Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0063/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0063/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2016

14.1.2016 - (2015/3035(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Barbara Lochbihler, Judith Sargentini, Molly Scott Cato f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0050/2016

Proċedura : 2015/3035(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0063/2016
Testi mressqa :
B8-0063/2016
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B8-0063/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2016

(2015/3035(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi r-riżoluzzjonijiet ta' urġenza tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar ir-Rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja fl-2014 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni[1],

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-2015 tal-UNHRC lill-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-2015 u l-2016 huma snin ta' anniversarji importanti f'dak li jirrigwarda t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, il-paċi u s-sigurtà: is-70 anniversarju mit-twaqqif tan-Nazzjonijiet Uniti, il-50 anniversarju tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR), u t-30 u l-20 anniversarju tad-Dikjarazzjoni dwar id-Dritt għall-Iżvilupp (1986) u tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma għal Azzjoni ta' Beijing (1995) rispettivament; u l-15-il anniversarju tar-riżoluzzjoni storika tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà (2000) u tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (2000); billi dawn l-anniversarji jikkoinċidu mal-aktar kriżi umanitarja serja mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn, rappreżentata minn għadd dejjem akbar ta' persuni li qed ikunu imġiegħla jħallu djarhom minħabba t-tibdil fil-klima, il-persekuzzjoni, il-kunflitti armati u l-vjolenza ġeneralizzata;

B.  billi d-difiża tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem irrispettivament mir-razza, l-oriġini, il-klassi, il-kasta, is-sess, l-orjentazzjoni sesswali jew il-kulur hija obbligu għall-Istati kollha, billi jtenni l-impenn tiegħu favur l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem – sew jekk politiċi, ċivili, ekonomiċi, soċjali jew kulturali – li huma interrelatati u interdipendenti, u billi t-tiċħid ta' kwalunkwe wieħed minn dawn id-drittijiet għandu impatt dirett u negattiv fuq l-oħrajn;

C.  billi l-Istati kollha għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet bażiċi tal-popolazzjonijiet rispettivi tagħhom u d-dmir li jieħdu azzjoni konkreta biex jiffaċilitaw ir-rispett ta' dawk id-drittijiet fil-livell nazzjonali, u li jikkooperaw fil-livell internazzjonali bil-għan li jiġu eliminati l-ostakli għar-realizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha;

D.  billi r-rispett, il-promozzjoni u s-salvagwardja tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem huma parti mill-acquis etiku u ġuridiku tal-Unjoni Ewropea u huma wieħed mill-pedamenti tal-għaqda u l-integrità Ewropea; billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Istati Membri tagħha għandha impatt dirett fuq il-kredibbiltà tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem barra mill-Unjoni;

E.  billi l-azzjoni tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi hija ggwidata mill-Artikolu 21 tat-Trattat ta' Lisbona, li jafferma mill-ġdid l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u jistabbilixxi l-obbligu li l-UE tirrispetta d-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, kif ukoll dawk tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali fl-azzjoni tagħha fix-xena internazzjonali;

F.  billi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem għandu jkun integrat fl-oqsma politiċi kollha li jinvolvu l-paċi u s-sigurtà, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-migrazzjoni, il-kummerċ u l-investiment, l-azzjoni umanitarja, it-tibdil fil-klima u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, peress li dawn ma jistgħux jiġu indirizzati separatament mir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

G.  billi s-sessjonijiet regolari tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC), il-ħatra ta' Rapporteurs Speċjali, il-mekkaniżmu ta' Eżami Perjodiku Universali (EPU) u l-Proċedura Speċjali li tittratta sitwazzjonijiet nazzjonali speċifiċi jew kwistjonijiet tematiċi, ilkoll jikkontribwixxu għall-isforz internazzjonali għall-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

H.  billi xi membri tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem huma kkunsidrati fost l-agħar trasgressuri tad-drittijiet tal-bniedem u għandhom passat dubjuż f'dak li għandu x'jaqsam mal-kooperazzjoni mal-Proċeduri Speċjali tan-NU u l-konformità mal-obbligi ta' rapportar tagħhom fir-rigward tal-korpi tat-trattat dwar id-drittijiet tal-bniedem tan-NU;

Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU

1.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-membri tal-UNHRC għandhom ikunu eletti minn fost l-Istati li jiddefendu l-ogħla standards fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija, u jħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jippromwovu kriterji bbażati fuq ir-riżultati fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem biex kwalunkwe Stat jiġi elett bħala membru tal-UNHRC; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-abbużi mifruxa u sistematiċi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem f'diversi Stati Membri tal-UNHRC, inklużi r-Russja, iċ-Ċina u l-Arabja Sawdija; jistieden lill-Istati Membri tal-UE ma jivvutawx favur is-sħubija ta' Stati li jwettqu tali ksur tad-drittijiet tal-bniedem fuq skala kbira u jippubblikaw il-voti tagħhom;

2.  Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu favur l-indipendenza u l-integrità tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (aktar 'il quddiem "l-Uffiċċju") u jenfasizza li huwa importanti li wieħed jiddefendi din l-indipendenza, sabiex jiġi żgurat li l-Uffiċċju jkun jista' jkompli jeżerċita l-ħidma tiegħu b'mod effikaċi u imparzjali; itenni li l-Uffiċċju jeħtieġ jiġi ffinanzjat b'mod adegwat u jingħata appoġġ sħiħ;

3.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Proċeduri Speċjali u għall-istatus indipendenti tad-detenturi tal-mandat biex dawn ikunu jistgħu jaqdu l-funzjoni tagħhom b'imparzjalità sħiħa; jiddeplora profondament in-nuqqas ta' kooperazzjoni li wrew xi Stati Membri, bħall-Venezwela, l-Arabja Sawdija u l-Etjopja, u Stati osservaturi bħall-Vjetnam, iż-Żimbabwe, l-Użbekistan u t-Turkmenistan, ma' proċeduri speċjali tematiċi, kif ukoll in-nuqqas ta' kooperazzjoni mal-proċeduri speċjali nazzjonali speċifiċi min-naħa tal-pajjiżi kkonċernati, fosthom Iżrael; jistieden lill-Istati kollha jikkooperaw bis-sħiħ ma' dawn il-proċeduri;

4.  Jafferma mill-ġdid l-importanza tal-universalità tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU), bil-għan li jintlaħaq fehim sħiħ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Istati Membri kollha tan-NU, u jtenni l-appoġġ tiegħu għat-tieni ċiklu ta' eżami; jappella, għal darb'oħra, biex meta jitkompla l-proċess tal-EPU jerġgħu jiġu kkunsidrati r-rakkomandazzjonijiet li ma ġewx aċċettati mill-Istati matul l-ewwel ċiklu;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati, u b'mod partikolari s-soċjetà ċivili, jipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċess tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU), u jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-fatt li limitazzjonijiet gravi, flimkien ma' restrizzjonijiet u intimidazzjonijiet dejjem akbar, fixklu l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess tal-EPU;

6.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni jkomplu jaħdmu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Eżami Perjodiku Universali fid-djalogi politiċi kollha tal-UE mal-pajjiżi kkonċernati bil-għan li jiġu esplorati modi u mezzi ta' implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet permezz ta' strateġiji nazzjonali u reġjonali;

