Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0068/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0068/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-implimentazzjoni ta’ Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni/DCFTA mal-Georgja, il-Moldova u l-Ukrajna

15.1.2016 - (2015/3032(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Rebecca Harms, Heidi Hautala, Tamás Meszerics, Ulrike Lunacek, Peter Eriksson, Igor Šoltes f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0068/2016

Proċedura : 2015/3032(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0068/2016
Testi mressqa :
B8-0068/2016
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B8-0068/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni/DCFTA mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna

(2015/3032(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Georgja, il-Moldova u l-Ukrajna,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali u r-rakkomandazzjonijiet tat-tieni laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Assoċjazzjoni UE-Ukrajna li saret f’Kiyv fl-4-5 ta’ Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali u r-rakkomandazzjonijiet tal-ewwel laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta’ Assoċjazzjoni UE-Georgja li saret f'Tbilisi fit-3-4 ta’ Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali u r-rakkomandazzjonijiet tal-ewwel laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta’ Assoċjazzjoni UE-Moldova li saret fi Brussell fil-21-22 ta’ Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat tad-9 ta' Lulju 2015[1],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Georgja, il-Moldova u l-Ukrajna jikkostitwixxu punt deċiżiv għal dawn il-pajjiżi li jinsabu fi triqithom lejn l-integrazzjoni Ewropea;

B.  billi ż-żoni ta’ kummerċ ħieles approfonditi u komprensivi (DCFTA) huma parti integrali ta’ dawn il-ftehimiet, immirati lejn aktar tisħiħ tar-relazzjonijiet ekonomiċi mal-UE u jirrappreżentaw opportunità importanti għall-iżvilupp sostenibbli ta’ dawn il-pajjiżi sakemm il-klawsoli kollha jiġu implimentati b’mod sħiħ u l-għajnuna meħtieġa tiġi fornuta;

C.  billi r-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) maħruġa fit-18 ta’ Novembru 2015 tidentifika s-sigurtà u l-istabbiltà bħala l-aktar aspetti u sfidi urġenti għas-snin li ġejjin;

D.  billi l-Georgja, il-Moldova u l-Ukrajna ġew affettwati minn kunflitti mtawla instigati mill-Federazzjoni Russa u mmirati biex idgħajfu s-sovranità u l-integrità territorjali tal-pajjiżi kkonċernati kif ukoll ir-rieda tal-poplu tagħhom li jiddeterminaw liberament il-ġejjieni tagħhom;

E.  billi l-governanza tajba, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem jibqgħu fil-qalba tal-PEV u jirrappreżentaw impenn fundamentali b’mod partikolari mit-tliet pajjiżi li ffirmaw Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni mal-UE;

1.  Jappoġġja l-għan tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni u Żoni ta’ Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (AA/DCFTA) biex jiġu approfonditi b’mod sinifikanti tar-relazzjonijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi bejn il-Georgja, il-Moldova, l-Ukrajna u l-UE; jistenna li l-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawn il-ftehimiet iġġib magħha titjib tanġibbli fil-ħajja taċ-ċittadini tal-Georgja, il-Moldova u l-Ukrajna f’oqsma bħall-edukazzjoni, l-impjiegi u l-ġustizzja, u żżid l-istandard tal-għajxien tagħhom u s-sigurtà tagħhom; jistieden lill-Istati Membri li għadhom m’għamlux dan biex ilestu l-proċess ta’ ratifika għat-tliet Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni;

2.  Jenfasizza, b’mod partikolari, l-importanza li jiġu implimentati l-klawsoli kollha tal-ftehim u li jsir kull sforz biex jiġi żgurat li l-popolazzjoni kollha tal-pajjiżi kkonċernati jistgħu jibbenefikaw minnhom;

3.  Jiġbed l-attenzjoni dwar ir-riperkussjonijiet soċjali u ambjentali potenzjalment negattivi ta’ implimentazzjoni parzjali jew selettiva tad-DCFTA u jappella, f’dan ir-rigward, lill-awtoritajiet relevanti jadottaw il-miżuri neċessarji bil-għan li jiġi evitat kwalunkwe dumping soċjali u ambjentali possibbli; jenfasizza l-importanza tas-sorveljanza parlamentari fil-proċess ta’ implimentazzjoni tal-AA, f’konformità mal-aħjar prattiki tal-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE u jilqa’ l-ftehim bejn it-tliet parlamenti rilevanti li jappoġġjaw lil xulxin f’dan ir-rigward;

4.  Jenfasizza r-rwol kruċjali li l-Kummissjoni għandha tassumi fil-faċilitazzjoni tal-implimentazzjoni tal-AA/DCFTA, il-monitoraġġ tal-awtoritajiet rilevanti u l-assistenza teknika u finanzjarja lil dawn tal-aħħar sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu fi żmien qasir mill-effetti u l-benefiċċji pożittivi u tanġibbli koperti minn dawn il-ftehimiet;

5.  Jilqa’ l-isforzi li għamlu l-Georgja, il-Moldova u l-Ukrajna biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun qrib l-istandards tal-UE bbażati fuq impenji tal-AA/DCFTA; jenfasizza l-importanza li jinżammu r-ritmu u l-perkors tar-riformi u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati biex jagħmlu użu sħiħ mill-assistenza disponibbli tal-UE;

6.  Jilqa’, f’dan ir-rigward, il-ħidma tal-Missjoni ta’ Konsulenza tal-UE għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna, kif ukoll id-diversi pjattaformi stabbiliti mill-istituzzjonijiet tal-UE biex jappoġġjaw l-Ukrajna fl-isforzi ta’ riforma tagħha, bħal Grupp ta’ Appoġġ tal-Kummissjoni għall-Ukrajna, u t-Task Force tal-Ukrajna maħluqa mill-Kumitat tar-Reġjuni dan l-aħħar; jappella għall-adozzjoni ta’ inizjattivi simili għall-Georgja u l-Moldova; jenfasizza l-ħtieġa għall-kooperazzjoni mill-qrib u skambju effikaċi tal-aħjar prattiki amministrattivi;

7.  Jissottolinja r-rwol li s-soċjetà ċivili u l-Pjattaformi tas-Soċjetà Ċivili rilevanti previsti fil-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni jista’ jkollhom f’dan il-proċess fir-rigward, b’mod partikolari, tas-sensibilizzazzjoni pubblika u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet u l-adozzjoni tar-riformi meħtieġa rilevanti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Georgja, il-Moldova u l-Ukrajna jinvolvu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati rilevanti kollha fil-proċess u jappella lill-Kummissjoni biex tipprovdi, f’dan ir-rigward, il-mezzi finanzjarji adegwati biex jagħmlu dan;

8.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' kampanja ta' informazzjoni komprensiva mmirata għall-pubbliku, li tagħti stampa ġenerali tal-għanijiet u l-kontenut tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni u l-benefiċċji diretti u konkreti għaċ-ċittadini li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tagħhom; jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta' informazzjoni oġġettiva, indipendenti u imparzjali f’dan ir-rigward, u t-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE biex tikkumbatti informazzjoni ħażina u kampanji ta’ propaganda li jirrappreżentaw l-UE u l-PEV b'mod ħażin;

9.  Itenni l-fehma tiegħu li l-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni ma jikkostitwixxux l-għan aħħari fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Georgja, il-Moldova u l-Ukrajna; jirrimarka, barra minn hekk, li skont l-Artikolu 49 tat-TUE, il-Georgja, il-Moldova u l-Ukrajna għandhom perspettiva Ewropea u jistgħu japplikaw sabiex isiru membri tal-Unjoni Ewropea, sakemm jaderixxu mal-kriterji ta' Kopenħagen u l-prinċipji tad-demokrazija, jirrispettaw il-libertajiet fundamentali u d-drittjiet tal-bniedem u dawk tal-minoranzi u jiżguraw l-istat tad-dritt;

10.  Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgja, il-Moldova u l-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti tagħhom, u jikkundanna l-politika ta’ espansjoni tar-Russja intiża sabiex tiddestabilizza l-pajjiżi ġirien li rriżultat f’kunflitti mtawla f'Abkhazia, in-nofsinhar ta' Ossetia, Transnistria u fid-Donbass u l-annessjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea; jerġa’ jafferma d-determinazzjoni tiegħu li r-rintegrazzjoni paċifika ta’ dawn it-territorji għandha tinkiseb fil-qafas tad-dritt internazzjonali;

11.  Jilqa’ r-rakkomandazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Diċembru 2015 li testendi r-reġim ta' eżenzjoni mill-viżi għall-Georgja u l-Ukrajna; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ukreni jiżguraw it-tħaddim sħiħ tal-entitajiet li jiġġiedlu l-korruzzjoni qabel April 2016 u jesprimi fiduċja li r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni se tiġi segwita minn approvazzjoni f’waqtha mill-Kunsill sabiex iċ-ċittadini tal-Georgja u l-Ukrajna jkunu jistgħu jivvjaġġaw liberament lejn l-UE bħaċ-ċittadini tal-Moldova;

12.  Jenfasizza li żvilupp bħal dan ikompli jiffaċilita l-kuntatti interpersonali, anki ma’ ċittadini Georgjani, Moldovani u Ukreni li jgħixu fir-reġjuni okkupati, u se jsaħħaħ ukoll ir-rabtiet kummercjali, kulturali u soċjali bejn l-UE u l-Georgja u l-Ukrajna, u juri li relazzjonijiet aktar mill-qrib mal-UE jġibu magħhom benefiċċji tanġibbli għal kulħadd;

13.  Jirrimarka dwar il-ħtieġa li l-UE tibqa’ magħquda u titkellem b’vuċi waħda mar-Russja u li żżomm l-Ukrajna, il-Georgja u l-Moldova fil-quċċata tal-aġenda tal-UE; jenfasizza li proċess eventwali tan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mar-Russja m’għandu bl-ebda mod iseħħ għad-detriment tal-Ukrajna, il-Georgja u l-Moldova; jenfasizza għal darba oħra li l-iżvilupp tas-Sħubija tal-Lvant mhux immirat biex ifixkel r-relazzjonijiet tradizzjonali storiċi u tal-pajjiżi kkonċernati; iħeġġeġ lill-UE tevita li toħloq tensjonijiet bla bżonn u tidentifika l-oqsma kompatibbli ta’ kooperazzjoni u integrazzjoni ekonomika mal-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika; jenfasizza, madankollu, li kwalunkwe koperazzjoni bħal din għandha tkun kompatibbli mar-regoli tad-WTO u bbażata fuq standards internazzjonali u d-deċiżjoni ħielsa u sovrana tal-istati li jipparteċipaw;

14.  Jilqa’ r-reviżjoni tal-PEV li tipprijoritizza s-sigurtà u l-istabbiltà; jenfasizza l-importanza ta’ approċċ iddivrenzjat u mfassal apposta abbażi tal-merti u l-ambizzjonijiet tal-pajjiżi kkonċernati u l-ħtieġa, b’mod partikolari, li jinħolqu strumenti innovattivi u flessibbli biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-AA/DCFTA; jappella lill-UE biex ikollha rwol aktar attiv u effettiv fir-rigward tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti li jaffettwaw l-Georgja, il-Moldova u l-Ukrajna u biex tipprovdi l-għajnuna meħtieġa sabiex tiffaċilita r-riintegrazzjoni tat-territorji kkontrollati separatisti favur ir-Russja;

L-Ukrajna

15.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-isforzi magħmula mill-istituzzjonijiet Ukreni kollha fir-riformi diġà mwettqa u jħeġġiġhom biex impenjaw ruħhom għal proċess ta' riformi aktar vigoruż b’appoġġ qawwi mill-istituzzjoni tal-UE;

16.  Jilqa’ l-applikazzjoni provviżorja tad-DCFTA mill-1 ta’ Jannar 2016; jesprimi sodisfazzjon dwar il-ħidma ta’ tħejjija li diġà sar; iħeġġeġ lid-dipartimenti tal-kummerċ tal-UE u l-Ukrajna jiżguraw li l-ekonomija tal-Ukrajna tibbenefika b'mod effettiv mill-opportunitajiet il-ġodda għall-aċċess tas-suq, filwaqt li fl-istess ħin jappoġġjaw u jiżviluppaw id-domanda interna; jiddispjaċih li ma ntlaħaqx ftehim mal-Federazzjoni Russa wara li diversi taħditiet na rnexxilhomx inaqqsu d-differenzi fir-rigward tal-preokkupazzjonijiet tar-Russja u d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Russi biex jissospendu unilateralment il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles tas-CSI u li jimponu fuq in-nazzjon l-aktar iffavorit (MFN) id-dazji oġġetti Ukreni mill-1 ta’ Jannar 2016; jissottolinja l-fatt li l-membri l-oħra tal-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika ma segwux id-deċiżjoni tar-Russja u jappella lil Moska tadotta pożizzjoni kostruttiva sabiex tiġi evitata gwerra kummerċjali ġdida; iħeġġeġ lill-UE tappoġġja lill-Ukrajna f’tilwim attwali u futuri mar-Russja fil-qafas tad-WTO billi tintervjeni bħala parti terza;

17.  Jilqa’ l-votazzjoni fl-ewwel qari tal-emendi kostituzzjonali relatati mad-deċentralizzazzjoni; ifakkar li l-Kummissjoni ta’ Venezja kienet ħarġet opinjoni pożittiva dwar l-abbozz ta’ emendi; jenfasizza li d-deċentralizzazzjoni tikkostitwixxi riforma fundamentali tal-Gvern Ukren bil-ħsieb li jiġi mmodernizzat il-pajjiż u hi maħsuba biex issaħħaħ is-setgħa u l-kapaċità istituzzjonali tal-komunitajiet lokali u ttejjeb sostanzjalment l-ġestjoni tal-art, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali, fost l-oħrajn, għall-benefiċċju taċ-ċittadini; jistenna li l-emendi għall-Kostituzzjoni tal-Ukrajna se jiġu adottati fit-tieni qari mill-maġġoranza meħtieġa fil-Verkhovna Rada tal-Ukrajna;

18.  Jilqa’ x-xogħol diliġenti li qed isir bħalissa fuq l-emendi kostituzzjonali fir-rigward tar-riforma tas-sistema ġudizzjarja u l-istatus tal-imħallfin, li hu kruċjali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; iħeġġeġ l-awtoritajiet Ukreni biex iressqu 'l quddiem dawn l-emendi, filwaqt li jqisu l-opinjoni mogħtija mill-Kummissjoni ta’ Venezja; jistieden lill-Ukrajna li tirratifika l-Istatut ta’ Ruma tal-QKI;

19.  Jindika li hu partikolarment imħasseb dwar il-livell ta’ korruzzjoni radikali ħafna fil-pajjiż u jfakkar li l-qerda tal-korruzzjoni kienet waħda mit-talbiet prinċipali tar-Rivoluzzjoni tad-Dinjità; jilqa’ l-passi meħuda reċentament, speċjalment mill-Parlament Ukren, sabiex jiġi stabbilit qafas istituzzjonali xieraq għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-pajjiż, b’konformità mal-pakkett leġiżlattiv globali kontra l-korruzzjoni adottat fl-14 ta’ Ottubru 2014, b’mod partikolari l-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni, l-Aġenzija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni u l-Aġenzija Nazzjonali responsabbli mill-irkupru tar-rikavat mill-korruzzjoni; jilqa’, barra minn hekk, l-adozzjoni reċenti tal-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi, li se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2016, u tal-liġi dwar l-akkwist pubbliku;

20.  Jilqa’ l-appoġġ attiv u s-solidarjetà tal-UE fil-qasam tal-enerġija li ppermettew li terġa tibda l-kunsinna tal-gass Russu lejn l-Ukrajna fix-xitwa għall-perjodu 2015-2016; jistieden lill-Istati Membri jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal ta’ transitu tal-Ukrajna u jsaħħu l-kooperazzjoni sabiex tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija kemm lill-UE u kif ukoll lill-Ukrajna, u jiġi evitat il-bini ta’ pipelines ġodda li jevitaw l-Ukrajna, b’mod partikolari l-iżvilupp tal-proġett “Nord Stream II” għall-kunsinna tal-gass Russu lejn l-Ewropa li jista’ jkun ta’ detriment għall-istrateġija tal-UE dwar id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija u għad-dritt tal-UE; jilqa’ l-liġi dwar l-iżvilupp ta’ enerġija alternattiva, kif ukoll il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u miżuri oħra mmirati biex jiżguraw id-diversifikazzjoni tal-enerġija u s-sikurezza tal-enerġija tal-Ukrajna;

21.  Jiddispjaċih li minkejja l-miżuri miftiehma fis-Summit ta’ Pariġi fl-hekk imsejjaħ “il-format tan-Normandija” fit-2 ta’ Ottubru 2015 u xi passi pożittivi inizjali meħuda, il-partijiet ma rnexxilhomx jimplimentaw bis-sħiħ il-Ftehim ta’ Minsk II sal-31 ta’ Diċembru 2015; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-ġlied ta’ intensità baxxa u l-ksur rikorrenti tal-waqfien mill-ġlied prinċipalment mill-forzi separatisti u jappella lill-partijiet kollha biex jirrispettaw l-impenji tagħhom; jitlob lir-Russja tirrispetta l-integrità territorjali u s-sovranità tal-Ukrajna, inklużi l-Krimea, u biex timplimenta mingħajr dewmien id-dispożizzjonijiet pendenti tal-Ftehimiet ta’ Minsk, b’mod partikolari l-irtirar tat-truppi barranin u l-merċenarji, kif ukoll l-armi tqal u t-tankijiet, il-ħelsien tal-ostaġġi kollha miżmuma illegalment mis-separatisti, u l-aċċess tal-Missjoni Speċjali ta’ Monitoraġġ tal-OSKE għat-territorju kollu ta’ ċerti reġjuni tal-oblasts ta' Donetsk u Luhansk u ta' parti tal-fruntiera mhux ikkontrollata mal-Federazzjoni Russa, sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni ulterjuri għall-ħolqien ta' Servizz ta’ Ġwardjani tal-fruntieri tal-Ukrajna; jilqa’ d-deċiżjoni li jiżdied in-numru ta’ osservaturi tal-OSKE;

22.  Jistenna bil-ħerqa l-żvolġiment tal-elezzjonijiet lokali liberi u ġusti f’ċerti reġjuni tal-oblasts ta’ Donetsk u Luhansk f’konformità mal-leġiżlazzjoni Ukrena u l-istandards tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), bil-parteċipazzjoni ta’ partiti politiċi Ukreni u taħt il-monitoraġġ tal-OSKE/ODIHR kif previst fil-Ftehimiet ta’ Minsk u b’konformità mal-ftehim milħuq fil-‘format tan-Normandija” fis-Summit ta’ Pariġi;

