MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna
15.1.2016 - (2015/3032(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Helmut Scholz, Barbara Spinelli, Stelios Kouloglou, Kateřina Konečná, Jiří Maštálka f'isem il-Grupp GUE/NGL
B8-0080/2016
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
Aspetti ġenerali
A. billi l-UE mexxiet politika li testendi l-isfera ta' influwenza ekonomika u politika tagħha biex tħaddan il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna, bl-iffirmar ta' Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni li jinkludu Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi, mingħajr ma tikkunsidra sewwa l-intensità tar-relazzjonijiet kummerċjali u l-interdipendenza storika tal-ekonomiji ta' dawk il-pajjiżi mal-ekonomiji ta' pajjiżi oħra fir-reġjun, inkluża r-Russja; billi din il-politika, flimkien ma' problemi interni, wasslet għal aktar instabbiltà politika, vjolenza u gwerra fl-Ukrajna;
B. billi d-DCFTAs wittew it-triq għal offensiva ta' interessi korporattivi fuq ir-riżorsi naturali ta' dawn it-tliet pajjiżi, u speċjalment fuq il-potenzjal magħruf tal-Ukrajna f'dak li jirrigwarda r-riżorsi agrikoli u estrattivi, bi ħsara għall-benessri tal-popolazzjoni lokali;
C. billi l-paċi u l-istabbiltà huma pperikolati, fil-livell Ewropew u f'dak internazzjonali, mit-tensjonijiet kontinwi bejn l-UE, l-Ukrajna u l-Istati Uniti tal-Amerka u pajjiżi oħra tal-Punent, u l-Federazzjoni Russa; billi seħħet eskalazzjoni politika u militari estremament perikoluża bejn ir-Russja u l-Punent, bl-involviment, f'dawn l-aħħar snin, ta' stati membri tan-NATO, eskalazzjoni li għoddha wasslet biex jixkatta l-ġlied;
L-Ukrajna
D. billi d-DCFTA UE-Ukrajna daħal fis-seħħ b'mod provviżorju fl-1 ta' Jannar 2016, wara li kien ġie pospost għal sena fuq talba tal-Ukrajna, u minkejja l-falliment tat-taħdidiet dwar kwistjonijiet ta' kummerċ bejn ir-Russja, l-UE u l-Ukrajna, li saru bil-għan li jsolvu l-problemi marbuta mad-dħul fis-seħħ tad-DCFTA u l-kompatibbiltà tiegħu mal-kummerċ maż-żona ta' kummerċ tal-Komunità ta' Stati Indipendenti (KSI);
E. billi għadha ma nstabitx soluzzjoni għall-problemi li wasslu għat-taqlib fl-Ukrajna fl-2013, fosthom il-korruzzjoni, il-kriżi ekonomika u soċjali, l-isfiduċja fil-politika u d-diżillużżjoni fir-rigward tas-sistema politika tal-Ukrajna minħabba l-influwenza politika kontinwa tal-istrutturi oligarkiċi; billi l-fatt li l-gvern u l-parlament naqsu milli jiġġieldu kontra l-korruzzjoni mmina l-fiduċja tal-poplu tal-Ukrajna u dik tal-komunità internazzjonali; billi l-gvern tal-lum fuq dawk il-problemi kompla żied l-impożizzjoni ta' aġenda neoliberali korporattiva u nazzjonalista, bl-għajnuna ta' gruppi paramilitari;
F. billi l-Ukrajna tinsab f'xifer kollass ekonomiku u soċjali li prattikament jagħmel minnha stat fallut; billi d-dejn estern tal-Ukrajna aktar milli rdoppja f'sentejn, u l-pajjiż iddikjara inadempjenza fuq id-dejn tiegħu mar-Russja, filwaqt li l-inflazzjoni bejn Diċembru 2014 u Diċembru 2015 telgħet għal 43.3 %, l-ogħla livell f'20 sena; billi, skont in-NU, 80 % tal-poplu tal-Ukrajna qed jgħixu taħt il-linja tal-faqar; billi minkejja l-għana ta' dan il-pajjiż, il-paga minima hija madwar EUR 50 kull xahar, l-aktar paga baxxa fl-Ewropa;
