Proċedura : 2015/3035(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0064/2016

Testi mressqa :

B8-0064/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0020

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 489kWORD 144k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0050/2016
14.1.2016
PE575.966v01-00
 
B8-0064/2016

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-2016 (2015/3035(RSP))


Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-2016 (2015/3035(RSP))  
B8-0064/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom, inkluża l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi r-riżoluzzjonijiet ta' urġenza tiegħu dwar dawn il-kwistjonijiet,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2014 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar din il-kwistjoni(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-2015 tal-UNHRC lill-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-2015 u l-2016 huma snin ta' anniversarji importanti f'dik li hi t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, tal-paċi u tas-sigurtà: is-70 anniversarju mit-twaqqif tan-Nazzjonijiet Uniti, il-50 anniversarju tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR), it-30 u l-20 anniversarju tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Dritt għall-Iżvilupp (1986) u tad-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Pjattaforma għal Azzjoni (1995) rispettivament u l-15-il anniversarju tar-riżoluzzjoni storika tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà (2000) u tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (2000);

B.  billi d-difiża tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem indipendentement mir-razza, l-oriġini, is-sess jew il-kulur hija obbligu għall-istati kollha; filwaqt li jtenni l-impenn tiegħu favur l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem – sew jekk ċiviċi, ekonomiċi, soċjali jew kulturali – li huma interrelatati u interdipendenti, u filwaqt li jikkunsidra li t-tiċħid ta' kwalunkwe wieħed minn dawn id-drittijiet għandu impatt dirett u avvers fuq l-oħrajn; billi l-istati kollha għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet bażiċi tal-popolazzjonijiet rispettivi tagħhom u d-dmir li jieħdu azzjoni konkreta biex jiffaċilitaw ir-rispett ta' dawn id-drittijiet fil-livell nazzjonali, u li jikkooperaw f'livell internazzjonali bl-għan li jiġu eliminati l-ostakli għat-twettiq tad-drittijiet tal-bniedem fl-ambiti kollha;

C.  billi r-rispett, il-promozzjoni u s-salvagwardja tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem huma parti mill-acquis etiku u ġuridiku tal-Unjoni Ewropea u huma wieħed mill-pedamenti tal-għaqda u l-integrità Ewropea;

D.  billi l-azzjoni tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi hija mmexxija mill-Artikolu 21 tat-Trattat ta' Lisbona, li jafferma mill-ġdid l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u jipprevedi r-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali;

E.  billi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem għandu jkun integrat fil-politiki kollha li jinvolvu l-paċi u s-sigurtà, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-kummerċ u l-investiment, l-azzjoni umanitarja, it-tibdil fil-klima u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, peress li dawn it-temi ma jistgħux jiġu affrontati separatament mir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

F.  billi s-sessjonijiet regolari tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC), il-ħatra ta' Rapporteurs Speċjali, il-mekkaniżmu ta' Eżami Perjodiku Universali (EPU) u l-Proċeduri Speċjali li jittrattaw jew is-sitwazzjoni f'pajjiżi speċifiċi jew kwistjonijiet tematiċi lkoll jikkontribwixxu għall-promozzjoni u għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

G.  billi, sfortunatament, uħud mill-membri attwali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem huma kkunsidrati bħala fost l-agħar persuni li jiksru d-drittijiet tal-bniedem u għandhom passat dubjuż f'termini ta' kooperazzjoni mal-Proċeduri Speċjali tan-NU u ta' konformità mar-rekwiżiti ta' rappurtar tagħhom vis-à-vis l-korpi tat-trattat tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU;

Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU

1.  Jilqa' l-ħatra tal-Ambaxxatur Choi Kyong-lim bħala President tal-UNHRC għall-2016;

2.  Jilqa' r-rapport annwali tal-UNHRC lill-Assemblea Ġenerali tan-NU li jkopri t-28, id-29 u t-30 sessjoni tagħha;

3.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-membri tal-UNHRC għandhom ikunu eletti minn fost l-istati li jiddefendu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija, u jħeġġeġ lill-istati membri tan-NU jippromwovu kriterji bbażati fuq il-prestazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem għal kwalunkwe stat li se jiġi elett bħala membru tal-UNHRC; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem f'ċerti membri tal-UNHRC li għadhom kif ġew eletti u jisħaq fuq l-importanza li tiġi difiża l-indipendenza tal-UNHRC biex jiġi żgurat li jkun jista' jkompli jeżerċita l-mandat tiegħu b'mod effikaċi u imparzjali;

4.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Proċeduri Speċjali u l-istatus indipendenti tad-detenturi tal-mandat, li jippermettulhom li jwettqu l-funzjoni tagħhom b'imparzjalità sħiħa, jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas ta’ kooperazzjoni li wrew xi Stati Membri, bħall-Venezwela, l-Arabja Sawdija u l-Etjopja, u Stati Osservaturi, bħaż-Żimbabwe, l-Użbekistan u t-Turkmenistan, ma' proċeduri speċjali tematiċi, kif ukoll in-nuqqas ta’ kooperazzjoni ma’ proċeduri speċjali speċifiċi għall-pajjiż mill-pajjiżi kkonċernati, u jappella lill-Istati kollha biex jikkooperaw bis-sħiħ ma’ dawn il-proċeduri;