23.  Jenfasizza l-fatt li l-konflitt li għaddej ħoloq sitwazzjoni umanitarja prekarja fir-reġjun ta’ Donbas u li l-organizzazzjonijiet umanitarji Ukreni u internazzjonali qed jiġu miċħuda l-aċċess għar-reġjuni okkupati tal-oblasts ta' Donetsk u Luhansk jew qed ikomplu jaffaċċjaw ostakli fil-forma ta’ militanti appoġġjati mir-Russi fl-isforzi tagħhom biex jagħtu l-għajnuna; jitlob li jingħata aċċess immedjat għall-għajnuna umanitarja u l-ħaddiema umanitarji; iqis li l-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna umanitarja għandha titjieb biex jiġu ffaċilitati l-isforzi ta’ kunsinna; jilqa’ l-ħolqien tal-Aġenzija għall-Irkupru ta; Donbas intiża biex tindirizza l-kwistjonijiet umanitarji kollha u jistieden lill-Gvern Ukrena biex jipprovdilha r-riżorsi finanzjarju u umani meħtieġa; jilqa’ l-appoġġ umanitarju u finanzjarju tal-UE biex tgħin lill-Ukrajna tiffaċċja din l-isfida; jesprimi tħassib qawwi rigward il-kundizzjonijiet umanitarji diffiċli ta’ aktar minn 1.5 miljun persuna spustjati internament (IDP) u jitlob ir-ritorn sigur tagħhom fil-post ta' oriġini tagħhom; jissottolinja l-fatt li għandha tingħata attenzjoni partikolari biex tiġi pprovduta għajnuna lit-tfal li jikkostitwixxu l-aktar grupp vulnerabbli matul dan il-kunflitt; jilqa’ l-ewwel ċiklu ta’ kampanja ġdida għat-tilqim kontra l-poljo fil-pajjiż kollu;

24.  Jilqa’ d-deċiżjoni tal-estenzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE fuq ir-Russja għas-sitt xhur li ġejjin u jenfasizza li dawn il-miżuri għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm kemm l-ispirtu u t-test tal-Ftehimiet ta’ Minsk huma effettivament u totalment implimentati u sakemm tiġi restawrata l-integrità territorjali tal-Ukrajna; ifakkar li fil-każ ta’ kwalunkwe provokazzjoni jew destabbilizzazzjoni ulterjuri tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna, dawn il-miżuri restrittivi għandhom jissaħħu; hu tal-fehma li t-tkomplija tal-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Russja għandha tkun prevista fuq il-kundizzjoni li r-Russja tirrispetta l-integrità u s-sovranità territorjali tal-Ukrajna;

25.  Jilqa’ l-ħruġ tar-rapport mill-Bord tas-Sikurezza Netherlandiż dwar it-twaqqigħ tat-titjira 17 tal-Malaysia Airlines (MH 17), meta 298 ċittadin innoċenti nqatlu; jappoġġja t-twaqqif ta’ Tribunal Kriminali Internazzjonali, u jistieden lill-Federazzjoni Russa biex tikkopera bis-sħiħ mal-komunità internazzjonali biex titwettaq investigazzjoni kriminali komprensiva u imparzjali, u dawk responsabbli jaffaċċjaw il-ġustizzja; jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-Federazzjoni Russa li timblokka r-riżoluzzjoni fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-ħolqien ta’ qorti internazzjonali għall-investigazzjoni ta’ dan ir-reat;

26.  Jitlob il-ħelsien tal-ostaġġi kollha, kif previst fil-Ftehimiet ta’ Minsk, u ċittadini Ukreni detenuti b’mod illegali fil-Federazzjoni Russa, inklużi Nadiya Savchenko, Oleg Sentsov u Oleksandr Kolchenko u oħrajn;

27.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar id-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea annessata, speċjalment tad-drittijiet tal-minoranzi, b’mod partikolari tat-Tatari tal-Krimea, u tad-drittijiet taċ-ċittadini Ukreni kollha;

28.  Jilqa’ l-fatt li, skont il-missjoni internazzjonali ta’ osservazzjoni, l-elezzjonijiet lokali li saru fil-25 ta’ Ottubru 2015 twettqu fil-biċċa l-kbira f'konformità mal-istandards rikonoxxuti internazzjonalment; jistieden lill-atturi rilevanti kollha jindirizzaw n-nuqqasijiet identifikati mill-Missjoni Internazzjonali ta’ Osservazzjoni; jenfasizza l-importanza ta' titjib fil-leġiżlazzjoni elettorali, tat-trasparenza tal-finanzjament tal-kampanja u tal-aċċess ħieles u ekwu għall-midja għall-forzi politiċi kollha; jissottolinja li, fil-proċess tar-riforma tal-liġi elettorali, se jkun importanti li jitqiesu d-drittijiet u l-interessi tal-minoranzi nazzjonali, kif iddikjarat fil-Kostituzzjoni tal-Ukrajna;

29.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Ukreni li jipprojbixxu l-Partit Komunista tal-Ukrajna u jappellalhom biex jirrispettaw bis-sħiħ il-libertà ta’ espressjoni u ta’ assoċjazzjoni f’konformità mal-valuri u l-istandards tal-UE;