7.  Jappella, fl-okkażjoni tal-10 anniversarju tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, biex issir valutazzjoni tal-impatt tal-Kunsill u ta' kemm dan qed iwettaq il-mandat tiegħu, kif ukoll tal-ħtieġa li tingħata aktar attenzjoni għall-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet u d-deċiżjonijiet l-oħra tiegħu; jesprimi tħassib dwar il-prattika li Stati ħatja ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem iħejju r-riżoluzzjonijiet tagħhom stess, u jinnota li sikwit jagħmlu dan mhux bl-intenzjoni li fil-fatt jindirizzaw is-sitwazzjoni, iżda bil-għan li jgħattu l-atti u n-nuqqasijiet tagħhom u jilqgħuhom mill-iskrutinju internazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li s-sitwazzjonijiet nazzjonali kollha jiġu indirizzati fuq il-merti tagħhom mingħajr selettività; jenfasizza l-importanza li l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili tiġi integrata fl-aspetti kollha tal-ħidma tal-Kunsill, u li titrawwem azzjoni miftiehma għall-prevenzjoni u l-indirizzar tar-rappreżalji;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-Inizjattiva għall-Bidla tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, maħsuba biex ittejjeb u ssaħħaħ il-preżenza globali tal-uffiċċji tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU bil-ħolqien ta' tmien hubs reġjonali għall-protezzjoni u l-promozzjoni tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem b'kollaborazzjoni diretta mas-sħab bil-għan li r-rakkomandazzjonijiet dwar il-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem jissarrfu f'bidliet reali fil-prattika;

L-Istati Membri tal-UE fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem

9.  Jiddeplora l-qasma u n-nuqqas ta' għaqda li hemm fost l-Istati Membri tal-UE fir-rigward ta' għadd ta' sitwazzjonijiet f'pajjiżi differenti matul l-aħħar sena, inkluż dwar l-Ażerbajġan, il-Bahrain, l-Eġittu u l-Jemen, meta bosta Stati Membri rrifjutaw li jiffirmaw id-dikjarazzjoni konġunta tal-UE jew saħansitra mminaw attivament l-inizjattivi ta' Stati Membri oħra tal-UE;

10.  Jiddeplora l-passività ta' xi Stati Membri tal-UE fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem; jiddispjaċih li dik dwar il-Belarussja hija l-unika riżoluzzjoni ġdida li l-UE ddeċidiet li tmexxi bħala grupp sa mill-ħolqien tal-Kunsill; jistieden lill-Istati Membri tal-UE fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem juru tmexxija aktar b'saħħitha fir-rigward tas-sitwazzjonijiet fil-pajjiżi differenti u jimmobilizzaw l-azzjoni f'sitwazzjonijiet li għadhom ma ġewx indirizzati mill-Kunsill;

11.  Jiddeplora l-imġiba tal-Istati Membri tal-UE fil-votazzjoni dwar għadd ta' kwistjonijiet ta' importanza kritika għan-Nofsinhar tad-dinja, li fihom l-Istati Membri tal-UE astjenew jew fil-parti l-kbira minnhom ivvutaw kontra għadd ta' riżoluzzjonijiet, li fl-aħħar mill-aħħar ġew adottati, bħal dawk dwar ir-ripatrijazzjoni ta' fondi ta' oriġini illegali, il-kumpaniji militari u tas-sigurtà privati, id-drones armati, id-dejn barrani, id-dritt għall-edukazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem u s-solidarjetà internazzjonali, il-miżuri koerċittivi unilaterali, il-merċenarji, id-dritt għall-paċi, id-drittijiet tal-bniedem tar-raħħala, ir-razziżmu, il-popli ta' nisel Afrikan, id-dritt għall-iżvilupp u l-promozzjoni ta' ordni dinji ekwu u demokratiku; jiddeplora wkoll il-qasma li għad hemm fost l-Istati Membri tal-UE fil-UNHRC dwar għadd ta' riżoluzzjonijiet tematiċi importanti, inkluż dwar id-drones armati, id-dritt għall-paċi, il-ġlieda kontra r-razziżmu u d-dritt għall-iżvilupp;

12.  Iqis li l-mod kif ivvutaw sal-lum l-Istati Membri tal-UE fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem jikkuntrasta sew mal-impenn iddikjarat tal-UE fir-rigward tal-indiviżibbiltà tad-drittijiet u, b'mod partikolari, id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, u jirrifletti n-nuqqas kollettiv tal-UE li tikkontribwixxi b'suċċess għall-iżvilupp ta' standards globali f'dawn l-oqsma; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jirrapporta lura lill-Parlament dwar din is-sitwazzjoni u jħeġġeġ analiżi fil-fond dwar l-approċċ tal-UE u tal-Istati Membri fil-konfront tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-hekk imsejħa "drittijiet tal-ġenerazzjoni l-ġdida" fil-Kunsill; jappella biex l-involviment tal-Istati Membri tal-UE fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem ikun ibbażat aktar fuq il-prinċipji u ma jkunx selettiv; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jintegraw id-drittijiet tal-bniedem fl-attivitajiet u fil-pożizzjonijiet kollha tagħhom fi ħdan is-sistema usa' tan-NU;

Id-drittijiet ċivili u politiċi

13.  Itenni li l-għażla libera tal-mexxejja politiċi, abbażi ta' vot universali u ekwu f'elezzjonijiet ġenwini organizzati perjodikament, hija dritt fundamentali li kull ċittadin għandu jgawdi f'konformità mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR);

14.  Jafferma mill-ġdid li l-eżistenza tal-libertà ta' espressjoni u kuntest vibranti u favorevoli għal soċjetà ċivili indipendenti u pluralista huma rekwiżiti preliminari għall-promozzjoni tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

15.  Huwa tal-fehma li t-teknoloġiji diġitali kontemporanji joffru vantaġġi u sfidi għall-protezzjoni tad-dritt għall-privatezza u għall-eżerċizzju tal-libertà ta' espressjoni online fid-dinja kollha; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan il-kuntest, il-ħatra ta' Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Dritt għall-Privatezza fl-Era Diġitali, li fil-mandat tiegħu hemm inklużi l-kwistjonijiet ta' sorveljanza u privatezza li n-nies jiffaċċjaw online jew offline;

16.  Itenni l-oppożizzjoni li ilu jħaddan kontra l-piena tal-mewt u t-tortura, kif ukoll it-trattament jew il-pieni krudili, inumani jew degradanti fil-każijiet kollha u f'kull ċirkustanza; jenfasizza għal darb'oħra li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-dinjità tal-bniedem;

17.  Ifaħħar il-progress sostanzjali li sar s'issa, hekk kif bosta pajjiżi ssospendew il-piena tal-mewt filwaqt li oħrajn adottaw miżuri leġiżlattivi għat-tneħħija tal-piena tal-mewt; jesprimi, madankollu, id-dispjaċir tiegħu li f'dawn l-aħħar ftit snin f'ċerti pajjiżi reġgħu ddaħħlu l-eżekuzzjonijiet; jistieden lill-Istati li abolixxew il-piena tal-mewt jew li għandhom moratorju twil fuq il-piena tal-mewt biex ma jerġgħux jintroduċuha, u jistieden lil dawk li għad għandhom il-piena tal-mewt jadottaw moratorju bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni tagħha;

18.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jimplimentaw il-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw li ma jkunux qed jikkontribwixxu direttament jew indirettament għall-impożizzjoni jew l-eżekuzzjoni tal-piena tal-mewt – fl-Istati fejn għadha teżisti – bi kwalunkwe mezz, inkluż bl-għoti ta' appoġġ fl-infurzar tal-liġi jew assistenza lill-awtoritajiet ta' prosekuzzjoni li jistgħu jikkontribwixxu għal sentenza tal-mewt;

Id-drittijiet soċjali u ekonomiċi

19.  Jiddispjaċih li aktar minn 20 sena wara l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Vjenna dwar l-universalità u l-indiviżibbiltà, kif ukoll l-interdipendenza u n-natura interrelatata tad-drittijiet tal-bniedem kollha, l-UE u l-Istati Membri tagħha ma jqisux il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR) bl-istess mod u bl-istess enfasi bħall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, bħalma turi l-imġiba tal-UE fil-votazzjonijiet fil-UNHRC; jirrikonoxxi l-isforzi tal-UNHRC biex id-drittijiet tal-bniedem kollha jiġu kkunsidrati ndaqs u bl-istess enfasi, permezz tal-istabbiliment ta' detenturi tal-mandat ta' Proċedura Speċjali b'rabta mad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali; jinsisti li għandhom isiru sforzi partikolari, anke min-naħa tal-Istati Membri tal-UE, biex tkun żgurata ratifika wiesgħa tal-Protokoll Fakultattiv tal-ICESCR li jistabbilixxi mekkaniżmi ta' lment u inkjesta;

