MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-2016
14.1.2016 - (2015/3035(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Charles Tannock, Raffaele Fitto, Edward Czesak, Angel Dzhambazki f'isem il-Grupp ECR
B8-0065/2016
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-2016
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom, inkluża l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi r-riżoluzzjonijiet ta' urġenza tiegħu dwar dawn il-kwistjonijiet,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2014 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar din il-kwistjoni[1],
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-2015 tal-UNHRC lill-Assemblea Ġenerali tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-2015 u l-2016 huma snin ta' anniversarji importanti f'dik li hi t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, tal-paċi u tas-sigurtà: is-70 anniversarju mit-twaqqif tan-Nazzjonijiet Uniti, il-50 anniversarju tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR), it-30 u l-20 anniversarju tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Dritt għall-Iżvilupp (1986) u tad-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Pjattaforma għal Azzjoni (1995) rispettivament u l-15-il anniversarju tar-riżoluzzjoni storika tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà (2000) u tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (2000);
B. billi d-difiża tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem indipendentement mir-razza, mill-oriġini, mis-sess jew mill-kulur hija obbligu għall-istati kollha; billi l-Istati kollha għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet bażiċi tal-popolazzjonijiet rispettivi tagħhom u d-dmir li jieħdu azzjoni konkreta biex jiffaċilitaw ir-rispett ta' dawn id-drittijiet fil-livell nazzjonali, u biex jikkooperaw f'livell internazzjonali bl-għan li jiġu eliminati l-ostakli għar-realizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha;
C. billi r-rispett, il-promozzjoni u s-salvagwardja tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem huma parti mill-acquis etiku u ġuridiku tal-Unjoni Ewropea u huma wieħed mill-pedamenti tal-għaqda u l-integrità Ewropea;
D. billi l-azzjoni tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi hija mmexxija mill-Artikolu 21 tat-Trattat ta' Lisbona, li jafferma mill-ġdid l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u jipprevedi r-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali;
E. billi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem għandu jitqies fl-oqsma kollha ta' politika li jinvolvu l-paċi u s-sigurtà, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-kummerċ u l-investiment, l-azzjoni umanitarja, it-tibdil fil-klima u l-ġlieda kontra t-terroriżmu;
F. billi s-sessjonijiet regolari tal-UNHRC, il-ħatra ta' Rapporteurs Speċjali, il-mekkaniżmu ta' Eżami Perjodiku Universali (EPU) u l-Proċeduri Speċjali li jittrattaw is-sitwazzjoni f'pajjiżi speċifiċi jew kwistjonijiet tematiċi, ilkoll jikkontribwixxu għall-promozzjoni u għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;
G. billi, sfortunatament, uħud mill-membri attwali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem huma kkunsidrati bħala fost l-agħar awturi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u għandhom passat dubjuż f'termini ta' kooperazzjoni mal-Proċeduri Speċjali tan-NU u ta' konformità mar-rekwiżiti ta' rappurtar tagħhom vis-à-vis l-korpi tat-trattat tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU;
1. Jilqa' l-ħatra tal-Ambaxxatur Choi Kyong-lim bħala President tal-UNHRC għall-2016;
