Proċedura : 2015/3032(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0069/2016

Testi mressqa :

B8-0069/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 464kWORD 117k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0068/2016
15.1.2016
PE575.971v01-00
 
B8-0069/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni / Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna (2015/3032(RSP))


Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Jacek Saryusz-Wolski, Andrej Plenković, Sandra Kalniete, Jerzy Buzek, David McAllister, Michael Gahler, Daniel Caspary, Iuliu Winkler, Andrzej Grzyb, Tunne Kelam, Jaromír Štětina, Alojz Peterle, Davor Ivo Stier, László Tőkés, Jarosław Wałęsa, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Mariya Gabriel, Fernando Ruas, Siegfried Mureşan, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Dariusz Rosati, Ramón Luis Valcárcel Siso f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni / Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna (2015/3032(RSP))  
B8-0069/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta’ Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (AA/DCFTAs) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Georgia, il-Moldova, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra r-ratifika mill-Parlament Ewropew ta’ dawn il-ftehimiet f’Settembru (l-Ukraina), f'Novembru (il-Moldova) u f’Diċembru (il-Georgia) tal-2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna, kif ukoll ir-rapport reċenti dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u s-Sħubija tal-Lvant,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f'Riga fil-21 u t-22 ta' Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tal-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tat-18 ta’ Novembru 2015 dwar ir-reviżjoni tal-PEV,

–  wara li kkunsidra r-rapporti ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża tal-Georgia u l-Ukrajna tat-18 ta’ Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna huma pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant li għażlu t-triq ta' assoċjazzjoni politika u integrazzjoni ekonomika aktar mill-qrib mal-UE permezz tal-aktar ġenerazzjoni avvanzata ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni sal-lum, li jipprevedi l-ħolqien ta' Żoni ta’ Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (AA/DCFTAs) kif ukoll aġenda ta' riforma abbażi tal-valuri komuni tad-demokrazija, il-governanza tajba, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

B.  billi l-UE tirrikonoxxi l-aspirazzjonijiet Ewropej tat-tliet pajjiżi u tenfasizza l-valur miżjud tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni fil-proċessi tagħhom ta’ riforma;

C.  billi l-AA/DCFTAs mal-Georgia u mal-Moldova bdew jiġu implimentati provviżorjament mill-1 ta' Settembru 2014;

D.  billi l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bdiet fl-1 ta’ Novembru 2014 u d-DCFTA mal-Ukraina bdiet tiġi applikata b’mod provviżorju biss mill-1 ta’ Jannar 2016;

E.  billi vjaġġar mingħajr viża bejn l-UE u l-Moldova ġie introdott f’April 2014, u billi l-aħħar rapporti tal-Kummissjoni f’Diċembru 2015 jindikaw li l-Georgia u l-Ukrajna issa jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża;

F.  billi l-impenn tal-UE mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant sab reżistenza qawwija u reazzjonijiet aggressiva mill-Federazzjoni Russa, bħal miżuri ta’ ritaljazzjoni kontra l-pajjiżi tal-assoċjazzjoni; billi d-DCFTAs mhumiex diretti lejn l-interessi ta’ xi parti terza, u billi l-UE wriet rieda tajba u sforzi sostanzjali biex jiġi indirizzat kull dubju dwar il-konsegwenzi tal-implimentazzjoni tad-DCFTAs;

1.  Jilqa’ l-progress miksub s’issa fl-implimentazzjoni tal-AA/DCFTAs; jinsisti li l-implimentazzjoni preċiża u fil-ħin tal-AA/DCFTAs u tal-Aġendi ta' Assoċjazzjoni relatati trid tibqa' tkun prijorità ewlenija fuq terminu twil għall-UE u għat-tliet sħab; ifakkar lill-Kummissjoni fil-ħtieġa li tagħmel ħilitha kollha biex issostni l-implimentazzjoni sħiħa u b’suċċess tal-AA/DCFTAs fit-tliet pajjiżi;

2.  Jirrimarka li s-suċċess tal-implimentazzjoni tal-AA/DCFTAs jiddependi fuq ambjent politiku stabbli, pjanijiet konkreti għal riforma tal-politika kummerċjali, il-kapaċità istituzzjonali b’diviżjoni ċara ta’ responsabilità, mod ta' ħsieb strateġiku, l-involviment tas-soċjetà ċivili, u l-appoġġ finanzjarju u tekniku internazzjonali;