20.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar iż-żieda fil-faqar estrem, li jipperikola t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem kollha; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, ir-rapport tar-Rapporteur Speċjali tal-UNHRC dwar il-faqar estrem u d-drittijiet tal-bniedem (A/HRC/29/31) u jappoġġja l-proposti tiegħu għall-eliminazzjoni tal-faqar estrem, fosthom: li d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali jingħataw l-istess prominenza u prijorità li jingħataw lid-drittijiet ċivili u politiċi; li jiġi rikonoxxut id-dritt għall-protezzjoni soċjali; li jiġu implimentati politiki fiskali mmirati speċifikament biex titnaqqas l-inugwaljanza; li d-dritt għall-ugwaljanza jiġi rivitalizzat u tingħatalu sustanza; u li l-kwistjonijiet dwar ir-ridistribuzzjoni tar-riżorsi jitqiegħdu fil-qalba tad-diskussjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem;

21.  Huwa tal-opinjoni li l-korruzzjoni, l-evażjoni tat-taxxa, il-ġestjoni ħażina tal-beni pubbliċi u nuqqas ta' responsabbiltà jikkontribwixxu għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini, billi dawn jiddevjaw il-fondi mill-baġits tal-Istati li għandhom ikunu ddedikati għall-avvanz tad-drittijiet tal-bniedem f'servizzi pubbliċi tant meħtieġa bħall-edukazzjoni, is-servizzi tas-saħħa bażiċi u infrastruttura soċjali oħra; iqis li l-azzjoni maħsuba biex tiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment id-drittijiet għall-informazzjoni, għal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda, għal ġudikatura indipendenti u għal parteċipazzjoni demokratika fl-affarijiet pubbliċi, hija strumentali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

22.  Jenfasizza li l-minoranzi f'pajjiżi terzi għandhom ħtiġijiet speċifiċi u li l-ugwaljanza sħiħa tagħhom għandha tiġi promossa fl-oqsma kollha tal-ħajja ekonomika, soċjali, politika u kulturali;

Il-popli indiġeni

23.  Jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw b'mod attiv il-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-popli indiġeni fis-sessjonijiet kollha tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw il-fatt li l-popli indiġeni huma partikolarment vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, u jappoġġjaw b'mod attiv il-parteċipazzjoni tagħhom fl-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jitolbu li d-detenturi kollha ta' mandat ta' Proċedura Speċjali jagħtu attenzjoni speċjali lill-kwistjonijiet li jolqtu lin-nisa, liż-żgħażagħ u lill-persuni b'diżabilità indiġeni, u jirrapportaw sistematikament dawn il-kwistjonijiet lill-UNHRC; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Istati Membri jappoġġjaw b'mod attiv l-iżvilupp tal-pjan ta' azzjoni għas-sistema kollha dwar il-popli indiġeni, kif mitlub mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fir-riżoluzzjoni tagħha ta' Settembru 2014, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni ta' konsultazzjoni regolari mal-popli indiġeni bħala parti minn dak il-proċess;

Id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem

24.  Jikkundanna l-intimidazzjonijiet kontinwi u d-detenzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-membri tal-oppożizzjoni min-naħa tal-forzi tal-gvern f'għadd ta' pajjiżi terzi; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-leġiżlazzjoni inġusta u restrittiva, inklużi r-restrizzjonijiet fuq il-finanzjament barrani, li qed jirriżultaw fi spazju dejjem aktar limitat għall-attivitajiet tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-gvernijiet kollha jippromwovu u jappoġġjaw il-libertà tal-midja, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-attivitajiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jippermettulhom joperaw mingħajr biża', repressjoni jew intimidazzjoni;

25.  Jistieden lill-gvernijiet kollha jħallu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jikkooperaw mal-UNHRC fil-Mekkaniżmu tal-EPU u jiżguraw li l-pajjiżi responsabbli għal rappreżalji kontra l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem jinżammu responsabbli;

26.  Iqis li l-intimidazzjoni kontinwa u d-detenzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ta' esponenti tal-oppożizzjoni minn għadd ta' membri tal-UNHRC jimminaw il-kredibbiltà tal-UNHRC; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu inizjattiva fil-livell tan-NU biex titfassal risposta koerenti u komprensiva għall-isfidi ewlenin li jiffaċċjaw madwar id-dinja d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu fuq id-drittijiet tan-nisa, id-difiża tad-drittijiet ambjentali, l-art u d-drittijiet tal-popli indiġeni, il-korruzzjoni u l-impunità, kif ukoll il-ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem oħra li jużaw il-mezzi tax-xandir, inklużi l-internet u l-midja soċjali, filwaqt li jikkundannaw sistematikament il-qtil tagħhom;

In-negozju u d-drittijiet tal-bniedem

27.  Jappoġġja bil-qawwa l-implimentazzjoni effikaċi u komprensiva tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, fl-UE u lil hinn minnha, u jħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jadottaw u jimplimentaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiġu indirizzati l-lakuni fl-implimentazzjoni effikaċi tal-Prinċipji Gwida tan-NU, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja u r-rimedji;

28.  Jistieden lin-NU u lill-UE jindirizzaw il-kwistjoni tad-difensuri tad-drittijiet għall-art, li huma vittmi ta' rappreżalji, anke fil-forma ta' theddid, intimidazzjonijiet, arrest arbitrarju, attakki u qtil, talli jikkritikaw l-akkwist ta' art fuq skala kbira a skapitu tad-drittijiet għall-art u l-ikel tal-popolazzjonijiet rurali f'pajjiżi terzi, b'mod partikolari b'rabta mal-investimenti u l-attivitajiet ta' kumpaniji multinazzjonali u Ewropej; jappella biex il-mekkaniżmi tan-NU u tal-UE jindirizzaw konsistentement il-kwistjoni tal-ħtif tal-art kif ukoll dik tad-difensuri tad-drittijiet għall-art bħala kwistjoni ta' prijorità;

29.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem biex isaħħaħ il-Proġett għar-Responsabbiltà u r-Rimedji bil-għan li jagħti kontribut lil sistema ġusta u aktar effikaċi tar-rimedji fid-dritt nazzjonali, partikolarment f'każi ta' abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem fis-settur tan-negozju; jistieden lill-gvernijiet kollha jaqdu dmirijiethom biex jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi li jħabbtu wiċċhom ma' sfidi prattiċi u ġuridiċi biex jiksbu aċċess għar-rimedji fil-livelli nazzjonali u internazzjonali, fir-rigward ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatat man-negozju;

30.  Jiddeplora l-vot negattiv u l-ostruzzjoniżmu min-naħa tal-Istati Membri tal-UE fir-rigward tat-twaqqif tal-Grupp ta' Ħidma Intergovernattiv (IGWG) miftuħ dwar it-tfassil ta' strument internazzjonali legalment vinkolanti dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tal-IGWG s'issa u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv fin-negozjati;

Il-migrazzjoni u r-rifuġjati

31.  Jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-mekkaniżmi tiegħu jagħtu l-akbar attenzjoni lill-implikazzjonijiet li l-għadd kbir ta' rifuġjati u migranti madwar id-dinja għandu fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, u jagħmlu rakkomandazzjonijiet f'dan is-sens; jenfasizza bi tħassib kbir li l-fruntiera esterna Ewropea saret l-aktar fruntiera perikoluża fid-dinja; jitlob li d-drittijiet tal-bniedem jiġu integrati fil-politiki kollha relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri u fl-attivitajiet li jsiru mill-FRONTEX, inkluż it-twaqqif ta' mekkaniżmu għall-ilmenti;