2. Jilqa' r-rapport annwali tal-UNHRC lill-Assemblea Ġenerali tan-NU li jkopri t-28, id-29 u t-30 sessjoni tagħha;
3. Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-membri tal-UNHRC għandhom ikunu eletti minn fost l-istati li jiddefendu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija, u jfakkar lill-istati membri tan-NU jippromwovu kriterji bbażati fuq ir-riżulati fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem bħala kundizzjoni għal kwalunkwe stat li se jiġi elett bħala membru tal-UNHRC; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar abbużi relatati mad-drittijiet tal-bniedem fost għadd ta' membri tal-UNHRC li għadhom kif ġew eletti;
4. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Proċeduri Speċjali u l-istatus indipendenti tad-detenturi tal-mandat, li jippermettulhom iwettqu l-funzjoni tagħhom b'imparzjalità sħiħa, u jistieden lill-istati kollha biex jikkooperaw ma' dawn il-proċeduri;
5. Jafferma mill-ġdid l-importanza tal-universalità tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU), bl-għan li jintlaħaq fehim sħiħ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Istati Membri kollha tan-NU, u jtenni l-appoġġ tiegħu għat-tieni ċiklu ta' eżami, li jiffoka fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet aċċettati matul l-ewwel ċiklu; jerġa' jitlob, madankollu, biex ir-rakkomandazzjonijiet li ma ġewx aċċettati mill-istati matul l-ewwel ċiklu jerġgħu jiġu kkunsidrati fit-tkomplija tal-proċess tal-EPU;
6. Jitlob lill-UE u lill-Kummissjoni jagħtu segwitu lir-rakkomandazzjonijiet tal-EPU fid-djalogi politiċi kollha tal-UE mal-pajjiżi kkonċernati bl-għan li jiġu eżaminati modi u mezzi ta' implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet permezz ta' strateġiji nazzjonali u reġjonali;
7. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li firxa wiesgħa ta' partijiet interessati, b'mod partikolari mis-soċjetà ċivili, jipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċess tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU), u jesprimi t-tħassib tiegħu li limitazzjonijiet gravi fixklu l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess tal-EPU ta' xi pajjiżi;
8. Jilqa' l-Inizjattiva għall-Bidla tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, maħsuba biex ittejjeb u ssaħħaħ il-preżenza globali tal-uffiċċji tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU bil-ħolqien ta' tmien hubs reġjonali biex jimmonitorjaw u jippromwovu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem b'kollaborazzjoni diretta mas-sħab bl-għan li r-rakkomandazzjonijiet dwar il-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem jissarrfu f'bidliet reali fil-prattika;
9. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-reviżjonijiet kostituzzjonali li għamlu ċerti pajjiżi, bl-għan li jbiddlu l-limitu stabbilit fuq il-mandat presidenzjali, kwistjoni li f'ċerti każi ġġenerat vjolenza marbuta mal-elezzjonijiet; jerġa' jafferma li r-rispett tad-drittijiet ċivili u politiċi, fosthom il-libertà ta' espressjoni individwali u kollettiva u l-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, huma l-uniċi indikaturi ta' soċjetà demokratika, tolleranti u pluralista;
10. Itenni li l-ħatra libera tal-mexxejja politiċi, permezz ta' elezzjonijiet awtentiċi li jsiru perjodikament abbażi ta' vot universali u ndaqs, hija dritt fundamentali li kull ċittadin għandu jgawdi f'konformità mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Artikolu 21(3)) u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (l-Artikolu 25); jerġa' jafferma li l-libertà ta' espressjoni u kuntest vibranti u favorevoli għal soċjetà ċivili indipendenti u pluralista huma rekwiżiti preliminari għall-promozzjoni tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;
