Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0062/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0062/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-proċess ta' paċi fil-Kolombja

14.1.2016 - (2015/3033(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0041/2016

Proċedura : 2015/3033(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0062/2016
Testi mressqa :
B8-0062/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0062/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-proċess ta' paċi fil-Kolombja

(2015/3033(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-24 ta' Settembru 2015 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar il-Ftehim ta' Ġustizzja Tranżizzjonali fil-Kolombja,

–  wara li kkunsidra l-ħatra ta' Mibgħut Speċjali tal-Unjoni għall-Proċess ta' Paċi fil-Kolombja, fl-1 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-16 ta' Diċembru 2015 mill-VP/RGħ, Federica Mogherini, dwar il-ftehim dwar il-vittmi tal-kunflitt fil-Kolombja,

–  wara li kkunsidra s-Summit UE-CELAC li sar fl-10 u l-11 ta' Ġunju 2015 fi Brussell u d-Dikjarazzjoni ta' Brussell,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2015 dwar l-appoġġ tal-UE għall-ġustizzja tranżizzjonali,

–  wara li kkunsidra l-impenn tal-UE biex timplimenta fond fiduċjarju għall-fażi ta' wara l-kunflitt fil-Kolombja, li jrid ikun lest meta jintlaħaq il-ftehim,

–  wara li kkunsidra l-komunikat konġunt tat-23 ta' Settembru 2015 tal-gvern u l-FARC dwar il-Ftehim ta' Ġustizzja Tranżizzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Gvern Kolombjan u l-ikbar grupp ta' ribelli tax-xellug fil-pajjiż, il-Forzi Armati Rivoluzzjonarji tal-Kolombja (FARC), qed jippruvaw itemmu aktar minn ħamsin sena ta' kunflitt armat u bdew taħditiet formali għall-paċi f'Novembru 2012 f'Havana, il-kapitali tal-Kuba;

B.  billi ntlaħaq ftehim dwar xi suġġetti ewlenin, inklużi patti dwar ir-restituzzjoni tal-art, il-parteċipazzjoni politika u l-kummerċ tad-droga, u billi l-partijiet stabbilixxew huma stess id-data tat-23 ta' Marzu 2016 bħala l-iskadenza biex jiffirmaw dokument finali; billi l-poplu tal-Kokombja ser igħid tiegħu permezz ta' referendum fuq il-qbil aħħari;

C.  billi nqatlu aktar minn 220 000 persuna waqt il-kunflitt armat u għebu 45 000 persuna, li 80 % minnhom kienu persuni ċivili, u billi miljuni ta' persuni ġew spostati internament minħabba l-vjolenza u bosta ġew maħtufa, mhedda jew midruba minn mini tal-art matul il-kunflitt; billi l-Kolombja hi t-tieni l-iktar pajjiż fid-dinja milquta mill-mini tal-art wara l-Afganistan, minħabba li mini tal-art qatlu jew darbu aktar minn 11 000 persuna tul dawn l-aħħar 15-il sena;

D.  billi mhux il-vjolenza kollha twettqet mir-ribelli tal-FARC, minħabba li ħafna mill-qtil sar minn paramilitari tal-lemin, oriġinarjament maħluqa biex jiġġieldu kontra l-FARC; billi l-gruppi kriminali li qed jiġġieldu għall-kontroll tal-produzzjoni tal-kokaina fil-Kolombja saru wkoll theddida dejjem ikbar;

E.  billi nhar it-Tlieta, 15 ta' Diċembru 2015, il-partijiet iffirmaw ftehim dwar il-kwistjoni diffiċli ta' kif għandhom jirrikonoxxu u jagħtu kumpens lill-vittmi ta' aktar minn 50 sena ġlied; billi l-patt iwiegħed kumpens għall-vittmi u l-ħolqien ta' "Sistema Integrali ta' Verità, Ġustizzja, Riparazzjoni u Nonripetizzjoni", li għandha l-għan li tipprovdi qafas għall-implimentazzjoni ta' dan il-patt, u l-patt preċedenti tat-23 ta' Settembru dwar il-vittmi, inkluż ftehim biex tiġi stabbilita Kummissjoni għat-Tfittxija tal-Verità biex tistabbilixxi min wettaq liema atroċitajiet, tribunali speċjali biex jiġġudikawhom u impenn miż-żewġ naħat biex ifittxu l-persuni li għebu;

