta' paċi, u japprezza b'mod speċjali t-tmexxija morali tal-Papa Franġisku u l-isforzi tiegħu biex jgħin it-twettiq tal-paċi mistennija b'tant ħerqa fil-Kolombja;

10.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-Deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2015 tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Federica Mogherini, li taħtar lil Eamon Gilmore, ex Viċi Prim Ministru u ex Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ tar-Repubblika tal-Irlanda, bħala l-Mibgħut Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Proċess ta' Paċi fil-Kolombja; jimpenja ruħu li jagħmel kull sforz meħtieġ biex il-Mibgħut Speċjali l-ġdid jingħata kemm jista' jkun malajr ir-riżorsi baġitarji meħtieġa biex iwettaq il-missjoni importanti tiegħu b'suċċess; u jitlob li l-Mibgħut Speċjali jiltaqa’ maż-żewġ partijiet;

11.  Itenni d-disponibilità tiegħu li jagħti l-assistenza kollha possibbli b'appoġġ għall-implimentazzjoni tal-ftehim ta' paċi finali, u jtenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex joħolqu fond fiduċjarju biex jakkumpanja l-fażi ta' wara l-kunflitt; jemmen li dan il-fond għandu jkun amministrat bil-qbil taż-żewġ partijiet u li l-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandu jkollhom aċċess dirett għall-fondi imsemmija;

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni li tingħata amnestija wiesgħa jew maħfra għad-delitti politiċi relatati mal-kunflitt, u jistieden lill-Gvern tal-Kolombja jadotta liġi statutorja li tiddefinixxi b'mod ċar il-firxa tad-delitti politiċi u li toffri wkoll kjarifika dwar delitti oħra komuni bħat-traffikar tad-drogi u r-rabta possibbli mad-delitti politiċi; jinnota li skont il-leġiżlazzjoni attwali tal-Kolombja, l-attentati kontra s-sistema kostituzzjonali, partikolarment ir-ribelljoni, is-sedizzjoni u r-rewwixti, jitqiesu bħala delitti politiċi;

13.  Jinnota b'sodisfazzjon li, peress li jeskludi kwalunkwe amnistija jew maħfra f'każ ta' delitti kontra l-umanità, il-ġenoċidju u d-delitti gravi tal-gwerra, il-ftehim ta' paċi jikkonforma mad-Dritt Internazzjonali fil-qasam penali u umanitarju, u mal-istrumenti u l-istandards internazzjonali applikabbli fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

14.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jitnedew sistemi effikaċi li jippermettu li ssir evalwazzjoni tar-relazzjoni bejn id-delitti tat-traffikar tad-drogi u l-kunflitt armat, waqt li jiġi evitat li, fil-kompetenza tal-Ġurisdizzjoni, jiddaħħlu delitti komuni mwettqa barra mill-kuntest tal-kunflitt armat;

15.  Iqis li huwa essenzjali li l-pieni imposti fuq min iwettaq id-delitti jikkontribwixxu għall-għan ta’ riparazzjoni lill-vittmi u r-rikonċiljazzjoni politika, u għalhekk jappoġġa l-idea li l-awturi ta’ delitti anqas serji li jkunu aċċettaw ir-responsabbiltà tagħhom jkun jistgħu jwettqu l-pieni tagħhom barra mill-ħabs, sabiex ikunu jistgħu jikkontribwixxu għar-riparazzjoni tal-vittmi u jerġgħu jistabbilixxu r-rabtiet tagħhom mal-komunità;

16.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim li ntlaħaq bejn il-partijiet li joħolqu, ġaladarba jiġi ffirmat il-ftehim ta' paċi finali, Kummissjoni għat-Tfittxija tal-Verità, il-Konvivenza u n-Nonripetizzjoni bħala mekkaniżmu indipendenti u imparzjali extraġudizzjarju għall-bini konġunt ta' rakkont storiku veraċi ta' dak li seħħ, għaliex id-deskrizzjoni onesta tal-passat u t-teħid tar-responsabbiltajiet kollha huma l-uniku pedament li jagħmel possibbli l-bini ta' ġejjieni rikonċiljat u jingħata rispons għad-drittijiet tal-vittmi kollha;

17.  Jesprimi l-appoġġ sod tiegħu għad-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa biex jintlaħaq ftehim definittiv għal waqfien mill-ġlied u tmiem totali tal-ostilitajiet qabel it-23 ta' Marzu 2016; f’dan is-sens, jistieden lill-forzi politiċi kollha Kolombjani jagħmlu sforz ta' kunsens fuq il-ftehim sabiex, jekk ikun il-każ, jirċievi l-akbar appoġġ taċ-ċittadini u b'hekk ikun jista' jkun l-ewwel pass lejn rikonċiljazzjoni soċjali, li ovvjament hija essenzjali biex jingħelbu l-ħafna snin ta’ vjolenza, li kkawżaw għadd enormi ta’ vittmi;

18.  Jeżiġi għal darba oħra l-garanzija sħiħa u permanenti tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tas-sistema politika Kolombjana u tal-istituzzjonijiet tagħha madwar il-pajjiż kollu kemm hu; jemmen li s-sottokultura tal-vjolenza għandha tinqered kompletament f'pajjiż fejn ħamsin sena ta' kunflitt ġieli ġġeneraw reazzjonijiet extraġudizzjarji u drawwiet u mġiba f'xi istituzzjonijiet tal-Istat li ma jikkorrispondux għall-Istat tad-Dritt u għar-rispett eżiġibbli tad-drittijiet tal-bniedem; f’dan ir-rigward, jesiġi l-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kolombja u jappella lil dawn l-organizzazzjonijiet ċiviċi biex joffru l-aħjar u l-aktar kooperazzjoni sinċiera tagħhom għar-ristorazzjoni ta’ konvivenza rikonċiljata fil-Kolombja;

19.  Jilqa’ favorevolment it-tħabbira reċenti, min-naħa tal-forzi armati Kolombjani, li se jirrevedu d-duttrina militari tal-Kolombja bil-għan li tiġi adatta u li l-forzi armati se jitħejjew biex jirrispondu b’mod effettiv u flessibbli għall-isfidi ġodda fil-fażi ta' wara l-kunflitt, filwaqt li fl-istess ħin iservu bħala garanti tal-ftehimiet ta’ paċi; iqis ukoll li t-tħabbira riċenti mill-FARC li se tissospendi t-taħriġ militari tagħha biex timpenja ruħha f’taħriġ politiku u kulturali bħala parti mill-proċess biex jintemm il-konflitt armat huwa pass ieħor 'il quddiem, fiduċjuż u fid-direzzjoni t-tajba;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Presidenza attwali tal-UE, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lill-Gvern u l-Kungress tar-Repubblika tal-Kolombja.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza