MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Libja
27.1.2016 - (2016/2537(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Charles Tannock, Raffaele Fitto, Angel Dzhambazki, Ruža Tomašić, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Monica Macovei, Pirkko Ruohonen-Lerner, Geoffrey Van Orden, Anna Elżbieta Fotyga, Jana Žitňanská, Branislav Škripek, Kazimierz Michał Ujazdowski, Beatrix von Storch f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0146/2016
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Libja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Jannar 2016,
– wara li kkunsidra diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, inkluża r-riżoluzzjoni 2259(2015),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Politiku Libjan, iffirmat f'Skhirat, il-Marokk, fis-17 ta' Diċembru 2015,
– wara li kkunsidra l-mandat tal-Missjoni ta’ Appoġġ tan-NU fil-Libja (UNSMIL) u dak tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-sitwazzjoni fil-Libja,
– wara li kkunsidra t-taħditiet li qed jiġu ffaċilitati min-NU dwar il-Libja,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-mandat tal-operazzjoni EUNAVFOR Med/Sophia,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Libja ilha mifnija mill-instabbiltà, ġlied intern u settarjaniżmu mill-waqgħa tal-Kurunell Muammar Gaddafi fl-2011;
B. billi, minkejja l-elezzjonijiet parlamentari nazzjonali f'Ġunju 2014, l-aspirazzjonijiet li l-waqgħa tal-Kurunell Gaddafi ġabet magħha għall-poplu Libjan ġew imxekkla mill-firda politika u l-vjolenza; billi fi Tripli u Tobruk qed joperaw gvernijiet u parlamenti rivali;
C. billi l-vojt politiku u n-nuqqas ta' gvern stabbli ġie sfruttat mill-IS/Da'esh u forzi estremisti oħrajn, li qed jheddu l-paċi u s-sigurtà fir-reġjun kollu;
D. billi l-Ftehim Politiku Libjan ġie ffirmat fis-17 ta' Diċembru 2015 bħala parti minn proċess għall-unifikazzjoni tal-fazzjonijiet tal-pajjiż maqbuda fil-gwerra u l-ħolqien ta' gvern u proċess politiku inklużivi, stabbli u sostenibbli;
E. billi l-popolazzjoni ċivili hija l-vittma ewlenija tal-vjolenza u l-firda fil-Libja, b'livelli ta' għajxien li kulma jmur qed jiddeterjoraw, u b'żieda fir-riskju ta' korriment jew mewt minħabba l-vjolenza; billi dawk li qed iwettqu atti vjolenti jidher li ftit jew xejn jimpurtahom mill-impatt ta' għemilhom fuq partijiet innoċenti;
F. billi l-kaos politiku u l-vjolenza fil-Libja taw lit-traffikanti l-libertà li jisfruttaw lill-migranti u r-rifuġjati ddisprati biex jilħqu l-Ewropa; billi f'Ġunju 2015 ġiet skjerata l-Operazzjoni Militari tal-UE fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali, EU NAVFOR MED (issa magħrufa bħala Sophia), bil-għan aħħari li tidentifika, taqbad u telimina d-dgħajjes kif ukoll l-assi użati jew allegatament użati minn dawk li jiffaċilitaw id-dħul tal-migranti jew mit-traffikanti;
1. Japprova l-Ftehim Politiku Libjan u t-taħdidiet immexxija min-NU, u jappella lill-partijiet kollha biex jaħdmu flimkien fl-interessi tal-unità, l-istabbiltà u l-inklużività nazzjonali;
2. Għadu mħasseb ferm dwar l-impatt tal-vjolenza li għaddejja fil-Libja fuq ħajjet il-Libjani ordinarji; jemmen li atti bħal dawn iġarrfu t-tamiet li tinħoloq Libja demokratika, pluralistika u paċifika wara li l-Kurunell Gaddafi tilef il-poter fl-2011; jikkundanna lil dawk kollha li jużaw il-vjolenza biex jisfruttaw il-firda politika;
3. Għadu mħasseb ferm minħabba l-preżenza tal-forzi tal-IS/Da'esh fil-Libja u l-implikazzjonijiet li din tippreżenta għas-sigurtà tar-reġjun kollu; jemmen, barra minn hekk, li l-ħolqien ta' gvern ġdid fil-Libja huwa l-aqwa tama li jkun hemm stabbiltà fil-pajjiż u li tiġi indirizzata t-theddida dejjem tikber mill-IS/Da'esh;
4. Jemmen li l-kawża ewlenija għall-instabbiltà fil-Libja hija d-deċiżjonijiet li ttieħdu tul id-dittatorjat twil 40 sena tal-Kurunell Gaddafi, peress li dan ħalla l-pajjiż mingħajr sistema ta' gvern sura u b'istituzzjonijiet tal-gvern dgħajfa;
5. Jappoġġa lill-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali (GNA) bħala l-gvern leġittimu tal-Libja, u jħeġġeġ lill-atturi kollha, kif ukoll lill-pajjiżi terzi, biex jaċċettaw l-awtorità tiegħu;
6. Iħeġġeġ li l-Libjani jieħdu f'idejhom il-proċess politiku u jisħaq fuq l-importanza tal-inklużività, fosthom permezz tal-parteċipazzjoni tan-nisa, tas-soċjetà ċivili u tal-gruppi reliġjużi u etniċi u l-atturi politiċi u lokali kollha;
7. Ifaħħar il-ħidma tal-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja u r-Rappreżentant Speċjali tan-NU fl-isforzi tagħhom intiżi biex jiżguraw il-paċi, ir-rikonċiljazzjoni u gvern stabbli u inklużiv;
8. Joffri l-appoġġ tiegħu lill-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali u lill-poplu Libjan fil-ġlieda kontra l-vjolenza u l-estremiżmu; jemmen, barra minn hekk, li l-ħolqien ta' Gvern ta' Kunsens Nazzjonali huwa l-unika opportunità kredibbli biex jiġu żgurati l-paċi, l-istabilità u l-prosperità fil-Libja, u biex jiġu indirizzati t-theddidiet u l-isfidi multipli li jbiegħdu lill-pajjiż milli jilħaq dawn l-objettivi, inklużi t-terroriżmu u t-traffikar tal-bnedmin;
9. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu lejn il-qagħda mwiegħra tar-rifuġjati li qed jaħarbu mil-Libja lejn l-Ewropa bil-baħar, u jiddispjaċih ukoll li mijiet ta' nies mietu huma u jaqsmu l-baħar fl-2015; iħeġġeġ ulterjorment lill-operazzjoni EUNAVFOR MED Sophia biex tkun aktar effikaċi fl-isforzi tagħha hi u tindirizza l-fluss ta' rifuġjati u t-traffikanti li jisfruttawhom;
10. Jappella lill-atturi reġjonali kollha, inkluż il-Lega Għarbija u l-Unjoni Afrikana, biex jaħdmu man-NU u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra biex jgħinu fil-bini ta' Libja stabbli, inklużiva u demokratika;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Speċjali tan-NU dwar il-Libja, lil-Lega Għarbija, lill-Unjoni Afrikana, u lir-rappreżentanti tal-Kunsill tal-Presidenza Libjana.