5.  Jafferma mill-ġdid l-importanza tal-universalità tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU), bl-għan li jintlaħaq fehim sħiħ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Istati Membri kollha tan-NU, u jtenni l-appoġġ tiegħu għat-tieni ċiklu ta' eżami, li jiffoka fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet aċċettati matul l-ewwel ċiklu; jerġa' jitlob, madankollu, biex ir-rakkomandazzjonijiet li ma ġewx aċċettati mill-istati matul l-ewwel ċiklu jerġgħu jiġu kkunsidrati fit-tkomplija tal-proċess tal-EPU;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati, b'mod partikolari s-soċjetà ċivili, jipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċess tal-EPU, u jesprimi t-tħassib tiegħu li limitazzjonijiet gravi u restrizzjonijiet li dejjem qed jiżdiedu fixklu l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess tal-EPU;

7.  Jitlob lill-UE u lill-Kummissjoni jagħtu segwitu lir-rakkomandazzjonijiet tal-EPU fid-djalogi politiċi kollha tal-UE mal-pajjiżi kkonċernati bl-għan li jiġu eżaminati modi u mezzi ta' implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet permezz ta' strateġiji nazzjonali u reġjonali;

8.  Jilqa' l-Inizjattiva għall-Bidla tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, maħsuba biex ittejjeb u ssaħħaħ il-preżenza globali tal-uffiċċji tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU bil-ħolqien ta' tmien hubs reġjonali biex jimmonitorjaw u jippromwovu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem b'kollaborazzjoni diretta mas-sħab bl-għan li r-rakkomandazzjonijiet dwar il-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem jissarrfu f'bidliet reali fil-prattika;

Drittijiet ċivili u politiċi

9.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-reviżjonijiet kostituzzjonali li għamlu ċerti pajjiżi, bl-għan li jbiddlu l-limitu stabbilit fuq il-mandat presidenzjali, kwistjoni li f'ċerti każijiet iġġenerat vjolenza marbuta mal-elezzjonijiet; jerġa' jafferma li r-rispett tad-drittijiet ċivili u politiċi, fosthom il-libertà ta' espressjoni individwali u kollettiva u l-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, huma l-uniċi indikaturi ta' soċjetà demokratika, tolleranti u pluralista;

10.  Itenni li l-ħatra libera tal-mexxejja politiċi, permezz ta' elezzjonijiet li jsiru perjodikament abbażi ta' vot universali u ndaqs, hija dritt fundamentali li kull ċittadin għandu jgawdi f'konformità mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Artikolu 21(3)) u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (l-Artikolu 25); u jerġa' jafferma li l-libertà ta' espressjoni u ambjent vibranti u favorevoli għal soċjetà ċivili indipendenti u pluralista huma rekwiżiti preliminari għall-promozzjoni tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

11.  Jikkundanna l-fastidju kontinwu u d-detenzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-membri tal-oppożizzjoni min-naħa tal-forzi tal-gvern f'għadd ta' pajjiżi terzi; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-leġiżlazzjoni inġusta u restrittiva, inklużi restrizzjonijiet fuq il-finanzjament barrani, li qed jirriżultaw fi spazju dejjem aktar limitat għall-attivitajiet tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-gvernijiet kollha jippromwovu u jappoġġaw il-libertà tal-midja, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-attivitajiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jippermettulhom joperaw mingħajr biża', repressjoni jew intimidazzjoni;

12.  Huwa tal-fehma li t-teknoloġiji diġitali kontemporanji joffru vantaġġi u sfidi għall-protezzjoni tad-dritt għall-privatezza u għall-eżerċizzju tal-libertà ta' espressjoni online fid-dinja kollha; jilqa' f'dan il-kuntest, il-ħatra ta' Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Dritt għall-Privatezza fl-Era Diġitali, li fil-mandat tiegħu hemm inklużi l-kwistjonijiet ta' sorveljanza u privatezza li jolqtu l-persuni online jew offline;

13.  Itenni l-oppożizzjoni li ilu jħaddan kontra l-piena tal-mewt, it-tortura u t-trattamenti jew pieni krudili, inumani u degradanti fil-każijiet kollha u f'kull ċirkostanza; jenfasizza għal darb'oħra li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-dinjità tal-bniedem, u jerġa' jafferma l-impenn tiegħu favur id-dritt ta' kull individwu għall-ħajja u għad-dinjità tal-bniedem;

14.  Ifaħħar il-progress sostanzjali li sar s'issa, fejn bosta pajjiżi ssospendew il-piena tal-mewt filwaqt li oħrajn adottaw miżuri leġiżlattivi għat-tneħħija tal-piena tal-mewt; jesprimi, madankollu, id-dispjaċir tiegħu li reġgħu ddaħħlu l-eżekuzzjonijiet f'ċerti pajjiżi matul dawn l-aħħar ftit snin; jistieden lil dawk l-istati li neħħew il-piena tal-mewt jew li għandhom moratorju li ilu fis-seħħ fir-rigward tal-piena tal-mewt biex ma jerġgħux idaħħluha;

Drittijiet Soċjali u Ekonomiċi

15.  Jiddispjaċih li, aktar minn 20 sena wara l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Vjenna dwar l-universalità, l-indiviżibbiltà, l-interdipendenza u n-natura interrelatata tad-drittijiet kollha tal-bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali mhuwiex meqjus u enfasizzat bl-istess mod bħal fil-każ tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR); jirrikonoxxi l-isforzi tal-UNHRC biex id-drittijiet tal-bniedem kollha jitqiesu u jiġu enfasizzati bl-istess mod, permezz tal-istabbiliment ta' detenturi ta' mandat tal-Proċedura Speċjali b'rabta mad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali;