11. Jikkundanna l-fastidju kontinwu u d-detenzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-membri tal-oppożizzjoni min-naħa tal-forzi tal-gvern f'għadd ta' pajjiżi terzi; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-leġiżlazzjoni inġusta u restrittiva, inklużi restrizzjonijiet fuq il-finanzjament barrani, li qed jirriżultaw fi spazju dejjem aktar limitat għall-attivitajiet tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-gvernijiet kollha jippromwovu u jiffaċilitaw il-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-attivitajiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jippermettulhom joperaw mingħajr biża', repressjoni jew intimidazzjoni;
12. Huwa tal-fehma li t-teknoloġiji diġitali kontemporanji joffru vantaġġi u sfidi għall-protezzjoni tad-dritt għall-privatezza u għall-eżerċizzju tal-libertà ta' espressjoni online fid-dinja kollha; jilqa', f'dan il-kuntest, il-ħatra ta' Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Dritt għall-Privatezza fl-Era Diġitali, li fil-mandat tiegħu hemm inklużi l-kwistjonijiet ta' sorveljanza u privatezza li jolqtu l-persuni online jew offline;
13. Ifakkar li l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon u tat-twemmin hija dritt fundamentali tal-bniedem, kif rikonoxxut fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u garantita mill-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi; ifakkar, bl-istess mod, fir-rabta ta' din il-libertà ma' drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali oħra, li jinkludu magħhom id-dritt li wieħed jemmen jew ma jemminx, il-libertà li wieħed ikollu twemmin teistiku, mhux teistiku jew ateistiku, u d-dritt li wieħed jadotta, ibiddel u jabbanduna jew jirritorna għat-twemmin tal-għażla tiegħu; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li xi pajjiżi għadhom mhumiex konformi mal-istandards tan-NU u jużaw ir-repressjoni statali, li tista' tinkludi pieni fiżiċi, żmien ta' priġunerija, multi enormi u saħansitra anke l-piena tal-mewt, u dan bi ksur tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin; jinsab imħasseb dwar iż-żieda fil-persekuzzjoni ta' minoranzi reliġjużi jew ta' twemmin, inklużi komunitajiet Kristjani, kif ukoll il-ħsara illegali li qed issir fil-postijiet fejn dawn jinġabru;
14. Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jżidu l-isforzi tagħhom fil-livell tan-NU biex jikkontribwixxu għall-qerda tal-forom kollha ta' diskriminazzjoni reliġjuża u jippromwovu d-djalogu bejn ir-reliġjonijiet fir-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi terzi; jitlob azzjonijiet konkreti għall-protezzjoni ta' minoranzi reliġjużi u persuni bla twemmin, apostati u atei li huma vittmi ta' liġijiet dwar l-atti blasfemi; jilqa' favorevolment l-impenn tal-UE li tippromwovi l-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin fil-fora internazzjonali, inkluż billi tappoġġja l-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU għal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin; jappoġġja bis-sħiħ il-prattika tal-UE li tieħu f'idejha t-tmexxija ta' riżoluzzjonijiet tematiċi dwar dan is-suġġett fi ħdan il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-AĠNU;
15. Iqis li l-kummerċ u d-drittijiet tal-bniedem jistgħu jmorru id f'id u li l-komunità kummerċjali għandha rwol importanti x'tiżvolġi fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija;
16. Isostni b'qawwa l-implimentazzjoni effikaċi u komprensiva tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, kemm fi ħdan kif ukoll barra mill-UE, anki bis-saħħa tal-iżvilupp tal-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jimtlew il-lakuni tal-implimentazzjoni effikaċi tal-Prinċipji Gwida tan-NU, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja u r-rimedji;