32.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw il-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, flimkien mal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu – inkluża t-talba biex tiżdied il-ħidma sabiex jinstabu toroq legali ġodda ta' migrazzjoni għal dawk f'sitwazzjonijiet umanitarji – u jimplimentaw malajr ir-riforma filwaqt li jipprovdu u jaħdmu fuq aktar opportunitajiet ta' risistemazzjoni;

33.  Jesprimi tħassib dwar id-diskriminazzjoni kontinwa u mifruxa kontra l-migranti, inklużi dawk li jfittxu asil u r-rifuġjati, u l-ksur ta' drittijiethom; jistieden lill-pajjiżi kollha jadottaw approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-migrazzjoni, li jqiegħed id-drittijiet tal-migranti, dawk li jfittxu asil u r-rifuġjati fiċ-ċentru tal-politiki u l-ġestjoni tal-migrazzjoni, billi jagħtu attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tal-gruppi ta' migranti emarġinati u żvantaġġati, bħan-nisa u t-tfal; jistieden lill-Istati kollha jindirizzaw il-vjolenza relatata mal-ġeneru kontra n-nisa u l-bniet, u jisħaq fuq l-importanza li l-politika tal-migrazzjoni titfassal minn perspettiva tal-ġeneru bil-għan li tirrispondi għall-ħtiġijiet partikolari tagħhom;

34.  Ifakkar li l-Istati kollha għandhom l-obbligu li jirrispettaw u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem tal-individwi kollha taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, irrispettivament min-nazzjonalità jew l-oriġini tagħhom u irrispettivament mill-istatus ta' immigrazzjoni tagħhom; ifakkar li r-ritorn ta' migranti għandu jsir biss b'mod li jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet tal-migranti, abbażi ta' deċiżjonijiet liberi u infurmati, u meta l-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom tkun iggarantita f'pajjiżhom; jistieden lill-gvernijiet iwaqqfu l-arrest arbitrarju u d-detenzjoni tal-migranti, u jirrispettaw rigorożament il-projbizzjoni ta' refoulement; itenni l-appell tiegħu lill-UE biex tiżgura li l-ftehimiet kollha dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni u ta' riammissjoni ma' Stati mhux tal-UE jkunu konformi mad-dritt internazzjonali;

It-tibdil fil-klima u d-drittijiet tal-bniedem

35.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Ftehim ta' Pariġi taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li jkopri l-adattament, it-tafja, l-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija kif ukoll il-bini tal-kapaċità; jinsisti li l-kwistjoni tat-tibdil fil-klima għandha tiġi integrata fl-oqsma kollha tal-politika ekonomika; iħeġġeġ lill-Istati Partijiet kollha li huma firmatarji għal dan il-Ftehim jadottaw miżuri urġenti u ambizzjużi ta' tafja u adattament billi jintegraw it-tibdil fil-klima fl-oqsma kollha tal-politika; jinsisti li l-politiki u l-azzjonijiet kollha dwar l-UNFCCC għandhom ikunu bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem;

36.  Ifakkar li l-impatt negattiv tat-tibdil fil-klima jirrappreżenta theddida globali immedjata u potenzjalment irriversibbli għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem, u li l-impatt tiegħu fuq il-gruppi vulnerabbli, li s-sitwazzjoni ta' drittijiethom hija diġà prekarja, huwa konsiderevoli; jinnota bi tħassib li inċidenti relatati mal-klima, bħaż-żieda fil-livelli tal-baħar u tibdil estrem fil-klima li jipprovoka nixfiet u għargħar, huma mistennija jwasslu għal aktar imwiet, spostament ta' popolazzjonijiet, u nuqqas ta' ikel u ilma;

37.  Jistieden lill-komunità internazzjonali tindirizza l-lakuni ġuridiċi fit-terminu "rifuġjat minħabba l-klima", inkluża d-definizzjoni tiegħu fid-dritt internazzjonali jew fi kwalunkwe ftehim internazzjonali legalment vinkolanti;

Id-drittijiet tan-nisa

38.  Jisħaq fuq l-importanza li l-acquis tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing fir-rigward tal-aċċess għall-edukazzjoni u s-saħħa bħala dritt bażiku tal-bniedem, u l-protezzjoni tad-drittijiet sesswali u riproduttivi, ma jiġix imminat; jenfasizza l-fatt li r-rispett universali tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, kif ukoll l-aċċess għas-servizzi rilevanti jikkontribwixxu biex titnaqqas il-mortalità materna u tat-trabi; jirrimarka li l-ippjanar tal-familja, is-saħħa materna, l-aċċess faċli għall-kontraċezzjoni u aborti sikuri huma elementi importanti biex jiġu salvati l-ħajjiet tan-nisa u jgħinuhom jibnu ħajjithom mill-ġdid jekk ikunu sfaw vittmi ta' stupru; jenfasizza l-ħtieġa li dawn il-politiki jitpoġġew fil-qalba tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-azzjoni umanitarja ma' pajjiżi terzi;

39.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-Riżoluzzjoni 2242 reċenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, li tagħmel lin-nisa l-komponent ċentrali fl-isforzi kollha biex jiġu indirizzati l-isfidi globali, inkluża ż-żieda fl-estremiżmu vjolenti, it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, l-iżvilupp sostenibbli, il-paċi u s-sigurtà; ifaħħar il-konklużjonijiet tal-Istudju Globali tan-NU dwar l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, li fihom ġiet enfasizzata l-importanza tat-tmexxija u l-parteċipazzjoni tan-nisa fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u l-konsolidazzjoni tal-paċi u li l-involviment tagħhom tejjeb l-assistenza umanitarja, saħħaħ l-isforzi tal-forzi taż-żamma tal-paċi, iffavorixxa l-konklużjoni ta' taħditiet ta' paċi u għen fil-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti;

40.  Jinsab ixxukkjat li mindu tfaċċaw gruppi estremisti vjolenti bħad-Daesh fis-Sirja u l-Iraq, jew il-Boko Haram fl-Afrika tal-Punent, il-vjolenza kontra n-nisa – b'mod partikolari l-vjolenza sesswali – saret parti integrali mill-objettivi, l-ideoloġija u s-sors ta' dħul ta' dawn il-gruppi estremisti, u poġġiet sfida ġdida kritika quddiem il-komunità internazzjonali; jistieden lill-gvernijiet kollha u lill-istituzzjonijiet tan-NU jintensifikaw l-impenn tagħhom fil-ġlieda kontra dawn id-delitti abominabbli u jerġgħu jġibu d-dinjità tan-nisa bil-għan li ssir ġustizzja magħhom, jingħataw riparazzjoni u jirċievu sostenn adegwat;

41.  Iqis li l-fatt li tiġi ggarantita l-awtonomija tan-nisa, billi jiġu indirizzati l-inugwaljanzi sottostanti bejn in-nisa u l-irġiel li jrendu lin-nisa u t-tfajliet vulnerabbli fi żminijiet ta' kunflitt, huwa mod wieħed kif jiġi miġġieled l-estremiżmu; jistieden lin-NU u lill-Istati Membri kollha tagħha jieħdu miżuri konkreti biex jiżguraw l-awtonomija tan-nisa, l-inklużjoni sinifikanti tagħhom fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti u fil-proċess tan-negozjati u l-konsolidazzjoni tal-paċi, billi tiżdied ir-rappreżentanza tagħhom fil-livelli deċiżjonali kollha, fosthom fl-istituzzjonijiet u fil-mekkaniżmi nazzjonali, reġjonali u internazzjonali;

Id-drittijiet tat-tfal

42.  Ifakkar li l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li ġiet adottata fl-1989 u hija l-aktar trattat internazzjonali ratifikat fl-ambitu tad-drittijiet tal-bniedem, tiddefinixxi għadd ta' drittijiet tat-tfal, fosthom id-dritt għas-saħħa, għall-edukazzjoni u għal-logħob, kif ukoll id-dritt għall-ħajja fil-familja, id-dritt li jitħarsu mill-vjolenza u mid-diskriminazzjoni u li jinstemgħu fehmiethom; jistieden lill-firmatarji kollha ta' dan it-trattat jonoraw l-obbligu tagħhom; jistieden lill-Istati Uniti, l-uniku pajjiż fid-dinja li għadu ma rratifikax din il-Konvenzjoni, jagħmel dan bi prijorità;