3.  Jinnota li t-tliet pajjiżi qed jiffaċċjaw sfidi simili fir-rigward tal-integrità territorjali tagħhom, u qed ikollhom pressjonijiet interni minħabba riformi politiċi, soċjali u ekonomiċi; jenfasizza li r-riformi strutturali tagħhom għandhom jipprijoritizzaw il-konsolidazzjoni tad-demokrazija, il-qerda tal-korruzzjoni u t-tisħiħ tal-istat tad-dritt;

4.  Itenni l-appoġġ sod tiegħu għas-sovranità u għall-integrità territorjali tat-tliet sħab kollha kemm huma fi ħdan il-fruntieri tagħhom li huma rikonoxxuti internazzjonalment;

5.  Jenfasizza l-fatt li l-pajjiżi tal-assoċjazzjoni għażlu b’mod ħieles li jistabbilixxu relazzjoni iktar profonda mal-Unjoni Ewropea u li l-għażla tagħhom għandha tkun rispettata bis-sħiħ u tkun ħielsa minn pressjoni minn kwalunkwe parti terza; din ir-relazzjoni għandha l-għan li trawwem l-istabbiltà, il-modernizzazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-ekonomija, il-prosperità u d-demokrazija f’dawk il-pajjiżi, abbażi tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt;

6.  Jilqa’ l-evalwazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni rigward il-liberalizzazzjoni tal-viża għall-Ukrajna u l-Georgia fl-aħħar valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża ma’ dawn iż-żewġ pajjiżi; jistenna li l-Kunsill u l-Istati Membri jipproċedu biex jagħtu liż-żewġ pajjiżi sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża mingħajr dewmien żejjed; jesprimi fiduċja li reġim mingħajr viża se jitqies miċ-ċittadini ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi bħala benefiċċju tanġibbli tal-għażla Ewropea tagħhom, kif ukoll irawwem kuntatti bejn il-persuni fost in-negozji, is-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini tal-UE u l-kontropartijiet tagħhom fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;

7.  Jenfasizza li l-korruzzjoni endemika u tal-politiċizzazzjoni kif ukoll in-nuqqas ta’ indipendenza tas-sistema ġudizzjarja, li jfixklu bil-kbir l-iżvilupp soċjoekonomiku fil-pajjiżi ta’ assoċjazzjoni, jibqgħu sfida komuni għall-isforzi determinati ta’ riforma mit-tliet pajjiżi tal-assoċjazzjoni bi qbil mal-ittra u l-ispirtu tal-AA/DCFTA;

8.  Jenfasizza l-fatt li l-għanijiet ewlenin ta’ Żoni ta’ Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi jwasslu biex, fuq skala mikro, isir titjib tanġibbli u sostenibbli għall-kondizzjonijiet tal-għajxien taċ-ċittadini ordinarji billi jiġu żgurati l-istabbiltà, il-ħolqien ta’ opportunitajiet għall-SMEs u jinħolqu l-impjiegi, u fuq skala makro, biex jitħeġġeġ it-tkabbir u titrawwem ir-riforma, inkluż permezz tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, it-titjib tal-kundizzjonijiet għall-iżvilupp tal-kummerċ u l-investiment, tiġi mħeġġa l-approssimazzjoni tal-qafas regolatorju u l-integrazzjoni ekonomika gradwali tas-sħab fis-Suq Intern tal-UE, kif ukoll tinħoloq klima tan-negozju favorevoli u prevedibbli;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex kull sena tfassal rapport fid-dettall dwar l-implimentazzjoni tad-DCFTAs mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna, b’mod partikolari dwar il-mekkaniżmu kontra ċ-ċirkomvenzjoni għall-Georgia u l-mekkaniżmu ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni u klawżola ta’ salvagwardja fil-każ tal-Moldova;

10.  Jenfasizza l-importanza tad-dispożizzjonijiet tal-AA/DCFTA dwar il-kooperazzjoni fl-enerġija għas-sigurtà tal-provvista u għall-iżvilupp ta' swieq tal-enerġija kompetittivi, trasparenti u nondiskriminatorji bi qbil mar-regoli u mal-istandards tal-UE, kif ukoll għall-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza enerġetika; jappoġġja l-intenzjoni tal-UE biex issaħħaħ l-integrazzjoni sħiħa tas-suq tal-enerġija mal-Moldova, l-Ukrajna u l-Georgia permezz tal-Komunità tal-Enerġija;