17. Jistieden lin-NU u lill-UE jittrattaw il-kwistjoni tad-difensuri tad-drittijiet għall-art, li huma vittmi ta' rappreżalji, anki fil-forma ta' theddid, fastidju, arrest arbitrarju, attakk u qtil, talli jikkritikaw l-akkwist ta' art fuq skala kbira askapitu tad-drittijiet għall-art u l-ikel tal-popolazzjonijiet rurali f'pajjiżi terzi; jappella biex, fil-proġetti tagħhom fl-ambitu tad-drittijiet tal-bniedem, il-mekkaniżmi tan-NU u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija jinkludu sistematikament lid-difensuri tad-drittijiet għall-art;
18. Jilqa' l-Ftehim ta' Pariġi taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li tkopri l-adattament, il-mitigazzjoni, l-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija, u l-bini tal-kapaċità; jinsisti li l-kwistjoni tal-bidla fil-klima għandha tiġi integrata fl-oqsma kollha ta' politika ekonomika; iħeġġeġ lill-istati partijiet li huma firmatarji għal dan il-Ftehim jadottaw miżuri urġenti u ambizzjużi ta' mitigazzjoni u adattament u billi jintegraw it-tibdil fil-klima fl-oqsma kollha ta' politika;
19. Jilqa' r-Riżoluzzjoni reċenti 2242 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, li tagħmel lin-nisa l-komponent ċentrali fl-isforzi kollha biex jiġu indirizzati l-isfidi globali, inkluża ż-żieda tal-estremiżmu vjolenti, it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, l-iżvilupp sostenibbli, il-paċi u s-sigurtà; ifaħħar is-sejbiet tal-Istudju Globali tan-NU dwar l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, li enfasizzaw l-importanza tat-tmexxija u l-parteċipazzjoni tan-nisa fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u l-bini tal-paċi u li l-involviment tagħhom tejjeb l-assistenza umanitarja, saħħaħ l-isforzi tal-forzi taż-żamma tal-paċi, rawwem il-konklużjoni tat-taħditiet ta' paċi u għen biex jiġi miġġieled l-estremiżmu vjolenti;
20. Jesprimi l-kosternazzjoni tiegħu dwar il-fatt li, minn mindu nibtu l-gruppi estremisti vjolenti bħal Daesh fis-Sirja u fl-Iraq jew Boko Haram fl-Afrika tal-Punent, il-vjolenza kontra n-nisa kisbet dimensjoni ġdida li hi aktar tal-waħx minn qatt qabel, peress li l-vjolenza sesswali saret parti integrali tal-objettivi, tal-ideoloġija u tas-sors tad-dħul ta' tali gruppi estremisti, u b'hekk il-komunità internazzjonali hija konfrontata bi sfida kritika ġdida; jistieden lill-gvernijiet kollha u lill-istituzzjonijiet tan-NU jintensifikaw l-impenn tagħhom lejn il-ġlieda kontra dawn id-delitti abominabbli u jerġgħu jġibu d-dinjità tan-nisa bl-għan li ssirilhom ġustizzja, jingħataw riparazzjoni u sostenn;
21. Ifakkar li l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li kienet adottata fl-1989 u hija t-trattat internazzjonali fl-ambitu tad-drittijiet tal-bniedem li l-aktar ġie ratifikat, tiddefinixxi numru ta' drittijiet tat-tfal, fosthom id-dritt għall-ħajja, għas-saħħa, għall-edukazzjoni u għal-logħob, kif ukoll id-dritt għall-ħajja fil-familja, li jitħarsu mill-vjolenza u mid-diskriminazzjoni u li jinstemgħu fehmiethom; jistieden lill-firmatarji kollha ta' dan it-trattat jonoraw l-obbligu tagħhom;
22. Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-persistenza ta' liġijiet u prattiki diskriminatorji u ta' atti ta' vjolenza kontra individwi f'diversi pajjiżi, abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru tagħhom; jinkoraġġixxi l-monitoraġġ mill-qrib tas-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI f'pajjiżi fejn liġijiet anti-LGBTI introdotti reċentement jheddu l-ħajjiet tal-minoranzi sesswali; Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jiffukaw, fi ħdan il-qafas tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, fuq każijiet ta' kriminalizzazzjoni ta' persuni LGBTI;