Il-Georgia

30.  Jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet imniżżla fir-rapport fundamentali “Georgia in Transition” (Il-Georgja fi Tranżizzjoni) ippreżentat minn Thomas Hammarberg, il-Konsulent Speċjali tal-UE dwar ir-riformi kostituzzjonali u legali u d-drittijiet tal-bniedem;

31.  Ifakkar b’mod partikolari l-fokus tar-rapport dwar il-ħtieġa li jissaħħaħ l-istat tad-dritt u li jiġu introdotti sistemi u mekkaniżmi effikaċi ta’ kontrolli u bilanċi biex l-istat ikun separat mill-blokk politiku fil-poter, billi jiġu żviluppati aktar istituzzjonijiet demokratiċi b’saħħithom u aġenziji tal-infurzar tal-liġi sottomessi għar-responsabilizzazzjoni, inkluż l-Uffiċċju tal-Prosekutur, u f’dan ir-rigward jilqa’, bħala l-ewwel pass, l-emendi reċenti għal-Liġi dwar is-Servizz tal-Prosekuzzjoni bl-għan li jiġi depolitiċizzat l-Uffiċċju tal-Prosekutur;

32.  Jafferma mill-ġdid li l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet kriminali jridu jkunu bbażati fuq evidenza, trasparenti, imparzjali u ħielsa minn motivazzjoni politika, filwaqt li jiġu rrispettati l-prinċipji ta’ proċess korrett u għandhom jiżvolġu b’rispett sħiħ tal-prinċipji ta’ proċess ġust, f’konformità mal-impenji tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni; jenfasizza li d-detenzjoni ta' qabel il-proċess hija miżura eċċezzjonali li għandha tapplika biss f’ċirkustanzi urġenti u mhux ambigwi, strettament f’konformità mal-liġi u għandu jiġi evitat kwalunkwe abbuż; jilqa’ l-konferma tal-qorti kostituzzjonali li tali miżura hija limitata għal disa’ xhur u jirrikonoxxi li l-eżistenza ta’ oppożizzjoni politika valida hija indispensabbli għall-ħolqien ta’ sistema politika bilanċjata u matura li qed taspira għaliha l-Georgja;

33.  Jilqa’ l-adozzjoni tal-kodiċi l-ġdid dwar ix-xogħol u jitlob li jkun hemm konformità sħiħa mad-drittijiet u l-istandards tax-xogħol stabbiliti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, kif previst fil-kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli tad-DCFTA;

34.  Jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tal-liġi dwar it-trasparenza tal-proprjetarji tal-midja, sabiex jiġi promoss u garantit il-pluraliżmu tal-midja u jkompli jissaħħaħ id-dritt tal-midja li jirrapportaw b’mod indipendenti u oġġettiv; jesprimi, f’dan ir-rigward, it-tħassib tiegħu dwar il-każ ġudizzjarju li jinvolvi Rustavi 2 TV u jenfasizza li kwalunkwe deċiżjoni m’għandhiex iddgħajjef l-indipendenza editorjali tal-istazzjon kif kien il-każ sfortunatament matul il-leġiżlatura preċedenti;

35.  Jilqa’ r-rwol kostruttiv u rakkomandazzjonijiet imressqa mill-OSKE/ODIHR fir-rapport dwar il-monitoraġġ fil-Ġeorġja tad-9 ta’ Diċembru 2014, u jenfasizza li huwa ta’ importanza kbira li tindirizza n-nuqqasijiet identifikati fih sabiex tiġi miġġielda l-perċezzjoni ta’ ġustizzja selettiva; jilqa’, f’dan ir-rigward, l-adozzjoni awtomatika tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-detenzjoni ta' qabel il-proċess li kienet waħda mir-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-OSKE/ODIHR;

36.  Jenfasizza li l-libertà tal-midja, il-libertà tal-espressjoni u l-pluralità tal-informazzjoni huma valuri fundamentali ta' soċjetà demokratika, li l-Georgja impenjat ruħha li tirrispetta fil-qafas tal-AA/DCFTA; jenfasizza li l-monopolizzazzjoni tal-ispazju tal-midja inevitabbilment twassal għall-erożjoni tal-pluraliżmu tal-opinjonijiet u ma tħalli l-ebda spazju għall-kompetizzjoni politika u jitlob lill-awtoritajiet jiżguraw xenarju ta' midja u informazzjoni sostenibbli u pluralistiku;

37.  Ifakkar id-dikjarazzjoni tat-22 ta' Settembru 2015 mill-Kummissjoni ta’ Venezja dwar pressjoni indebita eżerċitata fuq l-imħallfin tal-qorti kostituzzjonali tal-Georgja u jitlob lill-gvern tal-Georgja jieħu l-azzjoni xierqa inklużi miżuri adegwati li jipproteġu l-membri tal-qorti u l-membri tal-familja tagħhom, sabiex jinvestiga bis-sħiħ l-atti kollha ta’ intimidazzjoni u biex jagħmel mod li dawk responsabbli jaffaċċjaw il-ġustizzja;