16.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar iż-żieda fil-faqar estrem, li tipperikola t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem kollha; jilqa', f'dan ir-rigward, ir-rapport tar-Rapporteur Speċjali tal-UNHRC dwar il-faqar estrem u d-drittijiet tal-bniedem (A/HRC/29/31) u jappoġġa l-proposti tiegħu għall-eliminazzjoni tal-faqar estrem, li jinkludu: li d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali jingħataw l-istess prominenza u prijorità li jingħataw lid-drittijiet ċivili u politiċi; li jiġi rikonoxxut id-dritt ta' protezzjoni soċjali; li jiġu implimentati politiki fiskali mmirati speċifikament biex inaqqsu l-inugwaljanza; li jiġi stimulat u tingħata sustanza lid-dritt tal-ugwaljanza; u li l-kwistjonijiet dwar id-distribuzzjoni mill-ġdid tar-riżorsi jitqiegħdu fil-qalba tad-dibattiti dwar id-drittijiet tal-bniedem;

17.  Huwa tal-fehma li l-korruzzjoni, l-evażjoni tat-taxxa, il-ġestjoni ħażina tal-beni pubbliċi u n-nuqqas ta' responsabbiltà jikkontribwixxu għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini, billi dawn jiddevjaw il-fondi mill-baġits tal-istati li għandhom ikunu ddedikati għall-avvanz tad-drittijiet tal-bniedem f'servizzi pubbliċi tant meħtieġa bħall-edukazzjoni, is-servizzi tas-saħħa bażiċi u infrastruttura soċjali oħra; iqis li l-azzjoni maħsuba biex tiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment id-drittijiet għall-informazzjoni, għal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda, għal ġudikatura indipendenti u għal parteċipazzjoni demokratika fl-affarijiet pubbliċi, hija kruċjali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

In-negozju u d-drittijiet tal-bniedem

18.  Isostni b'qawwa l-implimentazzjoni effikaċi u komprensiva tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, kemm fi ħdan kif ukoll barra mill-UE, anki bis-saħħa tal-iżvilupp tal-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jimtlew il-lakuni tal-implimentazzjoni effikaċi tal-Prinċipji Gwida tan-NU, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja u r-rimedji;

19.  Jistieden lin-NU u lill-UE jindirizzaw il-kwistjoni tad-difensuri tad-drittijiet għall-art, li huma vittmi ta' rappreżalji, anki fil-forma ta' theddid, fastidju, arrest arbitrarju, attakk u qtil, talli jikkritikaw l-akkwist ta' art fuq skala kbira askapitu tad-drittijiet għall-art u l-ikel tal-popolazzjonijiet rurali f'pajjiżi terzi; jappella biex, fil-proġetti tagħhom fl-ambitu tad-drittijiet tal-bniedem, il-mekkaniżmi tan-NU u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija jinkludu sistematikament lid-difensuri tad-drittijiet għall-art;

20.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem biex jissaħħaħ il-Proġett għar-Responsabbiltà u r-Rimedji bil-għan li jingħata kontribut lil sistema ġusta u aktar effikaċi tar-rimedji fid-dritt nazzjonali, partikolarment f'każijiet ta' abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem fis-settur tan-negozju; jistieden lill-gvernijiet kollha jaqdu dmirijiethom biex jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi li jħabbtu wiċċhom ma' sfidi prattiċi u ġuridiċi biex jiksbu aċċess għar-rimedji fil-livelli nazzjonali u internazzjonali, fir-rigward ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju;

21.  Jinnota li Grupp ta' Ħidma Intergovernattiv (IGWG) miftuħ dwar l-elaborazzjoni ta' strument internazzjonali ġuridikament vinkolanti dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u impriżi kummerċjali oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, stabbilti b'riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRC) tas-26 ta' Ġunju 2014, kellu l-ewwel sessjoni tiegħu f'Lulju 2015; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinvolvu ruħhom attivament fin-negozjati dwar l-istrument internazzjonali ġuridikament vinkolanti msemmi hawn fuq;

Il-migrazzjoni

22.  Huwa mħasseb dwar l-aktar kriżi umanitarja gravi mit-Tieni Gwerra Dinja 'l hawn, li nħolqot mill-għadd dejjem akbar ta' individwi mġiegħla jħallu djarhom bħala konsegwenza tal-persekuzzjoni, tal-kunflitt armat u tal-vjolenza ġeneralizzata, u li qegħdin ifittxu protezzjoni u ħajja aħjar u jissograw ħajjithom billi jagħmlu vjaġġi perikolużi; jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-mekkaniżmi tiegħu jagħtu l-attenzjoni neċessarja lill-implikazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem ta’ din il-kriżi u biex jagħmlu rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rigward;

23.  Jistieden lill-pajjiżi kollha jadottaw approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-migrazzjoni, li jqiegħed id-drittijiet tal-migranti, tal-applikanti għall-ażil u tar-refuġjati fiċ-ċentru tal-politiki u l-ġestjoni tal-migrazzjoni, billi jagħtu attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tal-gruppi ta' migranti emarġinati u żvantaġġati, bħan-nisa u t-tfal; jistieden lill-istati kollha jindirizzaw il-vjolenza relatata mal-ġeneru kontra n-nisa u l-bniet, u jisħaq fuq l-importanza li l-politika tal-migrazzjoni titfassal minn perspettiva tal-ġeneru bil-għan li tirrispondi għall-ħtiġijiet partikolari tagħhom;

