Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0078/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0078/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna

15.1.2016 - (2015/3032(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Anna Elżbieta Fotyga, Mark Demesmaeker, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba, Kosma Złotowski, Kazimierz Michał Ujazdowski, Raffaele Fitto, Zdzisław Krasnodębski, Angel Dzhambazki, Edward Czesak f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0068/2016

Proċedura : 2015/3032(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0078/2016
Testi mressqa :
B8-0078/2016
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B8-0078/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna

(2015/3032(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (AA/DCFTAs) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Georgia, il-Moldova, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna, kif ukoll ir-rapport reċenti dwar ir-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u s-Sħubija tal-Lvant,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f'Riga fil-21 u t-22 ta' Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapporti ta' progress dwar l-implimentazzjoni min-naħa tal-Georgia u l-Ukrajna tal-pjan ta' azzjoni dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża tat-18 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna lkoll irratifikaw il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni, biż-Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (DCFTA) tagħhom, b'hekk għażlu t-triq ta' integrazzjoni politika u ekonomika eqreb mal-Unjoni Ewropea;

B.  billi t-tliet pajjiżi għandhom kunflitti mhux riżolti li huma ffriżati jew li għadhom għaddejjin fit-territorji tagħhom, fejn ir-Russja għandha rwol bħala parteċipant attiv (fil-Lvant tal-Ukrajna), okkupant (fil-Krimea) jew ta' garanti tal-istatus quo (fl-Abkażja u fl-Ossezja tan-Nofsinhar, it-Transnistrija);

C.  billi ċ-ċittadini Moldovjani ilhom igawdu minn vjaġġar mingħajr viża lejn l-UE sa minn April 2014, filwaqt li f'Diċembru 2015 il-Kummissjoni indikat li l-Georgia u l-Ukrajna ssodisfaw ir-rekwiżiti kollha stabbiliti fil-Pjanijiet ta' Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża (VLAPs);

1.  Jenfasizza l-importanza tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni, bil-komponenti tagħhom ta' Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva; jistieden lill-Istati Membri kollha li s'issa għadhom ma rratifikawx dawk il-ftehimiet biex jagħmlu dan malajr kemm jista' jkun, fir-rigward tat-tliet pajjiżi ta' assoċjazzjoni;

2.  Jilqa' l-progress li inkiseb s'issa mill-Georgia, mill-Moldova u mill-Ukrajna fl-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u d-DCFTAs; jissottolinja l-ħtieġa li jingħata appoġġ sħiħ lill-awtoritajiet fit-twettiq tal-aġenda ta' riforma, u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel kull sforz f'dan ir-rigward;

3.  Jissottolinja l-appoġġ b'saħħtu tiegħu għall-integrità territorjali tat-tliet pajjiżi; jistieden lill-Federazzjoni Russa ttemm l-okkupazzjoni fil-Krimea. u twaqqaf minnufih kwalunkwe involviment dirett jew indirett fil-kunflitt li għaddej fl-Ukrajna, kif ukoll fil-kunflitti ffriżati fil-Georgia u l-Moldova; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Diċembru 2015 li jestendi s-sanzjonijiet ekonomiċi kontra l-Federazzjoni Russa, wara li ma ssodisfatx il-ftehimiet ta' Minsk;

4.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-azzjonijiet li ttieħdu mir-Russja biex timmina jew ixxekkel it-triq pro-Ewropea li għażlu li jimxu t-tliet pajjiżi ta' assoċjazzjoni; jistieden lill-Moska toqgħod lura milli tkompli tinterferixxi fl-affarijiet interni ta' dawk il-pajjiżi, u jfakkar li kull pajjiż huwa liberu li jiddeċiedi l-futur tiegħu u li jagħżel l-alleanzi tiegħu;