11.  Jirrimarka l-importanza li jiġi spjegat lill-popli tal-pajjiżi ta’ Assoċjazzjoni il-benefiċċji tal-implimentazzjoni tal-AA/DCFTAs u jitneħħa kwalunkwe mit; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex jappoġġjaw l-isforzi tas-soċjetà ċivili u l-midja f’dan ir-rigward, u jilqa’ l-ħidma li saret minn East StratCom Team għal dan l-għan;

Il-Georgia

12.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi garantit ambjent politiku li jkun kalm u jirrispetta u jiżgura rispett sħiħ għall-indipendenza u l-effettività tal-istituzzjonijiet li qed jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-Georgia; jenfasizza l-fatt li l-eżistenza ta’ oppożizzjoni politika vijabbli hi ferm importanti għal sistema politika bilanċjata u matura; jikkundanna l-atti kollha ta’ vjolenza kontra membri ta’ kwalunkwe partit politiku, u jenfasizza li atti bħal dawn għandhom ikunu investigati fil-pront u fid-dettall;

13.  Iqis li t-tfittxija tal-President preċedenti tal-Georgia Mikheil Saakashvili u d-detenzjoni u l-priġunerija ta’ uffiċjali li servew taħt gvernijiet preċedenti u membri tal-oppożizzjoni attwali huma eżempji ovvji ta’ ġustizzja selettiva; jesprimi tħassib serju wkoll dwar l-isfruttar tas-sistema ġudizzjarja biex jiddgħajfu l-avversarji politiċi, fatt li qed idgħajjef il-perkors Ewropew tal-Georgia kif ukoll l-isforzi li saru mill-awtoritajiet tal-Georgia fil-qasam tar-riforma demokratika; ifakkar fil-każ tal-ex Sindku ta’ Tbilisi Gigi Ugulava, li ġie arrestat fi żmien 23 siegħa wara li nħeles mill-ħabs hekk kif il-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat id-detenzjoni ta' qabel il-proċess tiegħu bħala antikostituzzjonali u illegali; jistieden lill-mexxejja politiċi tal-Georgia biex jiffokaw fuq il-futur ta’ pajjiżhom u biex inaqqsu l-polarizzazzjoni politika;

14.  Jenfasizza li l-prosekuzzjonijiet għandhom ikunu trasparenti, imparzjali, bbażati fuq l-evidenza, proporzjonati u ħielsa minn motivazzjoni politika, jimxu strettament mal-proċeduri ta' investigazzjoni u ta' proċess ġust u jitwettqu b'rispett sħiħ tal-prinċipji ta' smigħ ġust, kif stabbilit fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

15.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tentattivi reċenti biex tinbidel is-sjieda u l-politika editorjali tal-istazzjon televiżiv indipendenti u l-aktar popolari tal-Georgia Rustavi 2; jitlob li din l-intimidazzjoni motivata politikament tieqaf; itenni li dan huwa partikolarment inkwetanti f’kuntest ta’ deterjorament tal-libertà tal-midja, jikser b'mod gravi l-ispirtu u l-ittra tal-AA/DCFTA u, barra minn hekk, jipperikola t-triq Ewropea tal-Georgia;

16.  Jistieden lill-gvern tal-Georgia, speċjalment fid-dawl tal-elezzjonijiet parlamentari tal-2016, biex joħloq ambjent favorevoli għall-midja ħielsa ħalli jippromwovi l-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu tal-midja, u biex jippermetti lill-midja tirrapporta b’mod indipendenti u oġġettiv mingħajr pressjoni politika jew ekonomika;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jibagħtu missjoni esperta ta’ konsulenti ta’ livell għoli, li tinkludi Imħallfin irtirati tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem biex jissorveljaw il-każ li għaddej dwar Rustavi 2;

18.  Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia fi ħdan il-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti tagħha u jtenni t-tħassib tiegħu għall-okkupazzjoni kontinwa min-naħa tal-forzi Russi tat-territorji tal-Georgia tal-Abkażja u Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar; jikkundanna bil-qawwa t-tkomplija u l-espansjoni ta' proċess immexxi mir-Russi tal-hekk imsejħa fruntieri tul il-linji ta’ konfini amministrattivi, li għandu konsegwenzi umanitarji serji; jinkoraġġixxi lill-Georgia biex issostni l-isforzi tagħha ħalli tilħaq il-komunitajiet tagħha fit-territorju kollu tagħha;