24.  Ifakkar li l-istati kollha għandhom l-obbligu jirrispettaw u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem tal-individwi kollha taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, irrispettivament min-nazzjonalità jew l-oriġini tagħhom u irrispettivament mill-istatus ta' immigrazzjoni tagħhom; ifakkar li r-ritorn ta' migranti għandu jsir biss b'rispett sħiħ tad-drittijiet tal-migranti, abbażi ta' deċiżjonijiet liberi u infurmati, u biss meta l-protezzjoni tad-drittijiethom tkun garantita f'pajjiżhom; jistieden lill-gvernijiet iwaqqfu l-arrest arbitrarju u d-detenzjoni ta' migranti;

It-tibdil fil-klima u d-drittijiet tal-bniedem

25.  Jilqa' l-Ftehim ta' Pariġi taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li jkopri l-adattament, it-taffija, l-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija, u l-bini tal-kapaċità; jinsisti li l-kwistjoni tat-tibdil fil-klima għandha tiġi integrata fl-oqsma kollha tal-politika ekonomika; iħeġġeġ lill-Istati Parti kollha li huma firmatarji għal dan il-Ftehim jadottaw miżuri urġenti u ambizzjużi ta' taffija u adattament billi jintegraw it-tibdil fil-klima fl-oqsma kollha ta' politika;

26.  Ifakkar li l-impatt negattiv tat-tibdil fil-klima jirrappreżenta theddida globali immedjata u potenzjalment irreversibbli għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem, u li l-impatt tiegħu fuq il-gruppi vulnerabbli, li s-sitwazzjoni ta' drittijiethom hija diġà prekarja, huwa kunsiderevoli; jinnota bi tħassib li inċidenti relatati mal-klima bħaż-żieda fil-livelli tal-baħar u t-tibdil estrem fil-klima li jipprovokaw nixfiet u għargħar huma mistennija li jwasslu għal aktar telf ta' ħajja, spostament ta' popolazzjonijiet, u skarsezzi ta' ikel u ilma;

27.  Jistieden lill-komunità internazzjonali tindirizza n-nuqqasijiet ġuridiċi fit-terminu 'rifuġjat minħabba l-klima', inkluża l-possibbiltà tad-definizzjoni tiegħu fid-dritt internazzjonali jew fi kwalunkwe ftehim internazzjonali legalment vinkolanti;

Id-drittijiet tan-nisa

28.  Jilqa' r-Riżoluzzjoni riċenti Nru 2242 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, li tagħmel lin-nisa l-komponent ċentrali fl-isforzi kollha biex jiġu indirizzati l-isfidi globali, inkluża ż-żieda fl-estremiżmu vjolenti, it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, l-iżvilupp sostenibbli, il-paċi u s-sigurtà; ifaħħar is-sejbiet tal-Istudju Globali tan-NU dwar l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, li enfasizzaw l-importanza tat-tmexxija u l-parteċipazzjoni tan-nisa fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u l-bini tal-paċi u li l-involviment tagħhom tejjeb l-assistenza umanitarja, saħħaħ l-isforzi tal-forzi taż-żamma tal-paċi, rawwem il-konklużjoni tat-taħditiet ta' paċi u għen biex jiġi miġġieled l-estremiżmu vjolenti;

29.  Jesprimi d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li, mindu tfaċċaw gruppi estremisti vjolenti bħal Daesh fis-Sirja u l-Iraq, u Boko Haram fl-Afrika tal-Punent, il-vjolenza kontra n-nisa ħadet dimensjoni ġdida li hija aktar terrifikanti minn qatt qabel, billi l-vjolenza sesswali saret parti integrali mill-objettivi, l-ideoloġija u s-sors ta' dħul ta' dawn il-gruppi estremisti, u li tikkostitwixxi sfida ġdida fundamentali għall-komunità internazzjonali; jistieden lill-gvernijiet kollha u lill-istituzzjonijiet tan-NU jintensifikaw l-impenn tagħhom lejn il-ġlieda kontra dawn id-delitti abominabbli u jerġgħu jġibu d-dinjità tan-nisa bl-għan li ssirilhom ġustizzja, jingħataw riparazzjoni u sostenn;

30.  Iqis li l-fatt li tiġi ggarantita l-awtonomija tan-nisa, billi jiġu indirizzati l-inugwaljanzi sottostanti bejn in-nisa u l-irġiel li jagħmlu lin-nisa u t-tfajliet vulnerabbli fi żminijiet ta' kunflitt, huwa mod wieħed kif jiġi miġġieled l-estremiżmu; u jistieden lin-NU u lill-Istati Membri kollha tagħha jieħdu miżuri konkreti biex jiżguraw l-awtonomija tan-nisa, l-inklużjoni sinifikanti tagħhom fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti u fil-proċess ta' negozjati għall-paċi u l-bini tal-paċi, billi tiżdied ir-rappreżentanza tagħhom fil-livelli deċiżjonali kollha, fosthom fl-istituzzjonijiet u fil-mekkaniżmi nazzjonali, reġjonali u internazzjonali;

Id-drittijiet tat-tfal

31.  Ifakkar li l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li kienet adottata fl-1989 u hija t-trattat internazzjonali fl-ambitu tad-drittijiet tal-bniedem li l-aktar ġie ratifikat, tiddefinixxi numru ta' drittijiet tat-tfal, fosthom id-dritt għall-ħajja, is-saħħa, l-edukazzjoni u l-logħob, kif ukoll id-dritt għall-ħajja fil-familja, li jitħarsu mill-vjolenza u mid-diskriminazzjoni u li jinstemgħu fehmiethom; jistieden lill-firmatarji kollha ta' dan it-trattat jonoraw l-obbligi tagħhom;