23. Jappella għal azzjoni effettiva u koordinata biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni; barra minn hekk, jappella għal aktar sforzi fil-livell tan-NU biex jiġi żgurat finanzjament suffiċjenti għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-WFP u korpi oħra tan-NU involuti fl-għoti tas-servizzi bażiċi għal refuġjati ġewwa u barra żoni ta' kunflitt;
Pajjiżi taħt l-Eżami Perjodiku Universali (EPU)
Il-Georgia
24. Jilqa' l-adeżjoni tal-Georgia mal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-EPU reċenti dwar dan il-pajjiż; jieħu nota tar-riformi leġiżlattivi sinifikattivi li rriżultaw f'ċertu progress u titjib f'oqsma li jinkludu dawk tal-ġustizzja u tal-infurzar tal-liġi, l-uffiċċju tal-Prosekutur, il-ġlieda kontra t-trattatment ħażin, id-drittijiet tat-tfal u l-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali kif ukoll tal-persuni spostati f'pajjiżhom (IDPs);
25. Jinnota, madankollu, li jinħtieġu sforzi oħra fir-rigward tat-trattament ħażin, speċjalment rigward id-detenzjoni qabel il-proċess u r-riabilitazzjoni tal-vittmi; għadu mħasseb dwar il-libertà ta' espressjoni u tal-mezzi ta' komunikazzjoni u n-nuqqas ta' aċċess mill-persuni inkarigati mill-monitoraġġ għar-reġjuni okkupati tal-Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar, fejn il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem għadu mifrux; jistieden lill-Gvern tal-Georgia jieħu miżuri xierqa bl-għan li jiżgura li jingħata segwitu lir-rakkomandazzjonijiet li sarulu fil-proċess tal-EPU;
L-Ukrajna
26. Jiddeplora l-fatt li l-aggressjoni Russa li għada għaddejja ħolqot sitwazzjoni umanitarja prekarja f'Donbas u li organizzazzjonijiet umanitarji tal-Ukrajna u internazzjonali qed jiġu miċħuda aċċess għar-reġjuni okkupati; jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar l-isfida umanitarja kkawżata mill-kundizzjonijiet ta' aktar minn 1,5 miljun persuna spustata internament; huwa wkoll imħasseb ħafna dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea okkupata mir-Russja, b'mod partikolari s-sitwazzjoni mwegħra tat-Tatari tal-Krimea, kif ukoll is-sitwazzjoni ta' gruppi oħrajn ta' minoranza u dawk li jappoġġjaw il-ħakma tal-Ukrajna; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet fil-qafas tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem;
Il-Libanu
27. Ifaħħar lil-Libanu għall-politika ta' fruntieri miftuħa u akkoljenza li ilu jħaddan għal ħafna snin fir-rigward ta' rifuġjati mill-Palestina, l-Iraq u s-Sirja, u jistieden lill-UE talloka aktar riżorsi u taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet Libaniżi biex tgħin lill-pajjiż fil-protezzjoni tad-drittijiet tar-rifuġjati u tal-persuni li jfittxu l-ażil; huwa mħasseb, f'dan il-kuntest, dwar l-għadd irrappurtat sinifikanti ta' każijiet ta' żwieġ tat-tfal u/jew żwieġ sfurzat fost ir-rifuġjati Sirjani; iħeġġeġ lill-Gvern Libaniż jikkunsidra riforma tal-liġi li tirregola d-dħul u r-residenza fil-Libanu u l-ħruġ minnu, li ma tiddistingwix bejn il-persuni li jfittxu l-ażil u r-rifuġjati, minn naħa waħda, u l-migranti, min-naħa l-oħra;
28. Jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) li jitolbu miżuri biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost il-ħaddiema domestiċi migranti nisa dwar id-drittijiet tal-bniedem tagħhom skont il-Konvenzjoni CEDAW, li l-Libanu huwa stat parti għaliha; jenfasizza, b'mod partikolari, il-bżonn li tiġi abolita s-"sistema Kafala" u jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja min-naħa tal-ħaddiema domestiċi migranti nisa, anki billi jiġu garantiti s-sikurezza u s-soġġorn tagħhom matul il-proċeduri ġuridiċi u amministrattivi relatati mal-istatus tagħhom;