Il-Moldova

19.  Jesprimi tħassib serju dwar l-instabbiltà politika sistemika de facto li effettivament baqgħet sa mill-aħħar elezzjonijiet parlamentari tat-30 ta’ Novembru 2014; jiddispjaċih li l-Parlament tal-Moldova u l-partiti politiċi rappreżentati fih għadhom ma rnexxilhomx jiffurmaw gvern ġdid minn meta vot ta’ sfiduċja fid-29 ta’ Ottubru 2015 wassal għar-riżenja tal-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Valeriu Streleț; jinnota t-tentattivi mingħajr suċċess biex jiġi ffurmat gvern ġdid fl-4 u fit-13 ta’ Jannar;

20.  Iqis li l-impass politiku attwali fil-Moldova laħaq punt kritiku li jipperikola aktar distabbilizzazzjoni tal-pajjiż u tal-istituzzjonijiet tiegħu li diġà huma dgħajfa u jipperikola l-ekonomija, b’mod partikolari permezz ta’ tnaqqis fl-IDB u d-dħul mit-taxxa;

21.  Jistieden lill-partiti politiċi kollha li huma favur l-Ewropa fil-Moldova biex iwarrbu d-differenzi ta' bejniethom u jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom, sabiex jimpenjaw ruħhom serjament fin-negozjati u jtemmu din il-kriżi u biex jiffurmaw maġġoranza għat-tiswir ta’ gvern stabbli li jiffunzjona sa tmiem il-mandat attwali tal-Parlament u jipproċedu mingħajr dewmien biex jimplimentaw b’mod vigoruż ir-riformi kollha meħtieġa b’riżultati ċari u skeda ta’ żmien preċiża għall-implimentazzjoni;

22.  Jistieden lill-partiti favur l-Ewropa jirrikonoxxu l-konsegwenzi ġeopolitiċi terribbli jekk l-isforzi tagħhom biex jifformaw gvern ġdid ifallu sal-iskadenza tad-29 ta’ Jannar 2016, kif stabbilit bid-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali, li jista' jirriżulta f’elezzjonijiet bikrija; jenfasizza l-konsegwenzi negattivi potenzjali li elezzjoni bikrija jista’ jkollha fuq is-saħħa tal-partiti favur l-Ewropa kif ukoll il-possibbiltà/ir-realtà ta’ bidla fid-direzzjoni ġeopolitika u aktar destabbilizzazzjoni tal-pajjiż;

23.  Jirrimarka li r-riformi meħtieġa fil-Moldova jinvolvu l-qerda tal-korruzzjoni sistematika, iwaqqfu l-approprjazzjoni tal-Istat, filwaqt li joħolqu ġudikatura indipendenti, imparzjali u depolitiċizzata, u jistabbilizzaw l-ekonomija f’konformità mat-talbiet tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u li tiġi żgurata superviżjoni effettiva tas-settur bankarju; jiddispjaċih li, minħabba l-instabbiltà politika, in-nuqqas ta’ kapaċità tal-istituzzjonijiet Moldovjani li jrendu u n-nuqqas ta’ ftehim mal-FMI, l-assistenza finanzjarja tal-UE ġiet sospiża sa mill-bidu tal-2015; jiġbed l-attenzjoni lejn inadempjenza potenzjali kmieni fl-2016 jekk il-kriżi politika attwali tippersisti;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jestendu l-kompetenza teknika kollha meħtieġa u l-appoġġ finanzjarju lill-Gvern futur tal-Moldova, wara l-eżempju tal-Grupp ta’ Appoġġ tal-UE għall-Ukrajna, inkluż billi jkunu sekondati uffiċjali u esperti minn Brussell u bliet kapitali ta’ Stati Membri u billi jiġu inkorporati fl-amministrazzjoni tal-Moldova sabiex ikunu jistgħu jgħinu u jissorveljaw l-implimentazzjoni ta’ riformi fuq il-post u fuq bażi ta’ kuljum;

25.  Itenni l-ħtieġa li jsir kull sforz u jkun hemm rieda politika u kuraġġ fl-investigazzjoni tal-iskandlu ta’ korruzzjoni, li wassal għal serq ta’ madwar EUR 1 biljun (ekwivalenti għal madwar 18 % tal-PDG lokali) mis-settur bankarju, u l-ħtieġa li dawk responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja u li jiġu rkuprati l-fondi misruqa; il-miżuri ta’ hawn fuq kollha jirrappreżentaw pass importanti mill-klassi politika sabiex tinġieb lura l-fiduċja tas-soċjetà;