38.  Ifakkar, barra minn hekk, l-importanza tal-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali OSKE/ODIHR ta’ Ottubru 2012 u Ottubru 2013, li fihom ipparteċipa l-Parlament, u jitlob li l-adozzjoni miż-żewġ partiti ta’ pjan direzzjonali għal riforma elettorali, b’kunsiderazzjoni għall-prinċipju li l-ebda bidliet kbar għal-liġi elettorali ma jsiru fis-sena ta’ qabel l-elezzjonijiet;

39.  Jistieden lin-naħat kollha biex jippermettu r-ritorn sikur u dinjituż tal-IDP fil-post ta’ residenza permanenti tagħhom fit-territorji okkupati ta' Abkażja u r-reġjun ta’ Tskhinvali/in-nofsinhar ta' Ossetia u jtenni li t-tibdil demografiku furzat jibqa' ksur inaċċettabbli tad-dritt internazzjonali; jirrikonoxxi l-bżonn li tinżamm l-għajnuna biex tittejjeb is-sitwazzjoni tal-IDP u tar-refuġjati u jilqa’ l-inizjattivi tal-UE sabiex tibqa' impenjata b’mod attiv fl-għoti ta’ għajnuna meħtieġa;

40.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa biex tissodisfa l-obbligi tagħha taħt il-Ftehim tal-Waqfien mill-Ġlied tat-12 ta’ Awwissu 2008 u l-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tat-8 ta’ Settembru 2008 li tirtira l-forzi militari kollha tagħha u tippermetti li l-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea (EUMM) ikollha aċċess sħiħ għat-territorji okkupati; jitlob barra minn hekk li r-Russja timpenja ruħha, fl-ispirtu ta' reċiproċità, li ma tużax forża fir-rigward tal-Georgja u tippermetti l-istabbiliment ta’ arranġamenti internazzjonali ta’ sigurtà ; jistieden lir-Russja tirrevoka r-rikonoxximent tagħha tas-separazzjoni tar-reġjuni Georgjani ta' Abkażja u r-reġjun ta’ Tskhinvali/in-nofsinhar ta' Ossetia u ttemm l-okkupazzjoni ta’ dawk it-territorji Ġeorġjani;

41.  Jilqa’ l-fatt li l-Georgja qed tieħu passi biex tadotta approċċ flessibbli u prammatiku bbażat fuq djalogu mat-territorji okkupati; jistieden lill-UE tikkunsidra, bl-istess mod, li tistabbilixxi kuntatti mas-soċjetà ċivili b’mod partikolari f’dawn it-territorji; jenfasizza f’dan ir-rigward il-valur miżjud ipprovdut minn inizjattivi ffinanzjati mill-UE bħall-COBERM (mekkaniżmu ta' rispons bikri għall-bini tal-kunfidenza);

42.  Jikkundanna bil-qawwa l-atti reċenti ta’ vandaliżmu u attakki fuq ħafna uffiċċji tal-partit ewlieni fl-oppożizzjoni; jappella għal investigazzjoni rapida u bir-reqqa, u biex dawk responsabbli jaffaċċjaw il-ġustizzja;

Il-Moldova

43.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-kriżi politika li għaddejja bħalissa qed taffettwa l-pajjiż wara li waqa’ l-Gvern li kien iffurmat f’Lulju 2015 abbażi ta’ koalizzjoni wiesgħa li kkonfermat il-perkors pro-Ewropej tal-pajjiż;

44.  Huwa tal-fehma li din il-kriżi profonda hija ta’ ħsara għall-perspettiva Ewropea tal-Moldova u jiddeplora l-użu tal-aspirazzjonijiet Ewropej ġenwini tal-poplu tal-Moldova minn xi politiċi u forzi politiċi biex jaħbu l-iskopi oskuri u l-prattiki mhux trasparenti tagħhom intiżi sabiex inaqqsu r-ritmu tar-riformi;

45.  Jesprimi tħassib dwar fis-settur bankarju u finanzjarju tal-Moldova li huwa ta’ riskju għall-iżvilupp ekonomiku stabbli tal-pajjiż; itenni l-fatt li, sabiex tissaħħaħ il-kredibbiltà pubblika fil-proċess tar-riforma, l-istituzzjonijiet Moldovani għandhom jindirizzaw is-sitwazzjoni attwali fis-settur bankarju billi jiżguraw it-trasparenza sħiħa tal-inkjesti kollha, jirkupraw l-assi likwidi kollha misruqa u jagħmlu mod li l-persuni responsabbli jaffaċċjaw il-ġustizzja; jenfasizza li dawn il-miżuri huma assolutament kruċjali biex terġa’ tiġi stabbilita l-fiduċja fis-settur bankarju Moldovan;