43.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-istudju globali li hemm ippjanat u li għandu jiġi varat min-NU biex, permezz tal-monitoraġġ u ta' analiżi valutattiva, jiġi mmappjat il-mod kif il-liġijiet u l-istandards internazzjonali qed jiġu implimentati fil-prattika u biex jiġu vvalutati l-possibbiltajiet konkreti għall-Istati biex itejbu l-politiki u r-risposti tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati kollha jappoġġjaw u jipparteċipaw b'mod attiv f'dan l-istudju;

44.  Jinnota bi tħassib li fl-2015, f'diversi pajjiżi madwar id-dinja, għadd ta' persuni ġew ikkundannati għall-mewt għal reati mwettqa meta kellhom inqas minn 18-il sena minkejja l-projbizzjoni fuq l-użu tal-piena tal-mewt għall-minorenni fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

Id-drittijiet tal-persuni LGBTI

45.  Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-persistenza ta' liġijiet u prattiki diskriminatorji u ta' atti ta' vjolenza kontra individwi f'diversi pajjiżi, abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru tagħhom, inkluż l-użu tal-piena tal-mewt f'xi pajjiżi, jinkoraġġixxi l-monitoraġġ mill-qrib tas-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI f'pajjiżi fejn liġijiet anti-LGBTI introdotti dan l-aħħar qed jheddu l-ħajja ta' persuni li jappartjenu għall-minoranzi sesswali; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-hekk imsejħa liġijiet "kontra l-propaganda" li jillimitaw il-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda, anke f'pajjiżi fil-kontinent Ewropew;

46.  Jappoġġja l-ħidma kontinwa tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-ġlieda kontra dawn il-liġijiet diskriminatorji, b'mod partikolari permezz ta' dikjarazzjonijiet, rapporti u l-kampanja "Free & Equal" (Liberi u Ndaqs), kif ukoll il-ħidma ta' korpi oħra tan-NU; jinsab imħasseb dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBTI, u jappella lill-UE żżid l-appoġġ tagħha fil-konfront tagħhom; jinnota li d-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTI aktarx li jiġu rispettati aktar jekk dawn ikollhom aċċess għal istituzzjonijiet ġuridiċi, possibbilment permezz ta' sħubijiet reġistrati jew żwieġ; jitlob lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem joħloq proċedura speċjali jew mekkaniżmu ieħor biex tiġi żgurata attenzjoni sistematika lil dawn il-kwistjonijiet;

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu u d-drittijiet tal-bniedem

47.  Ifakkar li r-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali huwa l-bażi tas-suċċess tal-politiki kontra t-terroriżmu, inkluż l-użu tat-teknoloġiji ta' sorveljanza diġitali, u jħeġġeġ li d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt ikunu rispettati fl-attivitajiet kollha fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, li huwa wkoll prinċipju fundamentali tal-Istrateġija Globali tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Terroriżmu;

L-isport u d-drittijiet tal-bniedem

48.  Jikkundanna l-prattika dejjem aktar komuni, min-naħa ta' Stati awtoritarji, li jospitaw avvenimenti sportivi jew kulturali enormi sabiex isaħħu l-leġittimità internazzjonali tagħhom filwaqt li jrażżnu ulterjorment id-dissens intern; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jqajmu din il-kwistjoni attivament, inkluż fil-UNHRC, u jimpenjaw ruħhom mal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali, l-atturi korporattivi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-rigward tal-aspetti prattiċi tal-parteċipazzjoni tagħhom f'avvenimenti bħal dawn, inklużi t-Tazza tad-Dinja tal-FIFA fir-Russja fl-2018 u fil-Qatar fl-2022 u l-Logħob Olimpiku f'Beijing fl-2022; jappella biex jiġi żviluppat qafas ta' politika tal-UE u n-NU dwar l-isport u d-drittijiet tal-bniedem;

Il-ġlieda kontra l-impunità/il-QKI

49.  Jafferma mill-ġdid l-impenn qawwi tiegħu biex tintemm l-impunità għall-aktar delitti serji li huma ta' tħassib għall-komunità internazzjonali, li ssir ġustizzja mal-vittmi ta' delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju, inklużi dawk marbuta mal-vjolenza sesswali, u jtenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); jibqa' attent għal kwalunkwe tentattiv biex tiġi mminata l-leġittimità jew l-indipendenza tal-Qorti; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li diversi mandati ta' arrest għadhom ma ġewx eżegwiti; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jikkooperaw mal-Qorti u jagħtuha appoġġ diplomatiku, politiku u finanzjarju b'saħħtu, inkluż fin-NU; jappella biex jiżdiedu l-isforzi fil-promozzjoni tal-universalità tal-Istatut ta' Ruma permezz tar-ratifika tiegħu, bl-emendi ta' Kampala b'kollox, u l-implimentazzjoni effikaċi tiegħu;

Id-drones u l-armi awtonomi

50.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill tal-UE biex jiżviluppa pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-użu ta' drones armati, li tagħti importanza kbira lir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali u tindirizza kwistjonijiet bħall-qafas ġuridiku, il-proporzjonalità, ir-responsabbiltà, il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u t-trasparenza; iħeġġeġ lill-UE, għal darb'oħra, tipprojbixxi l-produzzjoni, l-iżvilupp u l-użu ta' armi kompletament awtonomi, li jippermettu li jsiru attakki mingħajr intervent uman; jinsisti li d-drittijiet tal-bniedem ikunu parti integrali mid-djalogi kollha li jsiru ma' pajjiżi terzi dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu; jiddeplora l-vot negattiv ta' Franza u r-Renju Unit fuq l-aħħar riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar drones armati fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-operazzjonijiet militari f'konformità mad-dritt internazzjonali;

Id-drittijiet tal-bniedem u l-politika kontra d-droga

51.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-dikjarazzjoni konġunta magħmula fis-7 ta' Ottubru 2015 mir-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar it-Tortura u dwar l-Eżekuzzjonijiet Extraġudizzjarji, Sommarji u Arbitrarji li fiha sostnew li l-eżekuzzjonijiet għal reati kriminali relatati mad-droga jammontaw għal ksur tad-dritt internazzjonali u jikkostitwixxu qtil illegali u li l-aġenziji internazzjonali, kif ukoll l-Istati li jipprovdu assistenza teknika bilaterali għall-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mad-droga, għandhom jiżguraw li l-programmi li jikkontribwixxu għalihom fl-aħħar mill-aħħar ma jirriżultawx fi ksur tad-dritt għall-ħajja;

52.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprijoritizzaw l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga fin-negozjati tal-UNGASS, u jtenni li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga għandha tkun kundizzjoni preliminari għall-assistenza finanzjarja, l-assistenza teknika, il-bini tal-kapaċità u appoġġ ieħor għall-politika kontra d-droga;

53.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-ħatra ta' Rapporteur Speċjali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-politika kontra d-droga;

Il-prijoritajiet tal-UE dwar kwistjonijiet relatati ma' pajjiżi partikolari

L-Ażerbajġan

54.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-dikjarazzjoni konġunta dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ażerbajġan li saret matul id-29 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, iżda jiddispjaċih li għadd ta' Stati Membri tal-UE ma appoġġjawx din id-dikjarazzjoni konġunta; jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-membri l-oħra tal-Kunsill isegwu mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ażerbajġan u jaħdmu favur l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni li titlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, attivisti politiċi u ċivili, ġurnalisti u bloggers li ġew arrestati jew li ntbagħtu l-ħabs fuq akkużi politikament motivati, investigazzjoni sħiħa ta' allegazzjonijiet ta' tortura matul id-detenzjoni, u t-tħassir ta' liġijiet li jirrestrinġu bla bżonn il-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni fl-Ażerbajġan; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jitolbu l-ħatra ta' Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Azerbajġan;