L-Ukrajna

26.  Jilqa’ d-dħul fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2016 tal Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv bejn l-UE u l-Ukraina; jikkundanna, madankollu, l-fatt li l-Federazzjoni Russa b’mod unilaterali ssospendiet il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles tagħha mal-Ukrajna, introduċiet restrizzjonijiet kummerċjali iebsa fuq l-esportazzjonijiet tal-Ukrajna lejn ir-Russja u qed ixekkel it-trasport tal-merkanzija lejn pajjiżi terzi, filwaqt li tikser ftehimiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u ftehimiet bilaterali oħra ta’ kummerċ, b’effetti ta' ħsara għall-ekonomija tal-Ukrajna u l-kummerċ barrani tagħha; jistieden lill-Kunsill biex jieħu azzjonijiet li jinkoraġġixxu lir-Russja tirrettifika u tabolixxi dawk il-miżuri; jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jibqa’ involut fil-kwistjoni tad-DCFTA UE-Ukrajna fi ħdan il-korpi tal-Parlament Ewropew relevanti;

27.  Jenfasizza il-ftuħ bla preċedent u l-isforzi mill-Kummissjoni ta' iktar minn sena u nofs biex tindirizza kull dubju fuq in-naħa Russa dwar il-konsegwenzi tal-implimentazzjoni tad-DCFTAs u biex jinstabu soluzzjonijiet prattiċi; jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ kapaċità min-naħa Russa biex tagħti eżempji konkreti dwar kif is-suq u l-kummerċ tagħha jistgħu jkunu affettwati bid-dħul fis-seħħ tad-DCFTA; itenni l-benefiċċji potenzjali għar-Russja bl-implimentazzjoni tal-AA/DCFTAs, biż-żieda fl-attivitajiet kummerċjali u ekonomiċi u ta’ viċinat iktar stabbli;

28.  Itenni l-kundanna qawwija tiegħu għall-politika aggressiva u ta’ espansjoni tar-Russja, li hija ta’ theddida għall-unità, l-integrità territorjali u l-indipendenza tal-Ukrajna u tal-Unjoni Ewropea nnifisha, kif ukoll l-intervent militari u l-okkupazzjoni tagħha tat-territorju tal-Ukrajna, inkluża l-annessjoni illegali tal-Krimea, bi ksur tad-dritt internazzjonali u tal-impenji stess tar-Russja li jirriżultaw mill-Karta tan-NU, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), l-Att Finali ta’ Ħelsinki u l-Memorandum ta’ Budapest tal-5 ta’ Diċembru 1994;

29.  Jesprimi tħassib serju dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Minsk sal-iskadenza inizjalment maqbula tal-31 ta’ Diċembru 2015; ifakkar li l-awtoritajiet Russi għandhom responsabbiltà partikolari f’dan ir-rigward; itenni li vjolazzjonijiet ta’ waqfien mill-ġlied ilhom jiżdiedu minn nofs Ottubru, li persunal ta' sorveljanza tal-Missjoni Speċjali ta’ Monitoraġġ tal-OSKE (SMM) għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ restrizzjonijiet fuq il-libertà tagħhom ta’ moviment, li l-Ukrajna jkollha mill-ġdid il-kontroll fuq il-fruntiera kollha tagħha mar-Russja għadu ma seħħx, li ma ntlaħaq l-ebda qbil dwar il-modalitajiet tal-elezzjonijiet lokali fit-territorji temporanjament okkupati ta’ Luhansk u Donetsk, u li għadhom ma nħelsux il-priġunieri kollha u persuni oħra detenuti b’mod illegali bħal Nadiya Savchenko jew Oleg Sentsov;

30.  Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 2015 biex ikunu estiżi s-sanzjonijiet kontra l-Federazzjoni Russa wara li ma ssodisfatx il-Ftehimiet ta’ Minsk; itenni li l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehimiet ta’ Minsk hija prerekwiżit għas-sospensjoni tas-sanzjonijiet;