G. billi l-Partit Komunista tal-Ukrajna saħansitra ġie pprojbit;
H. billi trejdjunjonisti u l-partiti politiċi qed jiffaċċjaw repressjoni, u billi drittijiet demokratiċi u ċiviċi bażiċi, bħal-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' assoċjazzjoni, mhumiex qed jiġu rrispettati, f'kontradizzjoni ċara ta' dan il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni li l-Ukrajna ffirmat mal-UE;
I. billi l-ftehimiet ta' Minsk għadhom ma ġewx implimentati kompletament, filwaqt li l-implimentazzjoni tagħhom tippresupponi r-rieda politika tal-partijiet kollha li jiżviluppaw soluzzjonijiet tekniċi u politiċi dwar kull wieħed mit-tnax-il punt tal-ftehimiet fuq il-bażi ta' kompromess maqbul b'mod reċiproku bejn il-Partijiet;
Il-Moldova
J. billi sal-lum ħadd għadu ma nżamm responsabbli għall-għajbien ta' EUR 1 biljun mill-baġit tal-Moldova, somma li tilħaq aktar minn 15 % tal-PDG tal-pajjiż; billi d-DCFTA bejn l-UE u l-Moldova daħal fis-seħħ minkejja l-livelli għoljin ta' korruzzjoni fost l-elit politiku u minkejja n-nuqqas ta' riforma tas-sistema ġudizzjarja u ta' dik bankarja li jippermettu dik il-korruzzjoni;
K. billi fl-2015 il-Moldova rat l-akbar protesti tal-massa f'għexieren ta' snin;
L. billi l-gvern ordna d-detenzjoni tal-mexxej ta' wieħed mill-partiti fl-oppożizzjoni, Grigory Petrenko, kif ukoll ta' ħafna avversarji politiċi oħrajn, u qed jipprova jipprevjeni l-espressjoni politika ta' kull oppożizzjoni kontrih; billi 32 membru tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (APKE), li jirrappreżentaw kull xejra politika u 20 stat membru, iffirmaw dikjarazzjoni bil-miktub dwar "il-każ Petrenko", li bla ambigwità titlob lill-Moldova tiżgura "r-rilaxx immedjat tal-priġunieri politiċi kollha";
M. billi l-politika ta' awsterità flimkien mal-korruzzjoni mifruxa rriżultaw fil-bejgħ tal-industrija u tar-riżorsi tal-Moldova u fil-qerda tal għajxien taċ-ċittadini tagħha, b'mod li kompla jgħarraq in-nuqqas ta' fiduċja tal-ġenerazzjoni żagħżugħa fit-tmexxija politika tal-Moldova u ta lok għall-issuktar tal-emigrazzjoni tal-massa;
Il-Georgia
N. billi rriżulta li t-taqbida ġeopolitika għall-influwenza fuq il-Georgia kienet kontroproduttiva għall-pajjiż;
O. billi dawn l-aħħar tliet snin raw deterjorament tal-indikaturi ekonomiċi ewlenin fil-Georgia, rigward l-inflazzjoni, id-dejn tal-Istat, ir-rata tat-tkabbir ekonomiku, l-esportazzjonijiet, l-importazzjonijiet, l-introjtu nazzjonali per capita, il-pensjonijiet u l-livell minimu ta' sussistenza; billi dawn xejn mhuma kundizzjonijiet favorevoli għad-dħul fis-seħħ tad-DCFTA;
P. billi l-kummerċ mar-Russja rriżulta li huwa għodda importanti għall-istabbiltà ekonomika tal-Georgia: billi l-President tar-Russja, Vladimir Putin, dan l-aħħar ikkonferma r-rieda tar-Russja li terġa' tistabbilixxi r-relazzjonijiet mal-Georgia ex-Sovjetika, relazzjonijiet li sfaw interrotti wara l-gwerra f'Awwissu 2008, u offra li jneħħi r-rekwiżiti tal-viża għal ċittadini Georgjani;
Aspetti ġenerali
1. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar l-effetti devastanti tad-DCFTAs għall-Moldova, għall-Georgia u għall-Ukrajna rigward il-benessri tal-popolazzjoni lokali u l-paċi fir-reġjun, u jitlob is-sospensjoni provviżorja tagħhom;