5.  Jilqa' r-rapport reċenti tal-Kummissjoni dwar it-twettiq mill-Ukrajna u l-Georgia tal-kriterji kollha meħtieġa għall-ivjaġġar mingħajr viża fiż-żona Schengen; jissottolinja l-importanza li jingħata r-reġim tal-ivjaġġar mingħajr viża, bħala l-akar benefiċċju dirett u viżibbli tal-kooperazzjoni mill-qrib mal-Unjoni Ewropea għaċ-ċittadini ordinarji;

6.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-aġenda tar-riforma titwettaq b'mod rigoruż, b'mod speċjali fl-oqsma tal-ġudikatura u tal-istat tad-dritt, u li jiġu miġġielda l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, bħala prerekweżiti importanti għall-iżvilupp soċjo-ekonomikau tat-tliet pajjiżi ta' assoċjazzjoni;

7.  Jissottolinja li s-soċjetà ċivili għandha rwol importanti fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni u tal-azzjonijiet relatati tal-gvernijiet u tal-parlamenti; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jingħataw il-mezzi u l-kapaċità biex iwettqu dan ir-rwol b'mod effikaċi, fit-tliet pajjiżi ta' assoċjazzjoni;

8.  Jenfasizza li l-iffirmar u r-ratifika tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni ma jikkostitwixxux l-għan finali tar-relazzjonijiet mal-UE, u jirrimarka li skont l-Artikolu 49 tat-TUE kwalunkwe Stat Ewropew ieħor jista' japplika sabiex isir membru tal-Unjoni Ewropea dment li jaderixxi mal-prinċipji tad-demokrazija, jirrispetta l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi, u jiżgura l-istat tad-dritt;

Il-Georgia

9.  Jilqa' l-progress li sar fl-implimentazzjoni tad-DCFTA u l-pass tajjeb li bih qiegħda titmexxa l-approssimazzjoni tal-legiżlazzjoni Georgjana mal-istandards tal-UE;

10.  Jilqa' l-progress miksub mill-Georgia matul dawn l-aħħar tliet snin fl-oqsma kollha koperti mill-erba' moduli tal-VLAP, u jfaħħar l-impenn li ntewra f'dan ir-rigward mill-awtoritajiet Georgjani;

11.  Jenfasizza li l-libertà tal-midja, il-libertà tal-espressjoni u l-pluralità tal-informazzjoni huma valuri fundamentali ta' soċjetà demokratika; jinsab imħasseb dwar l-effetti negattivi fuq il-pluralità tal-midja li jħallu każijiet bħal dak tal-kumpanija tax-xandir Rustavi 2; jistieden lill-awtoritajiet Georgjani jiggarantixxu l-pluraliżmu tal-midja u l-indipendenza editorjali, b'mod speċjali lejliet l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016;

12.  Jissottolinja f'dan ir-rigward li l-proċedimenti ġudizzjarji għandhom ikunu trasparenti, imparzjali u ħielsa mill-motivazzjoni politika; jistieden lill-Georgia tkompli u timplimenta bis-sħiħ ir-riforma tal-ġudikatura, inkluż it-tisħiħ tal-indipendenza tagħha u d-depolitiċizzazzjoni tal-uffiċċju tal-prosekutur; jinsab imħasseb dwar l-użu estensiv tal-arrest preventiv, li għandu jkun miżura eċċezzjonali li tiġi applikata biss f'ċirkustanzi urġenti u mhux ambigwi;

13.  Jissottolinja li l-eżistenza ta' oppożizzjoni politika hija kruċjali għal sistema politika bilanċjata u matura, u jenfasizza li kwalunkwe att ta' vjolenza kontra membri ta' kwalunkwe partit politiku għandu jiġi investigat fil-pront u bir-reqqa;

Il-Moldova

14.  Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' stabbiltà politika li baqgħet tippersisti wara l-elezzjonijiet parlamentari tat-30 ta' Novembru 2014; jissottolinja li din is-sitwazzjoni hija ta' detriment għat-twettiq tar-riformi meħtieġa u għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u d-DCFTA;