31.  Jifraħ lill-Ukrajna għar-rapport ta’ progress pożittiv dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża, li ġie ppubblikat mill-Kummissjoni f’Diċembru 2015; jistenna li t-tmexxija tal-Ukrajna tissodisfa l-impenji tagħha kontra l-korruzzjoni fl-ewwel tliet xhur tal-2016; jilqa’ l-isforzi kontinwi tal-awtoritajiet tal-Ukrajni biex iwettqu l-Pjan ta’ Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża; jemmen li l-introduzzjoni rapida ta’ reġim mingħajr viża se tkun meqjusa mill-biċċa l-kbira tal-poplu tal-Ukrajna bħala benefiċċju tanġibbli tal-għażla Ewropea tagħhom; jistenna proposta leġiżlattiva konkreta mill-Kummissjoni li żżid l-Ukrajna fil-lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mill-ħtieġa ta’ viża;

32.  Jenfasizza li l-korruzzjoni endemika hija l-akbar sfida unika fl-isforzi ta’ riforma; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Ukrajna biex jimpenjaw ruħhom ħalli jeqirdu l-korruzzjoni fil-pajjiż; jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjonijiet meħuda s’issa, bħall-istabbiliment ta’ leġiżlazzjoni kontra l-korruzzjoni, it-twaqqif ta' istituzzjonijiet u mekkaniżmi nazzjonali kontra l-korruzzjoni (il-Bureau Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni, l-Aġenzija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni, prosekutur speċjali kontra l-korruzzjoni); iħeġġeġ bil-qawwa s-salvagwardja tal-indipendenza politika, kif ukoll li jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed riżorsi finanzjarji u riżorsi oħrajn li jippermettu lill-istituzzjonijiet iwettqu d-dmirijiet tagħhom, u għaldaqstant ikunu kompletament konformi mal-aspettattivi kemm tal-Komunità Internazzjonali u, fuq kollox, taċ-ċittadini tal-Ukrajna; jenfasizza, b’mod partikolari, li l-istituzzjonijiet ta’ kontra l-korruzzjoni għandhom ikunu politikament indipendenti u mgħammra b’kompetenzi u riżorsi suffiċjenti biex verament iwettqu l-mandat tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex ma jagħmlu ebda kompromess f’dan il-qasam u biex jiġġieldu kontra interessi qawwija, għaliex kemm il-Komunità internazzjonali involuta f’appoġġ għall-Ukrajna kif ukoll iċ-ċittadini tal-Ukrajna stess jistennew riżultati tanġibbli rapidi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; il-progress se jitkejjel biss abbażi tar-riżultati u mhux tar-rieda tajba;

33.  Jistenna li l-awtoritajiet tal-Ukrajna jimplimentaw b'mod rapidu u rigoruż id-dispożizzjonijiet tad-DCFTA u tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni; jesprimi l-fehma tiegħu li s-sitwazzjoni tal-gwerra fil-Lvant tal-Ukrajna huwa impediment serju għal dan l-isforz; jagħmilha ċara, madankollu, li s-suċċess u r-reżiljenza tal-Ukrajna fil-konfront ta’ kwalunkwe għadu estern jiddependu strettament fuq is-saħħa tal-ekonomija u tal-qafas legali tagħha, fuq demokrazija ħajja u prosperità dejjem akbar;

34.  Itenni li l-implimentazzjoni sħiħa tal-AA/DCFTA se twassal għal stabbiltà akbar, għal tkabbir sostenibbli, għal aċċess għal swieq ġodda u għall-approssimazzjoni ta’ regoli u standards tal-UE, li se jibbenefikaw l-ambjent ekonomiku u jagħmlu t-teħid ta’ deċiżjonijiet aktar trasparenti fi proċeduri tal-akkwist pereżempju, b’hekk iħallu warajhom prattiki post-Sovjetiċi oligarkiċi ta' modi ta' ħidma ekonomika illeċita; dan ser iwassal għal riżultati tanġibbli għaċ-ċittadini ordinarji, filwaqt li jipprovdu impjiegi u jippermettilhom li jiffunzjonaw f’pajjiż b’istituzzjonijiet funzjonabbli u b’saħħithom, li jagħtu lil persuni ordinarji rispett u dinjità;