32.  Jilqa' l-istudju globali ppjanat li għandu jiġi mniedi min-NU bl-għan li jiġi ddeterminat, permezz ta' monitoraġġ u analiżi tal-evalwazzjoni, il-mod kif il-liġijiet u l-istandards internazzjonali qed jiġu implimentati fil-prattika u biex jiġu vvalutati l-possibbiltajiet konkreti għall-istati biex itejbu l-politiki u r-reazzjonijiet tagħhom; iħeġġeġ lill-istati kollha jappoġġaw u jipparteċipaw b'mod attiv f'dan l-istudju;

Id-drittijiet tal-persuni LGBTI

33.  Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-persistenza ta' liġijiet u prattiki diskriminatorji u ta' atti ta' vjolenza kontra individwi f'diversi pajjiżi, abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru tagħhom; jinkoraġġixxi l-monitoraġġ mill-qrib tas-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI f'pajjiżi fejn dan l-aħħar ġew introdotti liġijiet kontra l-LGBTI li jheddu l-ħajjiet tal-minoranzi sesswali; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-hekk imsejħa liġijiet 'kontra l-propaganda' li jillimitaw il-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda, anki f'pajjiżi fil-kontinent Ewropew;

34.  Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għat-tkomplija tal-ħidma tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet kollha tal-bniedem minn persuni LGBTI, b'mod partikolari permezz ta' dikjarazzjonijiet, rapporti u l-kampanja 'Free & Equal'; iħeġġeġ lill-Kummissarju Għoli jkompli jiġġieled kontra liġijiet u prattiki diskriminatorji;

Drones u armi awtonomi

35.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill tal-UE biex jiżviluppa pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-użu ta’ drones armati, li tagħti importanza kbira lir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali u tindirizza kwistjonijiet bħall-qafas ġuridiku, il-proporzjonalità, ir-responsabilità, il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u t-trasparenza; iħeġġeġ lill-UE, għal darb'oħra, biex tipprojbixxi l-produzzjoni, l-iżvilupp u l-użu ta' armi kompletament awtonomi, li jippermettu li jsiru attakki mingħajr intervent uman; jinsisti li d-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu parti mid-djalogi kollha li jsiru ma' pajjiżi terzi dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu;

Integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE

36.  Jistieden lill-UE tippromwovi l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, skont l-Artikolu 21 tat-Trattat ta' Lisbona u d-Dispożizzjonijiet Ġenerali dwar l-Azzjoni Esterna tal-Unjoni;

37.  Itenni l-appell tiegħu lill-UE biex tadotta approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u tintegra r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-kummerċ, il-politiki tal-investiment, is-servizzi pubbliċi u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp kif ukoll fil-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tagħha; jenfasizza wkoll il-fatt li l-politika tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE għandha tiżgura li l-politiki interni u esterni tagħha jkunu koerenti, konformement mal-obbligu stabbilit mit-Trattat dwar l-UE;

Il-prijoritajiet tal-UE dwar kwistjonijiet relatati ma’ pajjiżi partikolari

Il-Belarussja

38.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet kontinwi tal-libertà ta' espressjoni u tal-libertajiet ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika, jikkundanna l-fastidju ta' ġurnalisti indipendenti u tal-oppożizzjoni u l-fastidju u d-detenzjoni ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u ta' kritiċi fuq akkużi foloz; u jikkundanna l-użu kontinwu tal-piena tal-mewt; jitlob li jiġġedded il-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja fit-32 sessjoni tal-Kunsill, u jistieden lill-gvern jikkoopera bis-sħiħ mar-Rapporteur Speċjali u jimpenja ruħu li jwettaq riformi li messhom ilhom li saru u li jħares id-drittijiet tal-bniedem, fosthom billi jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru mir-Rapporteur Speċjali u mekkaniżmi oħra għad-drittijiet tal-bniedem;

L-Ukrajna

39.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu rigward l-attakki indiskriminati f’żoni ċivili, attakki immirati fuq skejjel u l-użu ta’ skejjel għal skopijiet militari miż-żewġ partijiet; jikkundanna l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fil-kunflitt u jappoġġa bis-sħiħ il-Missjoni ta' Monitoraġġ tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u l-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE fl-Ukrajna; jitlob lill-Gvern tal-Ukrajna jieħu passi biex jippermetti t-twassil ta’ ċerti tipi ta’ mediċini, inklużi mediċini għat-terapija ta' sostituzzjoni bl-oppjojdi (OST), itejjeb il-proċedura ta’ reġistrazzjoni u l-mezzi ta’ aċċess għall-impjieg u l-benefiċċji mill-Istat għal persuni spustati minħabba l-kunflitt, iħassar il-leġiżlazzjoni li jista’ jkollha impatt negattiv fuq il-libertà ta’ espressjoni u ta’ assoċjazzjoni, jieħu miżuri konkreti biex jipprevjeni l-użu ta’ skejjel minn forzi armati u gruppi armati kemm f’territorji kkontrollati mill-gvern kif ukoll f'żoni li jinsabu f’idejn ir-ribelli, u jirratifika l-Istatut ta’ Ruma u jissieħeb mal-Qorti Kriminali Internazzjonali bħala membru sħiħ; jitlob lill-Istati Membri tal-UE jappoġġaw l-isforzi kollha possibbli fil-livell tan-NU biex tiġi miġġielda l-impunità u biex jitwettqu investigazzjonijiet imparzjali dwar il-każijiet ta' vjolenza u ksur tad-drittijiet tal-bniedem b'rabta mat-trażżin tad-dimostrazzjonijiet ta' Maidan kif ukoll dwar l-użu ta' munizzjonijiet dispersivi minn forzi favur il-gvern u militanti appoġġati mir-Russja matul il-kunflitt armat fil-Lvant tal-Ukrajna, u biex jindirizzaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea u ksur ieħor relatat mal-kunflitt armat fil-Lvant tal-Ukrajna;