15.  Jistieden lill-partiti pro-Ewropej fil-pajjiż biex jipparteċipaw f'taħdidiet serji dwar il-formazzjoni ta' gvern ġdid u stabbli li għandu jagħti spinta lill-proċess ta' riforma u jibni fuq il-progress li sar sa issa fl-avvanz tar-riformi settorjali u sabiex il-leġiżlazzjoni Moldovana tkun f'konformità mal-acquis tal-UE;

16.  Jissottolinja li jeħtieġ li jkun hemm aktar sforzi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fil-ħolqien ta' ġudikatura indipendenti u depolitiċizzata, u biex tiġi stabbilizzata l-ekonomija tal-Moldova; jiddispjaċih dwar il-fatt li, minħabba l-instabbiltà politika tal-istituzzjonijet tal-Moldova u l-inabbiltà tagħhom li jwettqu dak li hu mistenni minnhom, l-assistenza finanzjarja tal-UE ġiet sospiża sa minn kmieni fl-2015;

17.  Jistieden lill-awtoritajiet jinvestigaw b'mod sħiħ u bir-reqqa l-iskandlu tal-korruzzjoni u s-serq ta' EUR 1 biljun mis-sistema bankarja sabiex dawk responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja;

L-Ukrajna

18.  Jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-isforzi li saru mill-istituzzjonijiet Ukreni favur ir-riformi, minkejja s-sitwazzjoni interna diffiċli, u jilqa' l-implimentazzjoni tad-DCFTA mill-1 ta' Jannar 2016;

19.  Itenni l-appoġġ b'saħħtu tiegħu għas-sovranità u għall-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment, u jikkundanna l-politika aggressiva u espansansjonista tar-Russja u l-appoġġ tagħha kontinwu u dirett lis-separatisti f'termini militiari, loġistiċi u finanzjarji, kif ukoll in-nuqqas ta' kwalunkwe rieda biex is-sitwazzjoni tiġi lura għan-normal u jiġu rispettati l-obbligi internazzjonali li l-awtoritajiet Russi stess impenjaw ruħhom għalihom; jinsab imħasseb bil-kbir bl-għadd dejjem jiżdied ta' ksur tal-waqfien mill-ġlied minn Ottubru 2015;

20.  Jiddeplora l-fatt li l-aggressjoni Russa li għadha għaddejja ħolqot sitwazzjoni umanitarja prekarja f'Donbas filwaqt li organizzazzjonijiet umanitarji Ukreni u internazzjonali mhumiex qed jingħataw aċċess għar-reġjuni okkupati; jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar l-isfida umanitarja kkawżata mill-kundizzjonijiet tal-għajxien ta' aktar minn 1,5 miljun persuna spustata internament; jinsab imħasseb bil-kbir bil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea li hija okkupata mir-Russja, b'mod speċjali tas-sitwazzjoni mwiegħra tat-Tatari tal-Krimea;

21.  Jappella għall-ħelsien tal-ostaġġi, kif previst fil-ftehimiet ta' Minsk, u taċ-ċittadini Ukreni li huma miżmuma illegalment fil-Federazzjoni Russa, inklużi Nadiya Savchenko, Oleg Sentsov, Oleksandr Kolchenko u oħrajn;

22.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-isforzi biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni li għandha għeruq fondi ħafna fil-pajjiż, u jilqa' l-miżuri li ttieħdu mill-Parlament Ukren biex jiġi stabbilit qafas istituzzjonali għal dan l-għan;

23.  Jistenna li l-awtoritajiet Ukreni jimplimentaw b'mod rapidu u rigoruż id-dispożizzjonijiet tad-DCFTA u tal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni; jissottolinja l-ħtieġa li jsir aktar progress f'numru ta' oqsma, inkluż il-proċess tar-riforma kostituzzjonali, tibdiliet fil-ġudikatura u l-istat tad-dritt, filwaqt li titqies b'mod speċjali s-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli tal-pajjiż;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u tal-Federazzjoni Russa, lill-Assemblea Parlamentari Euronest, u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.