Proċedura : 2016/2515(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0151/2016

Testi mressqa :

B8-0151/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 04/02/2016 - 8.9
CRE 04/02/2016 - 8.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
PV 25/02/2016 - 7.15
CRE 25/02/2016 - 7.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0066

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 436kWORD 93k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0151/2016
27.1.2016
PE576.512v01-00
 
B8-0151/2016

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen (2016/2515(RSP))


Javier Couso Permuy, Sabine Lösing, Ángela Vallina, Neoklis Sylikiotis, Takis Hadjigeorgiou, Fabio De Masi, Paloma López Bermejo, Marie-Christine Vergiat, Malin Björk, Tania González Peñas, Miguel Urbán Crespo, Lola Sánchez Caldentey, Xabier Benito Ziluaga, Estefanía Torres Martínez f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen (2016/2515(RSP))  
B8-0151/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet dwar il-Jemen magħmula mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Ban Ki-Moon, u mill-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Paċi fil-Jemen, Ismail Ould Cheikh Ahmed,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-Jemen u d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President / Rappreżentant Għoli dwar il-Jemen, b'mod partikolari dawk tas-26 ta' Ottubru 2015 u tal-15 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti mill-Viċi President / Rappreżentant Għoli u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet tat-3 ta' Lulju 2015 dwar il-kriżi fil-Jemen u tal-10 ta' Jannar 2016 dwar l-attakk fuq ċentru tas-saħħa tat-Tobba Mingħajr Fruntieri fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2014 (2011), 2051 (2012), 2140 (2014), 2201 (2015), 2204 (2015) u 2216 (2015),

–  wara li kkunsidra d-diskorsi li saru waqt is-7596 laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani tat-22 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar il-Jemen, b'mod partikolari dik tad-9 ta' Lulju 2015(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar l-użu ta' drones armati(2),

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-konfrontazzjoni li ilha għaddejja bejn il-Houthis u l-Gvern Jemenit reġgħet bdiet kmieni fl-2014 u wasslet għall-avvanz tal-Houthis f'Awwissu 2014; billi l-Houthis komplew jikkonsolidaw iż-żamma tal-poter u t-territorju tagħhom, u ħadu taħt idejhom partijiet sinifikanti tal-pajjiż, u b'hekk qajmu l-ġlied għal xhur sħaħ u wasslu għall-eżilju tal-President tal-Jemen rikonoxxut internazzjonalment, Abd-Rabbu Mansour Hadi;

B.  billi l-Arabja Sawdija hija l-kap ta' koalizzjoni – appoġġata mill-Istati Uniti u magħmula mill-Emirati Għarab Magħquda, il-Qatar, il-Bahrain, il-Kuwajt, il-Ġordan, il-Marokk u s-Sudan – li ilha tibbumbardja lill-Jemen mis-26 ta' Marzu 2015 f'kampanja ta' attakki mmirata biex terġa' tqiegħed lil Hadi fil-poter; billi l-Arabja Sawdija imponiet imblokk kważi totali fuq il-Jemen, pajjiż li jiddependi bil-kbir fuq l-importazzjonijiet; billi l-imblokk tal-fjuwil min-naħa tal-koalizzjoni u l-immirar ta' infrastruttura tal-popolazzjoni ċivili jikkostitwixxu ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali;

C.  billi din il-konfrontazzjoni bejn il-Gvern Jemenit u l-Houthis, li kompliet tiddeġenera minħabba l-attakki militari tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija, wasslet għal emerġenza umanitarja fil-Jemen; billi madwar 80 % tal-popolazzjoni tal-Jemen – madwar 21 miljun ruħ – jeħtieġu b'urġenza xi forma ta' għajnuna umanitarja biex jissoddisfaw il-ħtieġa ddisprata tagħhom għall-ikel, il-mediċini u l-fjuwil;

D.  billi, minn nofs Marzu 2015, il-kunflitt infirex għal 20 gvernaturat mit-22 li hemm fil-Jemen, u b'hekk kompla jaggrava sitwazzjoni umanitarja diġà ddisprata li ġabu magħhom snin ta' faqar; billi l-kunflitt fil-pajjiż ikkawża l-mewt ta' madwar 7 500 ruħ, nofshom mill-popolazzjoni ċivili, u darab aktar minn 27 500 ruħ; billi n-NU qiegħda tappella b'mod urġenti lill-awtoritajiet u lid-diversi fazzjonijiet biex jippermettu aċċess mhux ostakolat fil-bliet assedjati, biex b'hekk in-NU tkun tista' twassal l-għajnuna lill-persuni fil-bżonn, peress li l-gwerra fil-Jemen ġiet ikklassifikata fl-aktar kategorija ta' kriżi umanitarja gravi; billi eluf ta' rifuġjati rnexxielhom jaħarbu lejn il-pajjiżi ġirien;