46.  Jistieden, f’dan ir-rigward, lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-investigazzjonijiet ġudizzjarji attwali u tipprovdi lill-awtoritajiet Moldovani bl-għarfien espert u l-assistenza meħtieġa biex iwettqu u jlestu l-inkjesta jekk ikun hemm bżonn;

47.  Jenfasizza barra minn hekk il-ħtieġa għall-Moldova li tindirizza b'mod aktar qawwi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, ir-riforma tal-ġudikatura u l-kwistjoni ta’ governanza u trasparenza; jistieden għalhekk lill-gvern il-ġdid biex jindirizza dawn il-problemi bħala prijorità assoluta; jittama li d-dħul fis-seħħ tal-liġi l-ġdida dwar il-finanzjament tal-partiti jista' jikkontribwixxi għal dan l-għan;

48.  Jiġbed l-attenzjoni għall-isforzi u l-ammont ta’ riżorsi meħtieġa għal approssimazzjoni gradwali tal-leġiżlazzjoni Moldovana mal-acquis tal-UE; jilqa’ għalhekk iż-żieda sostanzjali fl-assistenza tal-UE pprovduta lir-Repubblika tal-Moldova f’dawn l-aħħar snin, u li tammonta sa EUR 410 miljun disponibbli għall-perijodu 2014-2017 u l-possibbiltà li tirċievi finanzjament addizzjonali fid-dawl tal-progress miksub fil-qasam tad-demokrazija, l-istat ta’ dritt u l-libertà fundamentali; jissottolinja, madankollu, li l-finanzjament tal-UE għandu jkun ibbażat fuq progress tanġibbli u li jista' jitkejjel fl-oqsma kkonċernati u li l-implimentazzjoni ta’ proġetti għandha tqis il-prinċipji ta’ trasparenza, effiċjenza u ġestjoni tajba; jilqa’, barra minn hekk, assistenza bilaterali provduta mill-Istati Membri u jinkoraġġixxi lid-donaturi kollha jikkoordinaw l-ipprogrammar tal-assistenza tagħhom;

49.  Jilqa’ l-implimentazzjoni ta’ suċċess tar-reġim ta' eżenzjoni mill-viżi kif ukoll il-progress miksub fil-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija; jenfasizza l-ħtieġa li titnaqqas id-dipendenza fuq l-enerġija mir-Russja u tad-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ provvista; jistieden lill-Parlament Moldovan, f’dan ir-rigward, jadotta fil-pront il-leġislazzjoni f’konformità mat-Tielet Pakkett tal-Enerġija;

50.  Jappella għal riforma komprensiva tas-settur tal-midja u għal trasparenza sħiħa tal-proprjetarji tal-midja; jesprimi t-tħassib tiegħu, f’dan ir-rigward, dwar l-oligopolji attwali u nuqqas ta’ kompetizzjoni ġenwina u jappella għall-adozzjoni ta’ liġi stretta dwar il-kunflitt ta’ interessi;

51.  Jilqa’ wkoll il-parteċipazzjoni tal-Moldova f’għadd dejjem akbar ta’ programmi tal-UE kif ukoll ir-Regolament emendat li jintroduċi l-Preferenzi Awtonomi għall-Kummerċ li jgħin lill-Moldova, li hija suġġetta għall-projbizzjonijiet ta’ importazzjoni fuq prodotti agrikoli tagħha, terġa’ torjenta s-swieq tal-esportazzjoni tagħha lejn l-UE, u b’hekk dan joħloq solliev ekonomiku u soċjali immedjat filwaqt li jikkostitwixxi wkoll miżura ta’ appoġġ għall-proċess ta’ riforma u l-isforzi;

52.  Jitlob lil Chisinau u Tiraspol jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex isibu soluzzjoni effikaċi għar-riżoluzzjoni tal-kwistjoni ta' Transnistria fil-qafas tat-taħdidiet 5 + 2 u biex jieħdu passi konkreti biex itejbu l-għajxien tal-popolazzjoni; iħeġġeġ lill-partijiet fin-negozjati jaqblu dwar forma ġdida ta' djalogu dirett u jlaqqgħu sessjoni ġdida ta’ taħditiet 5 + 2 matul l-2016;

53.  Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Grupp għas-Sostenn għad-Demokrazija u l-Koordinazzjoni Elettorali tal-Parlament li jagħżel il-Moldova bħala pajjiż prijoritarju għall-bini tal-kapaċità parlamentari; jenfasizza l-fatt li l-programm korrispondenti għandu jiffoka fuq il-kapaċità tal-Parlament Moldovan li jwettaq ir-rwol tiegħu b’mod effikaċi fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni;

54.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Presidenti, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Georgja, tal-Moldova u tal-Ukraina, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, u lill-OSKE.