Il-Mauritania
29. Jenfasizza li filwaqt li sar progress min-naħa tal-Gvern tal-Mauritania fit-teħid ta' miżuri leġiżlattivi bl-għan tal-ġlieda kontra kull forma ta' skjavitù u prattiki li jixbhu l-iskjavitù, in-nuqqas ta' implimentazzjoni effikaċi jikkontribwixxi għall-persistenza ta' tali prattiki; jistieden lill-awtoritajiet jippromulgaw liġi kontra l-iskjavitù, jagħtu bidu, fuq skala nazzjonali, għall-ġbir sistematiku u regolari ta' data diżaggregata dwar kull form ta' skjavitù u jwettqu studju bir-reqqa bbażat fuq provi dwar l-istorja u n-natura tal-iskjavitù bl-għan li din il-prattika tinqered;
30. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Mauritania jippermettu l-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni, bi qbil mal-konvenzjonijiet internazzjonali u mad-dritt intern tal-Mauritania; jappella wkoll għall-ħelsien ta' Biram Dah Abeid, Bilal Ramdane u Djiby Sow ħalli jkunu jistgħu jkomplu l-kampanja tagħhom ta' nonvjolenza kontra t-tkomplija tal-iskjavitù mingħajr biża' ta' vessazzjoni jew intimidazzjoni;
Il-Myanmar
31. Jilqa' l-fatt li saru elezzjonijiet kompetittivi fit-8 ta' Novembru 2015, pass importanti fit-tranżizzjoni demokratika tal-pajjiż; jibqa' mħasseb, madankollu, dwar il-qafas kostituzzjonali għal dawn l-elezzjonijiet, li skontu 25 % tas-siġġijiet fil-Parlament huma riżervati għall-militar; jirrikonoxxi l-progress li sar s'issa fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jidentifika għadd ta' oqsma li għadhom ta' tħassib kbir, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi u l-libertà ta' espressjoni, assoċjazzjoni u għaqda paċifika;
32. Jikkundanna d-diskriminazzjoni kontra r-Rohingya, li hija mħarrxa mill-fatt li din il-komunità m'għandhiex status ġuridiku, u miż-żieda fid-diskors ta' mibegħda kontra min mhuwiex Buddist; jitlob li jsiru investigazzjonijiet sħaħ, trasparenti u indipendenti dwar ir-rapporti kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra r-Rohingya u huwa mħasseb dwar l-erba' liġijiet adottati mill-parlament fl-2015 bl-għan tal-'protezzjoni tar-razza u r-reliġjon', billi jistgħu jwasslu għal diskriminazzjoni fir-rigward tal-ġeneru; itenni t-talba tiegħu biex l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) jitħalla jistabbilixxi uffiċċju fil-pajjiż; jenfasizza l-ħtieġa li ssir valutazzjoni tal-impatt tas-sostenibilità sħiħa qabel ma jiġu finalizzati n-negozjati dwar il-ftehim ta' investiment UE-Myanmar;
In-Nepal
33. Jilqa' d-dħul fis-seħħ fl-20 ta' Settembru 2015 tal-kostituzzjoni l-ġdida tan-Nepal, li għandha tqiegħed il-pedamenti għall-istabilità politika u l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż fil-futur; jittama li t-tħassib li fadal dwar ir-rappreżentanza politika tal-minoranzi, inklużi d-Dalits, u l-liġijiet dwar iċ-ċittadinanza jiġi indirizzat fil-futur qrib;
34. Jiddispjaċih għan-nuqqas mifrux ta' responsabilità għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa miż-żewġ naħat matul il-gwerra ċivili minkejja l-adozzjoni, f'Mejju 2014, tal-Att dwar il-Verità, ir-Rikonċiljazzjoni u l-Għajbien; iħeġġeġ lill-Gvern tan-Nepal jaderixxi għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat; jikkundanna l-limitazzjonijiet li tqiegħdu fuq il-libertajiet fundamentali tar-rifuġjati Tibetani; iħeġġeġ lill-Indja tneħħi l-imblokk mhux uffiċjali tagħha fuq l-ekonomija tan-Nepal li, flimkien mat-terremot devastanti ta' April 2015, qed jikkawża kriżi umanitarja u jwassal biex madwar miljun Nepaliż ieħor jgħixu f'sitwazzjoni staġnata ta' faqar;