55.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħelsien provviżorju għal raġunijiet umanitarji ta' Leyla u Arif Yunus, iżda jappella biex l-akkużi kollha miġjuba kontrihom jiġu rtirati minnufih; jiddispjaċih ħafna li ħadd mill-priġunieri Ażerbajġani li qegħdin il-ħabs minħabba t-twemmin tagħhom ma nħeles fl-okkażjoni tal-aħħar maħfra presidenzjali;

Il-Belarussja

56.  Jinnota l-ħelsien tas-sitt priġunieri li kien baqa' bħala pass pożittiv; jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet kontinwi fuq il-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika; jikkundanna l-intimidazzjoni fil-konfront ta' ġurnalisti indipendenti u tal-oppożizzjoni u l-intimidazzjoni u d-detenzjoni ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u kritiċi tar-reġim fuq akkużi foloz; jikkundanna l-użu persistenti tal-piena tal-mewt;

57.  Jappella biex fit-32 sessjoni tal-Kunsill jiġġedded il-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, u jistieden lill-gvern jikkoopera bis-sħiħ mar-Rapporteur Speċjali u jimpenja ruħu li jwettaq riformi li messhom ilhom li saru u li jippromwovi u jħares id-drittijiet tal-bniedem, fosthom billi jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali u ta' mekkaniżmi oħra għad-drittijiet tal-bniedem;

Il-Georgia

58.  Jieħu nota tar-riformi leġiżlattivi sinifikattivi li rriżultaw f'ċertu progress u titjib fis-settur tal-ġustizzja u tal-infurzar tal-liġi, fl-uffiċċju tal-Prosekutur, fil-ġlieda kontra l-maltrattament, fid-drittijiet tat-tfal, kif ukoll fil-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali u tal-persuni spostati f'pajjiżhom (IDPs);

59.  Jinnota, madankollu, li hemm bżonn aktar sforzi fir-rigward tal-maltrattament, speċjalment fir-rigward tal-arrest preventiv u r-riabilitazzjoni tal-vittmi, ir-responsabbiltà għall-abbużi magħmula mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-investigazzjonijiet dwar abbużi li saru fil-passat minn uffiċjali tal-gvern, kif ukoll fir-rigward tal-minoranzi u d-drittijiet tan-nisa; għadu mħasseb dwar il-libertà ta' espressjoni u tal-midja u n-nuqqas ta' aċċess mill-osservaturi għar-reġjuni okkupati tal-Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, fejn il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem għadu mifrux; jistieden lill-Gvern tal-Georgia jieħu miżuri xierqa bil-għan li jiżgura li jingħata segwitu lir-rakkomandazzjonijiet li sarulu fil-proċess tal-EPU;

Ir-Russja

60.  Jikkundanna bil-qawwa t-trażżin kontinwu tad-dissens, min-naħa tal-gvern, permezz ta' mossa fil-konfront tal-NGOs indipendenti permezz tal-hekk imsejħa "liġi dwar l-aġenti barranin" u l-liġi dwar "organizzazzjonijiet barranin mhux mixtieqa" li tippermetti lill-awtoritajiet jipprojbixxu NGOs internazzjonali meqjusa bħala theddida għall-kapaċitajiet ta' difiża jew għall-pedamenti kostituzzjonali tar-Russja, kif ukoll ir-repressjoni persistenti – u f'ħafna forom – ta' attivisti, dissidenti politiċi u kritiċi tar-reġim;

L-Ukrajna

61.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu rigward l-attakki fejn ġie ġie f'żoni ċivili, attakki mmirati fuq l-iskejjel u l-użu tal-iskejjel għal skopijiet militari miż-żewġ partijiet; jikkundanna l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fil-kunflitt u jappoġġja bis-sħiħ il-Missjoni ta' Monitoraġġ tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u l-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE fl-Ukrajna; jappella biex il-Gvern tal-Ukrajna jieħu passi biex jippermetti t-twassil ta' ċerti tipi ta' mediċini, inklużi mediċini għat-terapija ta' sostituzzjoni bl-oppjojdi (OST), itejjeb il-proċeduri ta' reġistrazzjoni u l-mezzi ta' aċċess għall-impjieg u għall-benefiċċji mill-Istat għall-persuni spostati minħabba l-kunflitt, iħassar il-liġijiet li jista' jkollhom impatt negattiv fuq il-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni, jieħu miżuri konkreti biex jimpedixxi l-użu tal-iskejjel min-naħa tal-forzi u l-gruppi armati, kemm fit-territorji kkontrollati mill-gvern kif ukoll fiż-żoni li jinsabu f'idejn ir-ribelli, u jirratifika l-Istatut ta' Ruma u jissieħeb mal-Qorti Kriminali Internazzjonali bħala membru sħiħ;

62.  Jappella biex l-Istati Membri tal-UE jappoġġjaw l-isforzi kollha possibbli fil-livell tan-NU biex tiġi miġġielda l-impunità u jitwettqu investigazzjonijiet imparzjali dwar il-każijiet ta' vjolenza u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem b'rabta mat-trażżin tad-dimostrazzjonijiet fi Pjazza Maidan kif ukoll dwar l-użu ta' munizzjonijiet dispersivi minn forzi favur il-gvern u ribelli appoġġjati mir-Russja matul il-kunflitt armat fil-Lvant tal-Ukrajna, u biex jindirizzaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea u ksur ieħor relatat mal-kunflitt armat fil-Lvant tal-Ukrajna;

L-Użbekistan

63.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jaħdmu lejn riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU li tistabbilixxi mekkaniżmu dedikat tan-NU għall-Użbekistan li jiżgura monitoraġġ, rapportar pubbliku u dibattitu fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Użbekistan, sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' kooperazzjoni tal-Użbekistan mal-mekkaniżmi tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, u d-detenzjoni persistenti ta' għadd kbir ta' priġunieri politiċi, inklużi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ir-restrizzjonijiet li għad hemm fuq il-libertà ta' assoċjazzjoni, il-libertà ta' espressjoni u tal-midja, u l-użu persistenti tal-impjieg furzat u l-impjieg tat-tfal;

Il-Bahrain

64.  Jiddispjaċih li ma sar l-ebda progress mill-Gvern tal-Bahrain fl-indirizzar ta' tħassib marbut mad-detenzjoni persistenti ta' ħafna persuni, fosthom difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u attivisti politiċi, talli eżerċitaw id-drittijiet tagħhom għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni, in-nuqqas ta' responsabbiltà għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi t-tortura u n-nuqqas ta' indipendenza u imparzjalità tal-ġudikatura fil-Bahrain;

65.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jindirizzaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bahrain fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem permezz ta' dikjarazzjonijiet individwali, dikjarazzjoni konġunta ta' segwitu jew riżoluzzjoni li tħeġġeġ lill-Bahrain jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti politiċi u individwi oħrajn li ġew arrestati u akkużati b'allegat ksur relatat mad-drittijiet ta' espressjoni, ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni u jiżgura investigazzjonijiet imparzjali dwar l-allegazzjonijiet kollha ta' tortura u maltrattament u jiffaċilita f'qasir żmien iż-żjara tar-Rapporteur Speċjali dwar it-tortura u l-mekkaniżmi l-oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem; itenni l-appell tiegħu biex l-UE tiżviluppa strateġija komprensiva dwar kif l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jistgħu jinsistu attivament għall-ħelsien tal-attivisti u l-priġunieri miżmuma l-ħabs minħabba t-twemmin tagħhom;

