MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen
27.1.2016 - (2016/2515(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Charles Tannock, Raffaele Fitto, Angel Dzhambazki, Ruža Tomašić, Geoffrey Van Orden, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Monica Macovei, Pirkko Ruohonen-Lerner, Jana Žitňanská, Branislav Škripek f'isem il-Grupp ECR
B8-0147/2016
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen, inkluża dik tat-8 ta' Lulju 2015[1],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 2201 (2015), 2204 (2015) u 2216 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Paċi u Sħubija Nazzjonali tal-21 ta' Settembru 2014,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,
– wara li kkunsidra t-taħditiet iffaċilitati min-NU dwar il-Jemen,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-kunflitt attwali fil-Jemen joriġina mill-falliment ta' gvernijiet suċċessivi milli jissodisfaw l-aspirazzjonijiet demokratiċi, ekonomiċi u soċjali tal-poplu tal-Jemen, u minħabba f'hekk żiedu l-iskuntentizza u d-diviżjoni li wasslu għall-vjolenza attwali;
B. billi talli naqas milli jieħu t-triq ta' politika inklużiva, il-Jemen inqabad f'tensjonijiet tribali dejjem jiżdiedu u gwerra qalila bi prokura bejn ir-ribelli Houthi, li huma appoġġati mill-Iran, u l-Arabja Sawdija, li qed tmexxi kampanja militari kontra r-ribelli, li wassal lir-reġjun usa' direttament għal kunflitt kumpless li ilu għaddej xhur sħaħ; billi l-Arabja Sawdija tqis lir-ribelli Houthi fil-Jemen bħala forza Iranjana bi prokura, filwaqt li l-Iran ikkundanna l-offensiva mmexxija mill-Arabja Sawdija, u appella għall-waqfien immedjat ta' attakki mill-ajru mmexxija mill-Arabja Sawdija;
C. billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Jemen, li dejjem sejra għall-agħar, qiegħda twassal għal aktar tħassib internazzjonali, fejn inqatlu tal-inqas 5 700 persuna, kważi nofshom huma ċivili, minn mindu intensifika l-kunflitt f'Marzu 2015; billi suldati Houthi huma akkużati li sparaw armi tqal f'żoni urbani, filwaqt li l-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija ġiet akkużata li wettqet diversi attakki mill-ajru fuq sptarijiet u binjiet ċivili oħra;
D. billi l-impatt ikkombinat ta' ġlied fuq l-art u attakki mill-ajru intensi u ta' imblokk tal-art, tal-baħar u tal-ajru fit-Tramuntana tal-Jemen kellu effett devastanti fuq il-pajjiż; billi l-kunflitt attwali rriżulta fi kriżi umanitarja serja, li tolqot 80 % tal-popolazzjoni tal-Jemen, li hi ta' 26 miljun ruħ;
E. billi Jemen stabbli u sigur, b'gvern li jiffunzjona sew, hu kruċjali għall-isforzi internazzjonali kontra l-estremiżmu u l-vjolenza fir-reġjun u lil hinn minnu, kif ukoll għall-paċi u l-istabbiltà fil-Jemen innifsu;
F. billi l-isforzi biex jintemm il-kunflitt saru aktar diffiċli bħala konsegwenza tad-deterjorament tar-relazzjonijiet bejn l-Iran u l-Arabja Sawdija wara l-eżekuzzjoni reċenti min-naħa ta' din tal-aħħar tal-kleriku Xiita prominenti Nimr al-Nimr;
G. billi hemm ukoll tħassib li l-kunflitt wassal għal diversi każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen, inklużi attakki kontra ġurnalisti u istituzzjonijiet tal-media, għajbien sfurzat, ksur tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura, l-intimidazzjoni u d-detenzjoni ta' minoranzi reliġjużi, u l-użu allegat ta' tfal f'kunflitti armati;
1. Jesprimi tħassib serju dwar il-vjolenza kontinwa fil-Jemen u l-kriżijiet umanitarji li jirriżultaw minnhom u li jaffettwaw miljuni ta' rġiel, nisa u tfal innoċenti; jiddispjaċih ħafna, barra minn hekk, għat-telf ta' ħajja kkawżat mill-kunflitt u għas-sofferenza ta' dawk maqbudin fil-ġlied;
2. Jappoġġa bis-sħiħ l-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU Ismail Ould Cheikh Ahmed biex tinstab soluzzjoni dejjiema u paċifika għall-kriżi attwali; jistieden ukoll lill-atturi statali u dawk mhuxstatali kollha involuti fil-kunflitt biex jaħdmu għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni, u li jidħlu għal tali proċess mingħajr prekundizzjonijiet;
3. Jemmen li l-Arabja Sawdija u l-Iran huma strumentali biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi, u jħeġġeġ liż-żewġ naħat biex jaħdmu b'mod pragmatiku u b'rieda tajba sabiex jintemm il-ġlied fil-Jemen;
4. Jemmen bis-sħiħ li l-unika soluzzjoni fit-tul għall-kriżi fil-Jemen hu d-djalogu politiku inklużiv, skont il-qafas ipprovdut mill-inizjattiva tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, l-eżiti tal-Konferenza Nazzjonali għad-Djalogu, u d-diversi konklużjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tal-Kunsill Ewropew;
5. Jinsab profondament imħasseb dwar il-fatt li l-vjolenza u l-instabbiltà attwali fil-Jemen jistgħu jippermettu lil gruppi terroristiċi u estremisti jisfruttaw is-sitwazzjoni attwali, li għandha implikazzjonijiet usa' għas-sigurtà fir-reġjun u lil hinn minnu;
6. Jiddispjaċih ħafna dwar l-imwiet ta' nies ċivili u ħaddiema umanitarji fil-Jemen u, dak li, milli jidher, hu l-immirar indiskriminat ta' infrastruttura ċivili, inklużi skejjel u sptarijiet;
7. Jistieden lill-partijiet kollha jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet taċ-ċittadini tal-Jemen kollha u ta' dawk kollha li jaħdmu f'missjonijiet ta' paċi u umanitarji fil-pajjiż, inklużi ħaddiema li jagħtu l-għajnuna, tobba u ġurnalisti;
8. Jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti dwar l-allegazzjonijiet kollha ta' abbuż, tortura, qtil immirat ta' ċivili u ksur ieħor tad-drittijiet umanitarji internazzjonali u tal-liġijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem;
9. Jemmen li l-Jemeniti għandhom ikunu rappreżentati b'mod leġittimu u trasparenti, bi skeda ċara tat-transizzjoni politika li tkun ibbażata fuq l-eżiti tal-Konferenza Nazzjonali għad-Djalogu u l-Ftehim ta' Paċi u Sħubija Nazzjonali u fuq il-linji stabbiliti fl-inizjattiva tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, li jinkludu kostituzzjoni, referendum u elezzjonijiet;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President tal-Jemen, lill-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Jemen u lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf.
- [1] Testi adottati, P8_TA(2015)0270.