35.  Sabiex il-poplu tal-Ukrajna jerġa’ jkollu fiduċja sħiħa fil-ġenwinità tal-isforz tar-riforma mill-awtoritajiet tal-Ukrajna attwali, ir-riforma ġudizzjarji u tal-prosekuzzjoni trid tiġi trattata bħala prijorità fuq perjodu ta’ żmien twil; dawn ir-riformi għandhom jiżguraw ġenerazzjoni ġdida ta’ professjonisti indipendenti li jingħataw karigi abbażi ta' proċeduri ta’ għażla kompetittivi u imparzjali; jenfasizza li l-Prosekutur Ġenerali għandu jerġa’ jikseb il-fiduċja tal-poplu billi jressaq lil dawk responsabbli għall-qtil ta’ dimostranti fl-Euromaidan quddiem il-ġustizzja; l-indipendenza tal-ġudikatura, proċeduri trasparenti u d-depolitiċizzazzjoni huma tal-akbar importanza; jeħtieġ li jiġi stabbilit stat tad-dritt verament effettiv; jenfasizza li l-progress huwa viżibbli ladarba jkun hemm bidla radikali mill-passat u li ċ-ċittadini jkunu jafu li l-ġustizzja hija fuq in-naħa tagħhom u mhux fuq in-naħa ta’ dawk li jistgħu jixtruha, kif kien il-każ għal dawn l-aħħar żewġ deċennji;

35.  Jilqa’ l-proċess ta’ riforma kostituzzjonali li għaddej bħalissa fl-oqsma ta’ deċentralizzazzjoni u tal-ġudikatura; ifakkar li l-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa ħarġet rakkomandazzjonijiet pożittivi fuq iż-żewġ settijiet ta’ emendi kostituzzjonali; jenfasizza li l-adozzjoni tal-emendi dwar il-ġudikatura se twitti t-triq għal riforma komprensiva tas-sistema ġudizzjarja, u għalhekk jilqa’ l-inizjattiva reċenti meħuda mill-Parlament tal-Ukrajna biex jibgħat dawn l-emendi quddiem il-Qorti Kostituzzjonali; jenfasizza l-fatt li l-emendi dwar id-deċentralizzazzjoni, minbarra li jirriflettu rekwiżit tal-Ftehimiet ta’ Minsk, se jikkontribwixxu b’mod deċiżiv għall-modernizzazzjoni tal-pajjiż; jistieden, għalhekk, lill-Parlament tal-Ukrajna biex jipproċedi b'mod rapidu bl-adozzjoni ta’ dawn l-emendi fit-tieni qari;

36.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-qagħda tal-ekonomija tal-Ukrajna u s-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali tal-pajjiż; jieħu nota tal-progress moderat irrappurtat dwar l-istabbilizzazzjoni tal-prestazzjoni ekonomika; ifaħħar il-ftehim storiku ta' tnaqqis tad-dejn milħuq mill-Ukrajna mal-kredituri tagħha f’Settembru 2015; ifakkar li l-komunità internazzjonali, b’mod partikulari l-UE, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bbażati fl-Ewropa, l-FMI u pajjiżi donaturi individwali, wiegħdu ammont bla preċedent ta’ madwar EUR 20 biljun; l-għoti ta' dan l-ammmont hu marbut strettament ma’ progress tanġibbli f’riformi, punti ta’ riferiment u skedi ta’ żmien fl-implimentazzjoni; id-deregolamentazzjoni u n-nuqqas ta' monopolizzazzjoni tal-ekonomija għandhom ikomplu jkunu prijorità, flimkien ma' aktar riformi regolatorji, privatizzazzjoni ġenwina, riformi fiskali, żieda fit-trasparenza u ħolqien ta' klima favorevoli għall-investiment; jilqa’ b’sodisfazzjon dan l-uffiċċju għal konsenja ta’ regolamentazzjoni aħjar, li għandu jservu dan l-għan; jitlob l-involviment attiv tal-komunità ta' esperti fl-Ukrajna kif ukoll tal-esperti mill-UE biex jikkontribwixxu billi jipprovdu għarfien espert indipendenti u billi jissorveljaw il-proċess tal-implimentazzjoni tar-riformi;

37.  Japprezza l-ħidma effettiva u dinamika tal-Kumitat Parlamentari ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna li qed jissorvelja s-sitwazzjoni politika, ta’ sigurtà u ekonomika fl-Ukrajna, kif ukoll l-impenn u l-appoġġ tiegħu biex jitjiebu l-proċessi ġenerali ta' riforma orjentati lejn l-UE li qed iwettqu l-awtoritajiet tal-Ukrajna; ifakkar fil-Memorandum ta’ Fehim iffirmat mill-Verkhovna Rada tal-Ukrajna u l-Parlament Ewropew fl-2015 li jistabbilixxi qafas konġunt ta' appoġġ parlamentari u ta' bini ta’ kapaċitajiet bejn iż-żewġ parlamenti; ifakkar li bħalissa għaddejja Missjoni ta’ Valutazzjoni tal-Ħtiġijiet biex tistabbilixxi l-modalitajiet ta’ appoġġ li għandu jiġi pprovdut mill-Parlament Ewropew lill-Verkhovna Rada tal-Ukrajna;