2. Jitlob li jinbeda x-xogħol fuq forom ġodda ta' kooperazzjoni u ta' relazzjoni bejn l-UE u ż-Żona Ekonomika Ewro-Asjatika;
3. Jirrifjuta l-Politika kurrenti tal-Viċinat tal-Lvant tal-UE; itenni li kwalunkwe politika tal-viċinat tal-Lvant li ma tqisx l-interessi tal-atturi kollha kkonċernati, inklużi dawk tar-Russja, tkun ikkundannata għall-falliment; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi żviluppata politika tal-viċinat li tippromwovi l-kooperazzjoni reġjonali mingħajr ma teskludi lil kwalunkwe pajjiż li jkun interessat jieħu sehem; jistieden lir-Russja tipparteċipa b'mod proattiv fi proċess tali;
4. Jikkundanna t-tkabbir tan-NATO u l-fatt li, b'riżultat ta' dan it-tkabbir u tal-Politika tal-Viċinat tal-Lvant tal-UE, niżlet purtiera tal-ħadid oħra fil-fruntiera mar-Russja; iwissi li, jekk ma jingħatax bidu għal djalogu mar-Russja li jkun orjentat lejn ir-riżultati, jista' jkun hemm konsegwenzi perikolużi għall-paċi u s-sigurtà fl-Ewropa u fid-dinja;
5. Jistieden lill-UE tibda mill-ġdid mar-Russja djalogu politiku orjentat lejn l-għanijiet, biex terġa' tinbena l-fiduċja u jistabu soluzzjonijiet għall-problemi pendenti u għall-kwistjonijiet kontroversjali kollha; jitlob li, fil-livelli kollha tal-istituzzjonijiet tal-UE, jiġu stabbiliti mill-ġdid il-formati ta' djalogu li kienu jeżistu bejn l-UE u r-Russja qabel ma bdiet il-kriżi fl-Ukrajna; iħeġġeġ lill-UE ttemm il-politika tagħha ta' sanzjonijiet kontra r-Russja li wasslet għal gwerra kummerċjali u li, fuq kollox, irriżulta li hija politikament ineffikaċi u kontroproduttiva;
L-Ukrajna
6. Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni hija għamja għar-realtajiet fl-Ukrajna u għall-fatt li l-gvern tal-Ukrajna naqas milli jimplimenta riformi bażiċi f'konformità mal-obbligi tiegħu skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u skont il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), bħalma huma:
Øl-eradikazzjoni konsistenti tal-korruzzjoni;
Øl-istabbiliment tal-istat tad-dritt;
Øid-deċentralizzazzjoni u garanziji sodi f'dak li għandu x'jaqsam mal-parteċipazzjoni demokratika tan-nies ta-reġjuni tal-Ukrajna fil-proċessi deċiżjonali importanti kollha, b'mod partikolari fil-qasam tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku;
Øid-diżakkoppjament definittiv tal-oligarki minn mal-politika, taħt kontroll demokratiku;
Øir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet demokratiċi, inklużi d-drittijiet lingwistiċi;
Øid-dissoluzzjoni tal-unitajiet paramilitari u r-ristawr tal-kontroll strett mill-istat fuq il-pulizija u l-armata;
Øil-kontroll parlamentari immedjat, trasparenti, demokratiku u ġuridiku fuq il-forzi tas-sigurtà kollha fil-pajjiż u d-diżarm tal-hekk imsejħa forzi tas-sigurtà paramilitari u privati kollha;
Øtmiem il-politika ta' awsterità;
7. Jirrifjuta kwalunkwe appoġġ finanzjarju għall-Ukrajna mingħajr l-implimentazzjoni ta' dawn ir-riformi; jitlob li l-Kummissjoni u s-SEAE jorbtu kwalunkwe kooperazzjoni ulterjuri mal-awtoritajiet tal-Ukrajna mal-objettiv li jiġu żgurati l-attivitajiet tat-trejdjunjins u tal-movimenti soċjali, kif ukoll l-libertajiet ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni;
8. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-projbizzjoni tal-Partit Komunista tal-Ukrajna, u jitlob li din il-projbizzjoni titneħħa minnufih; jesprimi tħassib profond dwar dan l-attakk fuq il-libertà ta' espressjoni u fuq l-eżistenza ta' partit politiku demokratiku fl-Ukrajna, u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll lil korpi demokratċi Ewropej u internazzjonali oħra, jieħdu pożizzjoni soda u jikkundannaw bil-qawwa dan l-attakk serju fuq id-demokrazija fl-Ukrajna;
9. Jappoġġja bil-qawwa l-proċess ta' Minsk, inklużi l-impenji tiegħu relatati mal-kummerċ, u jħeġġeġ lill-partijiet iżommu mal-ftehimiet li diġà ntlaħqu u, f'negozjati ġodda, jiżviluppawhom fi pjan direzzjonali aktar trasparenti u ċar, b'punti ta' riferiment konkreti li għandhom jiġu ssodisfati mill-partijiet kollha involuti fin-negozjati;
10. Jopponi l-politika ta' żieda enormi fid-dejn estern tal-Ukrajna li qed titħaddem mill-Kummissjoni f'koordinazzjoni mal-FMI, u li qed twassal biex l-Ukrajna ssir dipendenti fuq istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali;
11. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar l-influwenza enormi tal-lemin estrem fuq il-ħajja politika tal-Ukrajna; jenfasizza li l-fatt li persuni b'fehmiet tal-lemin estrem jitħallew ikollhom kontroll fuq pożizzjonijiet b'riżorsi sinifikanti ta' infurzar tal-liġi jikkostitwixxi periklu ovvju għad-demokrazija; jappella b'urġenza lill-Gvern tal-Ukrajna biex iżarma l-gruppi vjolenti tal-lemin estrem, b'applikazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem;
Il-Moldova
12. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-fatt li l-Moldova naqset milli tistabbilixxi l-istat tad-dritt: jitlob li tintemm l-impunità għall-għajbien ta' EUR 1 biljun euro mill-baġit tal-Moldova, kif ukoll għal każijiet oħra ta' korruzzjoni; jieħu nota dwar in-nuqqas li tiġi stabbilita ġudikatura indipendenti kif jirrikjedi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova;
13. Jitlob ir-rilaxx immedjat tal-priġunieri politiċi kollha fil-Moldova, inkluż Grigory Petrenko u s-seba' sostenituri tiegħu mill-oppożizzjoni, u t-tmiem immedjat u sħiħ tal-arbitrarjetà ġudizzjarja; jistieden lill-Gvern tal-Moldova jaqdi l-obbligi tal-pajjiż bħala stat membru tal-Kunsill tal-Ewropa u bħala parti fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;
14. Jistieden lill-Gvern tal-Moldova jirrevedi l-politika ta' awsterità tiegħu, jieħu azzjoni biex jabilita l-industrija nazzjonali, u jqis il-ħtiġijiet soċjali urġenti tal-popolazzjoni, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-kura tas-saħħa, it-tisħin u l-edukazzjoni;
15. Jappella għal riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt tat-Transnistrija permezz ta' tiġdid tan-negozjati dwar l-istatus legali, skont il-format 5+2 u bl-użu tal-mezzi kollha tal-mekkaniżmu tal-OSKE abbażi tad-Dikjarazzjoni ta' Dublin tal-2012 li tirrikonoxxi l-integrità territorjali tal-Moldova, filwaqt li jitqiesu wkoll l-interessi tal-atturi kollha kkonċernati, inklużi l-Ukrajna u r-Russja;
Il-Georgia
16. Jitlob li l-UE tappoġġja l-proċess ta' normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-Georgia u r-Russja;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Ukrajna, tal-Moldova u tal-Georgia, lill-FMI, lill-tal-Federazzjoni Russa, lill-OSKE u lill-Kunsill tal-Ewropa.