Iżrael/il-Palestina

66.  Jistieden lill-UE ttenni l-pożizzjoni tagħha dwar ir-responsabbiltà kif imsemmi fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin ta' Lulju 2015, billi tiddikjara li l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-Istati u ta' atturi mhux statali, inkluża r-responsabbiltà, huwa fundamentali għall-paċi u s-sigurtà fir-reġjun;

67.  Iħeġġeġ lill-UE, fid-dawl ta' dan l-impenn fil-Kunsill Affarijiet Barranin ta' Lulju 2015 u l-appell għall-promozzjoni tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali fit-Territorji Palestinjani Okkupati, indirizzat lil pajjiżi terzi fir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Lulju 2015, appoġġjata mill-UE, tistieden lill-partijiet kollha jwettqu investigazzjonijiet kredibbli dwar l-allegat ksur tad-dritt internazzjonali; jissorveljaw b'mod attiv u jivvalutaw il-konformità tal-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin mal-istandards internazzjonali dwar id-dmir li ssir investigazzjoni, inkluż billi regolarment tintalab kjarifika dwar l-għeluq tal-każijiet; jagħmlu pressjoni għal mekkaniżmu ta' segwitu adatt li jiżgura l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-NU tal-2015 u dawk ta' rapporti preċedenti tan-NU; u jappellaw lil Iżrael biex jikkoopera mal-eżami preliminari tal-QKI, inkluż billi jipprovdi aċċess u jikkoopera mat-talbiet għall-informazzjoni;

68.  Jiddeplora r-rifjut tal-awtoritajiet Iżraeljani li jikkooperaw mar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Territorji Palestinjani Okkupati, li rriżenja wara li Iżrael naqas milli jagħtih aċċess għat-Territorji Palestinjani Okkupati;

Is-Sirja

69.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni umanitarja u tas-sigurtà fis-Sirja; jikkundanna bil-qawwa l-abbużi, il-massakri, it-tortura, il-qtil u l-vjolenza sesswali mwettqa kontra l-popolazzjoni Sirjana mir-reġim ta' Assad, l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku u gruppi terroristiċi u estremisti oħra; itenni l-appell tiegħu għal soluzzjoni sostenibbli għall-kunflitt Sirjan permezz ta' proċess politiku mmexxi mis-Sirja li jwassal għal tranżizzjoni politika ġenwina li tissodisfa l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Sirjan u tippermettilu jiddetermina indipendentement u demokratikament il-futur tiegħu stess; jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-isforzi li għaddejjin bħalissa, immexxija min-NU, sabiex tinstab soluzzjoni politika għall-kunflitt;

70.  Iħeġġeġ lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem biex jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) jieħu azzjoni xierqa sabiex jiżgura li min wettaq ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż ksur li jista' jikkostitwixxi delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra, jinżamm responsabbli, anke billi s-sitwazzjoni fis-Sirja tinġieb quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali;

L-Arabja Sawdija

71.  Itenni li l-membri tal-UNHRC għandhom ikunu eletti minn fost l-Istati li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija; ma jaqbilx assolutament mad-deċiżjoni meħuda min-Nazzjonijiet Uniti, bl-appoġġ tal-Istati Membri tal-UE, li rwol fundamentali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem jingħata lill-ambaxxatur tal-Arabja Sawdija għan-NU f'Ġinevra, li ġie elett president ta' panel ta' esperti indipendenti fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

72.  Għadu mħasseb serjament dwar il-ksur sistematiku u mifrux tad-drittijiet tal-bniedem fl-Arabja Sawdija; jistieden lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jeħilsu lil dawk kollha li qegħdin il-ħabs minħabba t-twemmin tagħhom, inkluż ir-rebbieħ tal-Premju Sakharov 2015, Raif Badawi;

73.  Jesprimi tħassib serju dwar l-eżekuzzjoni tal-massa ta' 47 priġunier fl-Arabja Sawdija fit-2 ta' Jannar 2016, wara żieda allarmanti fir-rata ta' eżekuzzjonijiet fl-2015;

74.  Jinnota bi tħassib li hemm rapporti li fost dawk li nqatlu kien hemm minorenni, persuni morda mentalment, u priġunieri kkundannati għall-mewt għal reati li ma kinux jinvolvu qtil, partikolarment dawk li jirrigwardaw l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta' għaqda, il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà ta' espressjoni;

75.  Jistieden lill-awtoritajiet Sawdin jikkooperaw bis-sħiħ mal-Proċeduri Speċjali tal-UNHRC u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-Arabja Sawdija timponi moratorju fuq il-piena tal-mewt;

Is-Saħara tal-Punent

76.  Jappella biex jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali tal-popli tas-Saħara tal-Punent, inklużi l-libertà ta' assoċjazzjoni, il-libertà ta' espressjoni u d-dritt ta' għaqda; jitlob b'insistenza li jinħelsu l-priġunieri politiċi Sahrawi kollha; jitlob b'insistenza li l-membri parlamentari, l-osservaturi indipendenti, l-NGOs u l-istampa jingħataw aċċess għat-territorji tas-Saħara tal-Punent; iħeġġeġ lin-Nazzjonijiet Uniti jagħtu lill-MINURSO mandat rigward id-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-missjonijiet l-oħra kollha tan-NU għaż-żamma tal-paċi madwar id-dinja; jappoġġja soluzzjoni ġusta u dejjiema tal-kunflitt fis-Saħara tal-Punent, abbażi tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu Sahrawi, f'konformità mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-Nazzjonijiet Uniti;

Il-Jemen

77.  Jesprimi tħassib serju dwar il-kunflitt drammatiku u vjolenti u l-kriżi umanitarja bla preċedent fil-pajjiż; jikkundanna l-ksur serju tal-liġijiet tal-gwerra u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-partijiet f'kunflitt, b'mod partikolari l-attakki mill-ajru sproporzjonati u fejn ġie ġie mmexxija mill-koalizzjoni Sawdija li fihom inqatlu u ndarbu għexieren ta' ċivili u nqerdu diversi beni ċivili; jikkundanna t-tkeċċija tar-rappreżentant tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem min-naħa tal-awtoritajiet Jemeniti; jistieden lill-UE tappoġġja l-ftuħ ta' inkjesta internazzjonali min-naħa tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem li tiddokumenta l-ksur min-naħat kollha sa minn Settembru 2014;

Il-Burundi

78.  Jesprimi tħassib kbir dwar l-attakki mmirati fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-membri tal-familji tagħhom; jikkundanna b'qawwa l-vjolenza politika, l-eżekuzzjonijiet sommarji, il-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, u l-inċitament għall-vjolenza għal raġunijiet politiċi, etniċi jew għal raġunijiet oħra fil-Burundi, kif ukoll l-impunità kontinwa li jibbenefikaw minnha dawk responsabbli, inklużi l-pulizija u l-forzi tas-sigurtà, gruppi ta' żgħażagħ affiljati ma' partiti politiċi, u uffiċjali;

79.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Burundi jifhmu l-urġenza u l-prijorità ta' din il-kwistjoni u jwaqqfu dan il-ksur u dawn l-abbużi, fosthom billi jwaqqfu minnufih il-qtil u l-attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-avversarji u l-kritiċi reali jew preżunti, u billi jwettqu investigazzjonijiet bir-reqqa, imparzjali u indipendenti bil-għan li dawk responsabbli jitressqu l-qorti u li l-vittmi jingħataw rimedju;

80.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li fis-17 ta' Diċembru 2015 saret Sessjoni Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-prevenzjoni tad-deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi, iżda jiddispjaċih li din damet biex saret; jappella biex jitħaffef l-istazzjonar tal-missjoni ta' esperti indipendenti, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Burundi jikkooperaw bis-sħiħ ma' din il-missjoni;