L-Oman
35. Ifaħħar lill-Oman għall-istabbiliment tal-Kummissjoni Nazzjonali governattiva għad-Drittijiet tal-Bniedem (NHRC) u għall-istedina li ppermettiet iż-żjara bla preċedent tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Dritt għall-Għaqda Paċifika f'Settembru 2014; jesprimi t-tama li dawn il-passi kostruttivi jwasslu għal involviment aktar intensiv mill-Oman mar-rappreżentanti tan-NU għad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem;
36. Iħeġġeġ lill-Oman jieħu l-passi meħtieġa biex itaffi dak li r-Rapporteur Speċjali tan-NU ddeskriva bħala sitwazzjoni mifruxa ta' biża' u intimidazzjoni fil-pajjiż, meta ddikjara li individwi kienu "jibżgħu jesprimu fehmiethom, jibżgħu jitkellmu bit-telefon u jibżgħu jiltaqgħu"; għadu mħasseb dwar, u jistieden lill-Gvern jikkunsidra mill-ġdid, f'dan il-kuntest, il-projbizzjoni tal-partiti politiċi kollha u l-liġi l-ġdida dwar iċ-ċittadinanza adottata f'Awwissu 2014, li tistipula li ċittadini li jissieħbu ma' gruppi meqjusa ta' ħsara għall-interessi nazzjonali jista' jkollhom iċ-ċittadinanza tagħhom revokata; jistieden lill-Istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex joffru għajnuna teknika u legali biex jgħinu lill-Oman joħloq ambjent sigur u abilitanti għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;
Ir-Rwanda
37. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Rwanda, inklużi r-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni, it-tiċkin tal-ispazju demokratiku għal partiti politiċi fl-oppożizzjoni u l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili indipendenti, u n-nuqqas ta' ambjent li jwassal għall-indipendenza tal-ġudikatura; jistieden lill-Gvern tar-Rwanda biex jiftaħ spazju demokratiku fejn l-oqsma kollha tas-soċjetà jistgħu joperaw liberament;
38. Jinsab imħasseb dwar bidla kostituzzjonali, li saret possibbli permezz tar-referendum li sar fit-18 ta' Diċembru 2015, li tippermetti lill-President fil-Kariga jikkontesta t-tielet mandat; jistieden lill-Gvern tar-Rwanda biex jirrispetta l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza, li l-Artikolu 5 tagħha jistipula li l-istati partijiet għandhom jieħdu l-miżuri adegwati kollha biex jiżguraw id-dritt kostituzzjonali, b'mod partikolari t-trasferiment tas-setgħa kostituzzjonali, u l-Artikolu 23 tagħha li jgħid li kwalunkwe emenda tal-kostituzzjoni li tmur kontra l-prinċipji ta' bidla demokratika tal-gvern hija illegali;
Is-Sudan t'Isfel
39. Jilqa' l-Ftehim ta' Paċi ffirmat mill-partijiet fi ġlied fit-28 ta' Awwissu 2015 biex tintemm il-gwerra ċivili, li jinkludi poter tranżizzjonali u l-arranġamenti tas-sigurtà u l-ħolqien ta' qorti ibrida biex tiġġudika d-delitti kollha li twettqu minn meta beda l-kunflitt; ifakkar li l-kunflitt sewa eluf ta' ħajjiet u wassal għal mijiet ta' eluf ta' persuni spustati u rifuġjati;
40. Jistieden lill-partijiet kollha biex joqgħodu lura milli jwettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali, inklużi dawk li jammontaw għal delitti internazzjonali, bħalma huma l-qtil extraġudizzjarju, vjolenza mmirata etnikament, vjolenza sesswali relatata mal-kunflitti, inkluż l-istupru, kif ukoll il-vjolenza bbażata fuq is-sessi, ir-reklutaġġ u l-użu tat-tfal, l-għajbien sfurzat, l-arresti u d-detenzjoni arbitrarji;
Is-Sirja
41. Jenfasizza l-importanza tal-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta tan-NU dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana; jinnota bi tħassib serju l-konklużjoni prinċipali tal-kummissjoni ta' inkjesta li l-kawża prinċipali ta' mwiet ta' persuni ċivili, spustament arbitrarju u l-qerda tibqa' it-tqegħid fil-mira intenzjonat ta' persuni ċivili, attakki indiskriminati u sproporzjonati, attakki fuq persuni ċivili u oġġetti ta' wirt kulturali protetti u l-impożizzjoni punittiva ta' assedji u mblokki;
42. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-kummissjoni ta' inkjesta hi ffinanzjata b'mod adegwat biex twettaq il-mandat tagħha, li jikkonsisti f'li tistabbilixxi l-fatti u ċ-ċirkostanzi ta' kull ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem kommess, u fejn possibbli, biex tidentifika lil dawk responsabbli bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-awturi ta' ksur, inkluż ksur li jista' jikkostitwixxi delitti kontra l-umanità, jinżammu responsabbli;
Il-Venezwela
43. Jilqa' l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti fil-Venezwela fis-6 ta' Diċembru 2015; jilqa' l-aċċettazzjoni tar-riżultati mill-Gvern kif ukoll mill-forzi tal-oppożizzjoni; ifakkar l-importanza li tiġi rispettata l-Kostituzzjoni u li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem, u li titwettaq ir-rieda tal-poplu Venezwelan, u jenfasizza li l-parlament il-ġdid għandu jkun jista' jagħmel xogħlu u l-istituzzjonijiet tal-istat għandhom ikunu kapaċi jaħdmu flimkien;
44. Ifakkar li l-gvern il-ġdid se jkollu jittratta firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, li jvarjaw mill-impunità u r-responsabilità għall-qtil extraġudizzjajru, inkluż mill-forzi tas-sigurtà, għall-arrest u d-detenzjoni arbitrarji, il-priġunieri politiċi, id-dritt għal proċess ġust u l-indipendenza tal-ġudikatura, il-libertà ta' assemblea u assoċjazzjoni u l-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni;
Iċ-Ċina
45. Jinnota d-deterjorament reċenti tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina; jinsab imħasseb ħafna dwar l-arrest, il-proċess u l-issentenzjar ta' bosta attivisti tad-drittijiet ċivili, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-kritiċi tal-gvern; jibqa' mħasseb dwar ir-restrizzjonijiet severi persistenti fuq il-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni, tal-assemblea, u tar-reliġjon, kif ukoll dwar l-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, u jiddeplora t-trattament ta' sikwit diskriminatorju tal-minoranzi reliġjużi u etniċi fiċ-Ċina; jistieden lill-UE u l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem biex jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet Ċiniżi fid-djalogi tagħhom sabiex jippromwovu r-rispett għall-universalità tad-drittijiet tal-bniedem;
Ir-Russja
46. Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, u b'mod partikolari l-manipolazzjoni tal-ġudikatura mill-awtoritajiet politiċi; ifakkar li huwa suspettat li xi leġiżlaturi Russi tal-oppożizzjoni u ġurnalisti investigattivi ġew maqtula waqt li kienu qed jinvestigaw il-korruzzjoni u r-reati allegati min-naħa tal-awtoritajiet statali jew tal-FSB; jiddeplora l-fatt li l-istampa u mezzi ta' komunikazzjoni oħra għadhom dipendenti ħafna fuq l-awtoritajiet politiċi; jiddispjaċieh dwar il-fatt li r-Russja kompliet il-politika ostili tagħha lejn NGOs barranin, billi ġegħlithom jerġgħu jirreġistraw bħala organizzazzjonijiet Russi soġġetti għal ġurisdizzjoni Russa u b'hekk għal restrizzjonijiet finanzjarji u legali aktar iebsa;
L-Iran
47. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, b'mod partikolari numri kbar ta' eżekuzzjonijiet ta' priġunieri, inklużi allegati delinkwenti minorenni, kif ukoll priġunieri politiċi u membri ta' minoranzi reliġjużi;
o
o o
48. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tad-69 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lis-Segretarju Ġenerali tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.
- [1] Testi adottati, P8_TA(2015)0470.