F.  billi l-patt tat-23 ta' Settembru jipprovdi li l-ġellieda fil-kunflitt li jiddikjaraw rwieħhom ħatja ta' reati serji se jiffaċċjaw sentenzi ta' bejn ħames u tmien snin ta' "libertà ristretta"; billi, biex jikkwalifikaw għaliha, il-ġellieda se jkollhom jimpenjaw rwieħhom għar-riabilitazzjoni soċjali – permezz ta' impjieg, taħriġ jew studju – huma hu jiskontaw is-sentenza tagħhom; billi dawk li joqgħodu lura milli jirrikonoxxu l-ħtija tagħhom se jirċievu sentenza ta' ħabs ta' bejn ħames u tmien snin f'kundizzjonijiet "ordinarji", u dawk li jirrifjutaw li jikkooperaw, jekk jinstabu ħatja, jistgħu jeħlu sa 20 sena ħabs;

G.  billi l-ftehim jinkludi wkoll impenn kemm mill-gvern u kif ukoll mill-gruppi tal-gwerilla biex jiżguraw li l-vjolenza ma terġax titwettaq; billi l-uniku punt li fadal biex jiġi nnegozjat hu l-hekk imsejjaħ Ftehim biex jintemm il-kunflitt, li jikkonċerna l-prattikalitajiet tad-demobilizzazzjoni, id-diżarm u r-reintegrazzjoni tal-FARC fis-soċjetà Kolombjana;

H.  billi, skont il-Viċi Prosekutur Ġenerali Jorge Fernando Perdomo, sa 24 000 aġent tal-Istat Kolombjan huma implikati f'delitti relatati mal-gwerra u jistgħu jibbenefikaw mill-Ftehim ta' Ġustizzja Tranżizzjonali jekk ikun hemm paċi mar-ribelli tal-FARC;

I.  billi fis-26 ta' Diċembru 2015, Nicolás Rodríguez, il-mexxej tal-Armata għal-Liberazzjoni Nazzjonali (ELN) – it-tieni l-akbar grupp ribell – qal li l-grupp tal-gwerilla tiegħu u l-gvern qablu dwar aġenda għal negozjati favur il-paċi, bil-għan li jintlaħaq ftehim ta' paċi fil-futur; billi, skont il-Ministru tal-Intern tal-Kolombja, il-gvern għadu ma qabilx li jidħol f'taħditiet ta' paċi mal-ELN;

1.  Jilqa' l-progress li sar biex jintlaħaq ftehim finali ta' paċi, u, b'mod partikolari, ifaħħar l-impenn li ttieħed biex il-vittmi jitpoġġew fil-qalba tal-proċess ta' paċi;

2.  Ifaħħar ir-rwol tal-pajjiżi garanti, Kuba u n-Norveġja waqt it-taħditiet li saru f'Havana, kif ukoll ir-rwol ta' sponsors addizzjonali (il-Venezwela u ċ-Ċilì) u pajjiżi oħrajn li akkumpanjawhom, għall-għajnuna tagħhom f'dan il-proċess ta' paċi;

3.  Jilqa' l-patt dwar il-vittmi li jistabbilixxi "Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi", imwaqqfa biex tisma' konfessjonijiet, biex tiġġudika u tikkastiga lill-awturi ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità u biex tiddetermina r-riparazzjonijiet għall-vittmi, u l-komunikat li tispjega li l-forzi tas-sigurtà se jsibu posthom f'dik il-Ġurisdizzjoni Speċjali;

4.  Jemmen, madankollu, li għad fadal ħafna li għadu ma ġiex definit u li fadal xi lakuni potenzjalment perikolużi, fosthom:

•  it-tifsira eżatta ta' "restrizzjoni effettiva tal-libertà" għal dawk li jammettu r-reati tagħhom,

•  it-trattament tal-"pożittivi foloz" fil-qasam tar-reati kontra d-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-militar,

•  ir-responsabbiltà tal-kmandanti,

•  it-trattament ta' priġunieri kkundannati għal "reati politiċi" u ta' dawk akkużati bi traffikar ta' droga u teħid ta' ostaġġi,

•  ir-riparazzjonijiet finanzjarji tal-FARC għall-vittmi,

•  il-limitu sa fejn persuni b'"libertà ristretta" jistgħu jipparteċipaw fil-ħajja politika,

•  il-ħatra ta' mħallfin tat-tribunal, u

•  is-sanzjonijiet għal sponsors ċivili tal-paramilitarismu;

5.  Iħeġġeġ lill-partijiet, qabel ma jiġi ffirmat il-patt aħħari, u filwaqt li jqisu l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u tas-Sistema Inter-Amerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem, iżidu l-preċiżjoni u jagħlqu l-lakuni, sabiex jiddefinixxu aħjar dawk l-oqsma li mhumiex ċari biżżejjed u li għandhom l-akbar potenzjal għal abbuż;