Il-Mauritania

81.  Jisħaq fuq il-fatt li, filwaqt li sar progress min-naħa tal-Gvern tal-Mauritania fit-teħid ta' miżuri leġiżlattivi mmirati lejn il-ġlieda kontra kull forma ta' skjavitù u prattiki li jixbhuha, in-nuqqas ta' implimentazzjoni effikaċi qiegħed jikkontribwixxi għall-persistenza ta' tali prattiki; jistieden lill-awtoritajiet jgħaddu liġi kontra l-iskjavitù, jagħtu bidu, fuq skala nazzjonali, għall-ġbir sistematiku u regolari ta' data diżaggregata dwar kull forma ta' skjavitù u jwettqu studju bir-reqqa bbażat fuq provi dwar l-istorja u n-natura tal-iskjavitù bl-għan li din il-prattika tinqered;

82.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Mauritania jippermettu l-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda, bi qbil mal-konvenzjonijiet internazzjonali u mad-dritt intern tal-Mauritania stess; jappella wkoll għall-ħelsien ta' Biram Dah Abeid, Bilal Ramdane u Djiby Sow ħalli jkunu jistgħu jkomplu l-kampanja paċifika tagħhom kontra l-persistenza tal-iskjavitù mingħajr biża' ta' persekuzzjoni jew intimidazzjoni;

Is-Sudan t'Isfel

83.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Ftehim ta' Paċi ffirmat mill-partijiet f'kunflitt fit-28 ta' Awwissu 2015 biex tintemm il-gwerra ċivili, li jinkludi kondiviżjoni tranżitorja tal-poter, arranġamenti ta' sigurtà u l-ħolqien ta' qorti ibrida biex tisma' r-reati kollha li twettqu sa mill-bidu tal-kunflitt; ifakkar li l-kunflitt ħasad il-ħajja ta' eluf ta' nies u kkawża l-ispostament ta' mijiet ta' eluf ta' persuni u rifuġjati;

84.  Jistieden lill-partijiet kollha joqogħdu lura milli jwettqu kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali, inkluż dak li jikkostitwixxi reat internazzjonali, bħall-qtil extraġudizzjarju, il-vjolenza mmirata ta' tip etniku, il-vjolenza sesswali relatata mal-kunflitti, inkluż l-istupru, kif ukoll il-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, ir-reklutaġġ u l-użu tat-tfal, l-għajbien furzat u l-arresti u d-detenzjoni arbitrarji;   

85.  Jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem jappoġġja l-ħatra ta' Rapporteur Speċjali għas-Sudan t'Isfel b'mandat li jwettaq monitoraġġ u jirrapporta pubblikament dwar il-ksur, fosthom ir-reklutaġġ u l-użu ta' suldati tfal, kif ukoll dwar l-użu militari tal-iskejjel, u jagħmel rakkomandazzjonijiet biex l-awturi tar-reati effettivament jassumu r-responsabbiltà;

Il-Venezwela

86.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet ħielsa u leġittimi fil-Venezwela fis-6 ta' Diċembru 2015; jilqa' l-fatt li kemm il-gvern kif ukoll il-forzi tal-oppożizzjoni aċċettaw ir-riżultati; ifakkar fl-importanza li jiġu rispettati l-kostituzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem, u li titwettaq ir-rieda tal-poplu Venezwelan;

87.  Ifakkar li l-gvern il-ġdid se jkollu jittratta firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem, li jvarjaw mill-impunità u r-responsabbiltà għall-qtil extraġudizzjarju – inkluż mill-forzi tas-sigurtà – għall-arrest u d-detenzjoni arbitrarji, id-dritt tal-priġunieri politiċi għal proċess ġust u l-indipendenza tal-ġudikatura, il-libertà ta' għaqda u assoċjazzjoni u l-libertà tal-midja;

Ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK)

88.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali li tikkundanna l-ksur sistematiku, mifrux u gravi tad-drittijiet tal-bniedem li ilu għaddej ħafna fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK) u jħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jieħu azzjoni adatta biex tiġi żgurata r-responsabbiltà, inkluż billi tikkunsidra li ġġib is-sitwazzjoni fir-RDPK quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali, u jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem itenni l-appell tiegħu għar-responsabbiltà, inkluż min-naħa ta' dawk responsabbli għal delitti kontra l-umanità skont il-politiki stabbiliti fl-ogħla livell tal-Istat għexieren ta' snin ilu;

Iċ-Ċina

89.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-repressjoni persistenti li għaddejja fil-konfront ta' attivisti u avukati fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jirrimarka li, minn Lulju 2015 'l hawn, aktar minn 200 persuna bejn avukati u persunal legali issejħu jew ittieħdu bil-forza biex jiġu interrogati fl-eħrex tentattiv f'għexieren ta' snin biex ir-reġim isikket lil dawk li jikkritikawh; jinsab allarmat bl-aħbar li f'dawn l-aħħar jiem l-awtoritajiet Ċiniżi arrestaw tal-inqas seba' avukati tad-drittijiet tal-bniedem u kollegi tagħhom li kienu ilhom sitt xhur miżmuma b'mod sigriet;

Il-Myanmar

90.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li fit-8 ta' Novembru 2015 saru elezzjonijiet kompetittivi, pass importanti fit-tranżizzjoni demokratika tal-pajjiż; għadu mħasseb, madankollu, dwar il-qafas kostituzzjonali ta' dawn l-elezzjonijiet, li jipprevedi li 25 % tas-siġġijiet fil-parlament ikunu riżervati għall-militar; jirrikonoxxi l-progress li sar s'issa fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jidentifika għadd ta' oqsma li għadhom ta' tħassib kbir, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi u l-libertà ta' espressjoni, assoċjazzjoni u għaqda paċifika;

91.  Jikkundanna d-diskriminazzjoni serja u mifruxa fil-konfront tar-Rohingya, li hija aggravata mill-fatt li din il-komunità m'għandhiex status ġuridiku, u miż-żieda fl-inċitament għall-mibegħda kontra min mhuwiex Buddist; jappella biex isiru investigazzjonijiet sħaħ, trasparenti u indipendenti fir-rigward tar-rapporti kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-konfront tar-Rohingya u jqis li l-erba' liġijiet adottati mill-parlament fl-2015 bil-ħsieb li l-Istat "jipproteġi r-razza u r-reliġjon" fihom aspetti diskriminatorji fir-rigward tal-ġeneru; jiddeplora l-fatt li l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) għadu ma tħalliex jistabbilixxi uffiċċju fil-pajjiż; jinsisti fuq il-ħtieġa li, qabel ma jiġu ffinalizzati n-negozjati dwar il-ftehim ta' investiment UE-Myanmar, issir valutazzjoni tal-impatt sħiħa fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u s-sostenibbiltà;

In-Nepal

92.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-dħul fis-seħħ, fl-20 ta' Settembru 2015, tal-kostituzzjoni l-ġdida tan-Nepal, li għandha tqiegħed il-pedament għall-istabbiltà politika u l-iżvilupp ekonomiku tan-Nepal fil-futur; jittama li, fil-futur qrib, jiġi indirizzat it-tħassib li fadal dwar ir-rappreżentanza politika tal-minoranzi, inklużi d-Dalit, u l-liġijiet dwar iċ-ċittadinanza;

93.  Jiddeplora n-nuqqas mifrux ta' responsabbiltà għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa miż-żewġ naħat matul il-gwerra ċivili, minkejja l-adozzjoni tal-Att dwar il-Verità, ir-Rikonċiljazzjoni u l-Għajbien f'Mejju 2014; iħeġġeġ lill-Gvern tan-Nepal jaderixxi għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Furzat; jikkundanna l-limitazzjonijiet li tqiegħdu fuq il-libertajiet fundamentali tar-rifuġjati Tibetani; iħeġġeġ lill-Indja tneħħi l-imblokk mhux uffiċjali tagħha fuq l-ekonomija tan-Nepal li, flimkien mat-terremot devastanti ta' April 2015, qed jikkawża kriżi umanitarja u qed jitfa' lil madwar miljun Nepaliż ieħor f'sitwazzjoni ta' faqar li ma jistgħux joħorġu minnu;

°

°  °

94.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tad-69 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lis-Segretarju Ġenerali tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.