L-Ażerbajġan

40.  Jilqa' d-dikjarazzjoni konġunta dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ażerbajġan li saret matul id-29 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, iżda jiddispjaċih li numru ta' Stati Membri tal-UE ma appoġġawx din id-dikjarazzjoni konġunta; jistieden lill-Istati membri tal-UE u lil membri oħra tal-Kunsill biex jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ażerbajġan u jaħdmu favur l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni li titlob il-ħelsien immedjat ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, attivisti politiċi u ċivili, ġurnalisti u bloggers li ġew arrestati jew li ntbagħtu l-ħabs fuq akkużi politikament motivati, investigazzjoni sħiħa ta' allegazzjonijiet ta' tortura matul id-detenzjoni, u t-tħassir ta' liġijiet li jirrestrinġu bla bżonn il-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni fl-Ażerbajġan;

L-Użbekistan

41.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jaħdmu lejn riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU li tistabbilixxi mekkaniżmu tan-NU ddedikat għall-Użbekistan biex jiżguraw monitoraġġ, rapportar pubbliku u dibattiti tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Użbekistan, u biex jindirizzaw ir-rekord tal-Użbekistan ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-mekkaniżmi tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-detenzjoni kontinwa ta’ numru kbir ta’ priġunieri politiċi, inklużi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ir-restrizzjonijiet kontinwi fuq il-libertà ta’ assoċjazzjoni, il-libertà ta' espressjoni u tal-midja, u l-użu kontinwu tat-tħaddim tat-tfal;

Is-Sirja

42.  Iħeġġeġ lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem biex jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSC) jieħu azzjoni xierqa sabiex jiżgura li min wettaq ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż ksur li jista' jikkostitwixxi delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra, jinżamm responsabbli, anke billi s-sitwazzjoni fis-Sirja tinġieb quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali;

Il-Jemen

43.  Jesprimi tħassib kbir dwar il-kriżi serja li ilha taffettwa l-pajjiż minn Settembru 2014, meta twettqu ksur serju tal-liġijiet tal-gwerra u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem minn Houthis u minn gruppi armati Jemeniti oħrajn, u minn Marzu 2015, meta koalizzjoni mmexxija mis-Sawdi għamlet l-istess; jikkundanna, b’mod partikolari, l-attakki mill-ajru indiskriminati u sproporzjonati mwettqa mill-koalizzjoni tal-aħħar, li qatlu u darbu għexieren ta’ ċivili u qerdu ħafna oġġetti ta’ proprjetà ċivili; billi l-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem huwa mistenni li jirrapporta lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen fis-sessjoni tiegħu li jmiss, f’Marzu 2016; jistieden lill-UE tappoġġa, fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, it-twaqqif ta’ inkjesta internazzjonali sabiex jiġi ddokumentat il-ksur min-naħat kollha sa minn Settembru 2014;

Il-Bahrain

44.  Jiddispjaċih li ma sar l-ebda progress mill-Gvern tal-Bahrain biex jindirizza t-tħassib relatat mad-detenzjoni kontinwa ta’ ħafna nies, fosthom difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, attivisti politiċi u ġurnalisti, talli eżerċitaw id-drittijiet għal-libertà ta’ għaqda paċifika u ta’ assoċjazzjoni, in-nuqqas ta’ responsabbiltà għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi t-tortura u n-nuqqas ta’ indipendenza u imparzjalità tal-ġudikatura fil-Bahrain; Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jindirizzaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bahrain fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem permezz ta’ dikjarazzjonijiet individwali, dikjarazzjoni konġunta ta' segwitu jew riżoluzzjoni li tħeġġeġ lill-Bahrain biex immedjatament u b’mod inkundizzjonat jeħles lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti politiċi kollha u individwi oħrajn li ġew detenuti u akkużati b’allegat ksur relatat mad-drittijiet tal-espressjoni, l-għaqda u l-assoċjazzjoni paċifiċi, jiddigrieta u jiżgura investigazzjonijiet imparzjali rigward l-allegazzjonijiet kollha ta’ tortura u trattament ħażin u biex jiffaċilita malajr iż-żjara tar-Rapporteur Speċjali dwar it-tortura u mekkaniżmi oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem; itenni t-talba tiegħu lill-UE biex tiżviluppa strateġija komprensiva dwar kif l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jistgħu jinsistu fuq il-ħelsien tal-attivisti arrestati u tal-priġunieri minħabba twemmin;

Is-Sudan t'Isfel

45.  Jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem jappoġġa l-ħatra ta' Rapporteur Speċjali għas-Sudan t'Isfel b'mandat li jimmonitorja u jirrapporta pubblikament dwar ksur, fosthom ir-reklutaġġ u l-użu ta' suldati tfal, kif ukoll dwar l-użu militari ta' skejjel, u biex jagħmel rakkomandazzjonijiet biex tinkiseb responsabbiltà effikaċi;

Ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK)

46.  Jilqa’ r-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali li tikkundanna "l-ksur sistematiku, mifrux u gravi, fit-tul u kontinwu, tad-drittijiet tal-bniedem" fir-RDPK u jħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jieħu azzjoni adatta biex tiġi żgurata r-responsabbiltà, inkluż permezz ta’ eżami ta’ riferiment tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea lill-Qorti Kriminali Internazzjonali, u jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem biex itenni l-appell tiegħu għal responsabbiltà, inkluż ta’ dawk responsabbli għal delitti kontra l-umanità skont il-politiki stabbiliti fl-ogħla livell tal-Istat għal għexieren ta’ snin;

Pajjiżi taħt l-Eżami Perjodiku Universali (EPU)

Il-Georgia

47.  Jilqa' l-adeżjoni tal-Georgia mal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-EPU reċenti dwar il-Georgia; jinnota r-riformi leġiżlattivi sinifikattivi li rriżultaw f'ċertu progress u titjib rigward is-settur tal-ġustizzja u l-infurzar tal-liġi, l-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-ġlieda kontra t-trattatment ħażin, id-drittijiet tat-tfal u l-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali kif ukoll tal-persuni spostati f'pajjiżhom (IDPs); jinnota, madankollu, li huma meħtieġa aktar sforzi fir-rigward tat-trattament ħażin, speċjalment rigward id-detenzjoni ta’ qabel il-proċess u r-riabilitazzjoni tal-vittmi, ir-responsabbiltà għal abbużi mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, investigazzjonijiet dwar abbużi tal-passat minn uffiċjali tal-gvern u l-minoranzi u d-drittijiet tan-nisa; għadu mħasseb dwar il-libertà ta' espressjoni u tal-midja u n-nuqqas ta' aċċess mill-persuni inkarigati mill-monitoraġġ għar-reġjuni okkupati tal-Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar, fejn il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem għadu mifrux; jistieden lill-Gvern tal-Georgia jieħu miżuri xierqa bl-għan li jiżgura li jingħata segwitu lir-rakkomandazzjonijiet li sarulu fil-proċess tal-EPU;

Il-Libanu

48.  Ifaħħar lil-Libanu għall-politika ta' fruntieri miftuħa u akkoljenza li ilu jħaddan għal ħafna snin fir-rigward tar-rifuġjati mill-Palestina, l-Iraq u s-Sirja, u jistieden lill-Unjoni Ewropea talloka aktar riżorsi u taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet Libaniżi biex tgħin lill-pajjiż fil-protezzjoni tad-drittijiet tar-refuġjati u tal-persuni li jfittxu l-ażil; huwa mħasseb, f'dan il-kuntest, dwar l-għadd irrappurtat sinifikanti ta' każijiet ta' żwieġ tat-tfal u/jew żwieġ sfurzat fost ir-rifuġjati Sirjani; iħeġġeġ lill-Gvern Libaniż jikkunsidra riforma tal-liġi li tirrgola d-dħul u r-residenza fil-Libanu u l-ħruġ minnu, li ma tiddistingwix bejn l-applikanti għall-ażil u r-rifuġjati, minn naħa waħda, u l-migranti, min-naħa l-oħra; jappoġġa r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) li jitolbu miżuri biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost il-ħaddiema domestiċi migranti nisa dwar id-drittijiet tal-bniedem tagħhom skont il-Konvenzjoni CEDAW, li l-Libanu huwa stat parti għaliha; jenfasizza, b'mod partikolari, il-bżonn li tiġi abolita s-"sistema Kafala" u jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja min-naħa tal-ħaddiema domestiċi migranti nisa, anki billi jiġu garantiti s-sikurezza u s-soġġorn tagħhom matul il-proċeduri ġuridiċi u amministrattivi relatati mal-istatus tagħhom;

Il-Mauritania

49.  Jenfasizza li filwaqt li sar progress min-naħa tal-Gvern tal-Mauritania fit-teħid ta' miżuri leġiżlattivi bl-għan tal-ġlieda kontra kull forma ta' skjavitù u prattiki li jixbhu l-iskjavitù, in-nuqqas ta' implimentazzjoni effikaċi jikkontribwixxi għall-persistenza ta' tali prattiki; jistieden lill-awtoritajiet jadottaw liġi kontra l-iskjavitù, jagħtu bidu, fuq skala nazzjonali, għall-ġbir sistematiku u regolari ta' data diżaggregata dwar kull form ta' skjavitù u jwettqu studju bir-reqqa bbażat fuq provi dwar l-istorja u n-natura tal-iskjavitù bl-għan li din il-prattika tinqered;

50.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Mauritania jippermettu l-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni, bi qbil mal-konvenzjonijiet internazzjonali u mad-dritt intern tal-Mauritania; jappella wkoll għall-ħelsien ta' Biram Dah Abeid, Bilal Ramdane u Djiby Sow ħalli jkunu jistgħu jkomplu l-kampanja tagħhom ta' nonvjolenza kontra t-tkomplija tal-iskjavitù mingħajr biża' ta' fastidju jew intimidazzjoni;