38.  Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ is-soċjetà ċivili tal-Ukrajna sabiex tkun tista’ tipprovdi konsulenza u appoġġ lill-awtoritajiet fit-twettiq tar-riformi mwegħda u taġixxi bħala għassies u informatur effettivi; jilqa’ l-kooperazzjoni effettiva bejn il-komunità esperta u l-Verkhovna Rada fil-proċess ta’ riforma u fl-implimentazzjoni tal-AA/DCFTA; ifaħħar il-fatt li l-prijoritajiet ta' Verkhovna Rada huma kkaratterizzati minn djalogu komprensiv mas-soċjetà ċivili; jitlob għal approċċ aktar b’saħħtu biex titqajjem kuxjenza fil-komunità kummerċjali, speċjalment fost l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, dwar l-opportunitajiet speċifiċi li l-AA/DCFTA tipprovdi; jistieden lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-istat biex jissieħbu mas-soċjetà ċivili, peress li l-implimentazzjoni tal-AA/DCFTA teħtieġ appoġġ ġenwin u l-aċċettazzjoni mis-soċjetà, u dawn jistgħu jintlaħqu biss permezz ta’ djalogu u skambju ta’ fehmiet;

39.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Lvant tal-Ukrajna u fil-Krimea, li tinsab taħt annessjoni illegali mill-Federazzjoni Russa, u fejn it-Tatari tal-Krimea u minoranzi oħra, b’mod partikolari l-minoranzi reliġjużi, huma suġġetti għal ksur immirat tad-drittijiet tal-bniedem, bħala riżultat ta' kollass totali tal-ordni pubbliku;

40.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE, flimkien mal-awtoritajiet tal-Ukrajna, tiddedika aktar attenzjoni lill-kriżi umanitarja fl-Ukrajna, u tindirizza s-sitwazzjoni umanitarja katastrofika, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tal-persuni spustati internament; ifaħħar l-isforzi li saru għal dan l-għan mill-awtoritajiet tal-Ukrajna, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-komunità internazzjonali b’mod ġenerali; itenni s-sejħiet preċedenti tiegħu lill-Kummissjoni biex iżżid il-viżibilità tal-assistenza umanitarja tal-UE, u jenfasizza li dan huwa mod konkret biex nirbħu l-qlub u l-imħuħ tan-nies fiż-żoni milquta; jisħaq fuq il-ħtieġa għal aktar assistenza finanzjarja tal-UE għall-Ukrajna sabiex tkun tista' tlaħħaq mal-kriżi umanitarja estrema;

41.  Jesprimi tħassib serju dwar il-kuntest li fih ir-referendum konsultattiv Netherlandiż li jmiss dwar l-AA/DCFTA bejn l-UE u l-Ukrajna; jemmen li d-deċiżjoni tan-Netherlandiżi se tittieħed fuq il-bażi tal-merti tal-ftehim, filwaqt li jirrikonoxxu l-effetti tanġibbli fuq l-UE u n-Netherlands b’mod partikolari; ifittex iċ-ċarezza mill-Gvern Netherlandiż dwar is-segwitu mistenni li jagħti għar-riżultat tar-referendum;

°

°  °

42.  Jenfasizza li l-iffirmar u r-ratifika tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni ma jikkostitwixxux l-għan finali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Georgia, l-UE u l-Moldova u l-UE u l-Ukrajna u jirrimarka li skont l-Artikolu 49 tat-TUE, il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna, bħal kwalunkwe Stat Ewropew ieħor, għandhom perspettiva Ewropea u jistgħu japplikaw sabiex isiru membri tal-Unjoni Ewropea dment li jaderixxu mal-prinċipji tad-demokrazija, ir-rispetta tal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi, u jiżguraw l-istat tad-dritt;

43.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi r-riżoluzzjoni lill-Presidenti, lill-Prim Ministri u l-kelliema tal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna, lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tan-Netherlands.

Avviż legali - Politika tal-privatezza