6.  Jilqa' l-fatt li l-partijiet qablu li mhux se jkun hemm l-ebda amnestija għar-reati l-aktar serji, fosthom id-delitti kontra l-umanità, il-ġenoċidju, id-delitti serji tal-gwerra, it-teħid ta' ostaġġi jew tiċħid ieħor serju tal-libertà, it-tortura, iċ-ċaqliq sfurzat, l-għajbien sfurzat, l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji u l-vjolenza sesswali, u jilqa' dan bħala pass kruċjali 'l quddiem fil-ġlieda kontra l-impunità;

7.  Jemmen li t-twaqqif ta' sottokumitat dwar il-ġeneru biex jiżgura l-inkorporazzjoni ta' perspettiva li tqis il-ġeneri fin-negozjati u l-parteċipazzjoni tal-vittmi ta' vjolenza sesswali u ta' mexxejja ta' organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa fit-taħditiet ta' paċi huma bla preċedent u għandhom ikunu ta' ispirazzjoni għall-proċessi ta' paċi oħra madwar id-dinja;

8.  Itenni l-appoġġ politiku qawwi tal-UE fit-taħditiet ta' paċi f'Havana, u jilqa' b'sodisfazzjon l-appoġġ finanzjarju msaħħaħ mwiegħed mill-Kummissjoni, kif ukoll l-intenzjoni li jinfetaħ fond fiduċjarju tal-UE li jappoġġja l-fażi ta' wara l-kunflitt fil-Kolombja; jemmen li dan il-fond fiduċjarju se jkun effettiv biss jekk l-Istati Membri tal-UE u d-donaturi internazzjonali l-oħra jiffinanzjawh b'mod sinifikanti u jekk ikun prinċipalment dirett lejn il-vittmi tal-kunflitt u lejn programmi orjentati lejn l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' paċi, bħal proġetti għat-tneħħija tal-mini tal-art;

9.  Jenfasizza r-rwol kruċjali li se jiżvolġu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fiż-żmien wara l-ftehim; jemmen li appoġġ b'saħħtu għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali, fosthom gruppi għall-vittmi, komunitarji, tal-fidi u għad-drittijiet tal-bniedem, se jiffaċilita l-bini tal-paċi, speċjalment f'żoni rurali u remoti tal-pajjiż;

10.  Jemmen li għandu jingħata appoġġ speċjali lill-komunitajiet etniċi li sofrew b'mod sproporzjonat waqt il-kunflitt, b'mod partikolari l-komunitajiet u l-individwi Afro-Kolombjani u indiġeni;

11.  Jilqa' l-ftehim li ntlaħaq dwar il-punt tal-kummerċ tad-drogi illegali u d-deċiżjoni biex jiġu implimentati politiki għall-qerda u s-sostituzzjoni ta' wċuħ tar-raba' illeċiti; jenfasizza l-ħtieġa għal pjanijiet biex jiġu żviluppati l-komunitajiet rurali, inklużi programmi biex jitneħħew il-mini tal-art miż-żoni rurali, u jilqa' b'sodisfazzjon l-arranġamenti biex il-bdiewa li jkabbru wċuħ tar-raba' illeċiti jiġu trattati b'mod differenti mill-organizzazzjonijiet kriminali involuti f'fażijiet oħra tal-kummerċ tad-droga, minħabba li dawn il-persuni għandhom jingħataw l-opportunità li jerġgħu jiġu integrati fis-soċjetà Kolombjana; jitlob ukoll għal appoġġ għan-nies li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bexx mill-ajru ta' glifosat, li hu karċinoġen, u li jintuża bħala l-ingredjent prinċipali għall-fumigazzjoni mill-ajru;

12.  Jemmen li la jintlaħaq ftehim, il-gvern Kolombjan se jkollu jwettaq tranżizzjoni lejn rwol aktar limitat għall-forzi armati; jemmen li kemm il-forzi armati u kemm il-pulizija għandhom jiġu mħarrġa f'metodi għaż-żamma tal-ordni fil-komunità u fir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, b'mekkaniżmu ta' sorveljanza b'saħħtu;

13.  Jemmen li l-paċi fil-Kolombja tista' biss tiġi kkonsolidata jekk jintlaħaq ftehim ukoll mal-ELN; iħeġġeġ lill-partijiet isibu modi biex isir progress fid-diskussjonijiet u biex jibdew in-negozjati uffiċjali;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lill-Gvern u l-Kungress tal-Kolombja.