Il-Myanmar

51.  Jilqa' l-fatt li saru elezzjonijiet kompetittivi fit-8 ta' Novembru 2015, pass importanti fit-tranżizzjoni demokratika tal-pajjiż; jibqa' mħasseb, madankollu, dwar il-qafas kostituzzjonali għal dawn l-elezzjonijiet, li skontu 25 % tas-siġġijiet fil-Parlament huma riżervati għall-militar; jirrikonoxxi l-progress li sar s'issa fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jidentifika għadd ta' oqsma li għadhom ta' tħassib kbir, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi u l-libertà ta' espressjoni, assoċjazzjoni u għaqda paċifika;

52.  Jikkundanna d-diskriminazzjoni kontra r-Rohingya, li hija mħarrxa mill-fatt li din il-komunità m'għandhiex status ġuridiku, u miż-żieda fid-diskors ta' mibegħda kontra min mhuwiex Buddist; jitlob li jsiru investigazzjonijiet sħaħ, trasparenti u indipendenti dwar ir-rapporti kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra r-Rohingya u jqis li l-erba' liġijiet adottati mill-parlament fl-2015 bl-għan "tal-protezzjoni tar-razza u r-reliġjon", għandhom aspetti diskriminatorji fir-rigward tal-ġeneru; itenni t-talba tiegħu biex l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) jitħalla jistabbilixxi uffiċċju fil-pajjiż; jinsisti fuq il-ħtieġa li ssir valutazzjoni tal-impatt tas-sostenibbiltà sħiħa qabel ma jiġu ffinalizzati n-negozjati dwar il-ftehim ta' investiment UE-il-Myanmar;

In-Nepal

53.  Jilqa' d-dħul fis-seħħ fl-20 ta' Settembru 2015 tal-kostituzzjoni l-ġdida tan-Nepal, li għandha tibni l-bażi għall-istabilità politika u l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż fil-futur; jittama li t-tħassib li fadal dwar ir-rappreżentanza politika tal-minoranzi, inklużi d-Dalits, u l-liġijiet dwar iċ-ċittadinanza se jiġi indirizzat fil-futur qrib; jiddispjaċih dwar in-nuqqas mifrux ta' responsabbiltà għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa miż-żewġ naħat matul il-gwerra ċivili, minkejja l-adozzjoni f'Mejju 2014 tal-Att dwar il-Verità, ir-Rikonċiljazzjoni u l-Għajbien; iħeġġeġ lill-Gvern tan-Nepal jaderixxi għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Furzat; jikkundanna l-limitazzjonijiet li tqiegħdu fuq il-libertajiet fundamentali tar-refuġjati Tibetani; iħeġġeġ lill-Indja tneħħi l-imblokk mhux uffiċjali tagħha fuq l-ekonomija tan-Nepal li, flimkien mat-terremot devastanti ta' April 2015, qed jikkawża kriżi umanitarja u jwassal biex madwar miljun Nepaliż ieħor jgħixu f'sitwazzjoni staġnata ta' faqar;

L-Oman

54.  Ifaħħar lill-Oman għall-istabbiliment tal-Kummissjoni governattiva Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (NHRC) u għall-istedina li ppermettiet iż-żjara bla preċedent tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Dritt għall-Għaqda Paċifika f'Settembru 2014; jesprimi t-tama li dawn il-passi kostruttivi jwasslu għal involviment aktar intensiv mill-Oman mar-rappreżentanti tan-NU għad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-Oman jieħu l-passi meħtieġa biex itaffi dak li r-Rapporteur Speċjali tan-NU ddeskriva bħala sitwazzjoni mifruxa ta' biża' u intimidazzjoni fil-pajjiż, billi ddikjara li individwi kienu "jibżgħu jesprimu fehmiethom, jibżgħu jitkellmu bit-telefon u jibżgħu jiltaqgħu"; għadu mħasseb dwar, u jistieden lill-Gvern jikkunsidra mill-ġdid, f'dan il-kuntest, il-projbizzjoni tal-partiti politiċi kollha u l-liġi l-ġdida dwar iċ-ċittadinanza adottata f'Awwissu 2014, li tistipula li ċittadini li jissieħbu ma' gruppi meqjusa ta' ħsara għall-interessi nazzjonali jista' jkollhom iċ-ċittadinanza tagħhom revokata; jistieden lill-Istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex joffru għajnuna teknika u legali biex jgħinu lill-Oman joħloq ambjent sigur u abilitanti għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

Ir-Rwanda

55.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Rwanda, inklużi r-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni, it-tiċkin tal-ispazju demokratiku għal partiti politiċi fl-oppożizzjoni u l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili indipendenti, u n-nuqqas ta' ambjent favorevoli għall-indipendenza tal-ġudikatura; jistieden lill-Gvern tar-Rwanda jiftaħ spazju demokratiku fejn l-oqsma kollha tas-soċjetà jistgħu joperaw liberament;

56.  Jinsab imħasseb dwar il-bidla kostituzzjonali proposta bl-għan li l-President fil-kariga jkun jista' jikkontesta għat-tielet mandat; jistieden lill-Gvern tar-Rwanda jirrispetta l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza, li l-Artikolu 5 tagħha jistipula li l-istati partijiet għandhom jieħdu l-miżuri adegwati kollha biex jiżguraw id-dritt kostituzzjonali, b'mod partikolari t-trasferiment tas-setgħa kostituzzjonali, u l-Artikolu 23 tagħha li jgħid li kwalunkwe emenda tal-kostituzzjoni li tmur kontra l-prinċipji ta' bidla demokratika tal-gvern hija illegali;

°

°  °

57.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tad-69 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, u lis-Segretarju Ġenerali tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0470.

Avviż legali - Politika tal-privatezza