E.  billi l-pajjiż qed iħabbat wiċċu ma' katastrofi umanitarja, inkluż riskju ta' karestija; billi l-attakki mill-ajru, il-bumbardamenti u l-vjolenza qed ikomplu jġiegħlu lill-familji Jeminiti jaħarbu minn djarhom, b'aktar minn 2.5 miljun persuna spostati internament; billi madwar 7.6 miljun ruħ fil-Jemen jeħtieġu għajnuna ta' emerġenza f'dak li jikkonċerna l-provvista tal-ikel biex jissopravvivu. billi minn tal-inqas 2 miljun ruħ ibatu minn nutrizzjoni ħażina; billi madwar 8 miljun ruħ tilfu l-aċċess affidabbli u mingħajr riskji għall-ilma tajjeb għax-xorb peress li aktar minn 50 % tan-netwerk tal-ilma inqered minħabba l-ġlied; billi madwar 14-il miljun ruħ m'għandhomx aċċess xieraq għall-għajnuniet fil-qasam tal-kura tas-saħħa; billi l-qagħda katastrofika li tinsab fiha s-sistema tal-kura tas-saħħa tal-Jemen kompliet tmur għall-agħar wara li nqerdu tliet faċilitajiet mediċi tat-Tobba Mingħajr Fruntieri f'Taiz u Saada; billi l-appell għall-għajnuna umanitarja għall-Jemen fl-2015 ġie ffinanzjat biss b'52 %;

F.  billi 1.3 miljun tifel u tifla taħt il-ħames snin jinsabu f'riskju ta' nutrizzjoni ħażina; billi 320 000 tifel u tifla diġà qed ibatu minn nutrizzjoni ħażina ferm; billi minn tal-inqas 1.8 miljun tifel u tifla kellhom jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien, flimkien mal-1.6 miljun li diġà kienu telqu mill-iskola qabel ma beda l-kunflitt;

G.  billi n-nisa Jemeniti ntlaqtu partikolarment mill-kunflitt; billi aktar minn 30 % tal-unitajiet domestiċi spostati huma mmexxija min-nisa; billi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa diġà wissiet li l-mediċini għal ħafna mill-mard kroniku m'għadhomx disponibbli u li n-nisa tqal jaf daqt iħabbtu wiċċhom ma' żieda drammatika fir-riskji ta' mewt waqt it-twelid;

H.  billi l-kunflitt u n-nuqqas ta' sigurtà li kkawża l-kunflitt wasslu għal espansjoni perikoluża ta' gruppi estremisti fil-pajjiż, b'mod partikolari fiż-żoni ta' Abyan, Albaeda'a u Shabwa; billi Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija kkonsolidat il-preżenza tagħha fil-Gvernaturat ta' Hadhramaut u l-kontroll tagħha tal-port ta' Al Mukalla; billi l-ISIS kompla l-kampanja tiegħu ta' attakki u qtil, inkluż il-qtil ta' Jaafar Mohammed Saad, Gvernatur ta' Aden, fis-6 ta' Diċembru 2015;

I.  billi fl-Iżvizzera, mill-15 sal-20 ta' Diċembru 2015, saru taħditiet sponsorjati min-Nazzjonijiet Uniti bejn il-Gvern tal-Jemen, il-Houthis u l-Kungress Ġenerali tal-Poplu; billi l-Mibgħut Speċjali tan-NU għall-Jemen ħabbar il-waqfien mill-ġlied fl-għodwa tal-15 ta' Diċembru 2015; billi minkejja r-rieda espressa mill-partijiet li jkun hemm waqfien sħiħ u komprensiv mill-ostilitajiet matul it-taħditiet, il-vjolenza baqgħet għaddejja; billi sabiex jiġi minimizzat il-ksur, ġie stabbilit kumitat għall-koordinament u t-tnaqqis tat-tensjoni; billi l-aġenda għat-taħdidiet inkludiet id-diskussjoni dwar kwistjonijiet umanitarji, il-miżuri għall-bini tal-fiduċja u qafas ġenerali li jista' jservi bħala bażi għal soluzzjoni komprensiva; billi l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied ġie estiż uffiċjalment sat-28 ta' Diċembru 2015; billi mill-14 ta' Jannar 2016 kellu jibda ċiklu ġdid ta' diskussjonijiet, iżda dan ġie pospost;

J.  billi l-Jemen hu wieħed mill-ifqar pajjiżi tad-dinja; billi, qabel ma faqqgħet il-gwerra, nofs il-poplu Jemenit diġà kien jgħix taħt is-soll tal-faqar, żewġ terzi taż-żgħażagħ kienu qiegħda u s-servizzi soċjali bażiċi kienu f'xifer kollass;

K.  billi l-kunflitt ġie deskritt bħala wieħed bejn ix-Xiiti u s-Sunniti f'tentattiv li jiġu okkultati r-raġunijiet ġeopolitiċi reali wara l-kunflitt; billi l-Arabja Sawdija qed takkuża lill-Houthis li huma appoġġati mill-Iran u tqishom bħala theddida għas-sigurtà Sawdija; billi l-kumplessità tal-kunflitt fil-Jemen għandha elementi ta' gwerra bi prokura f'pajjiż fejn il-preżenza tal-gruppi ta' Al-Qaeda hija qawwija, u fejn hemm movimenti separatisti u ribelli Xiiti Zaidi fit-Tramuntana u ġlied bejn il-Houthis u gruppi armati fin-Nofsinhar;

L.  billi l-UE imponiet embargo fuq l-armi u aktar sanzjonijiet immirati kontra mexxej Houthi li huwa iben l-ex President Saleh; billi, fl-istess ħin, Stati Membri tal-UE bħar-Renju Unit, Spanja, Franza, l-Italja u l-Ġermanja qed ikomplu jbiegħu l-armi lill-Arabja Sawdija; billi kemm ir-Renju Unit kif ukoll Spanja żiedu b'mod sinifikanti l-provvista tagħhom tal-armi; billi l-Arabja Sawdija hija l-akbar klijent tar-Renju Unit f'dak li jirrigwarda l-armi u r-Renju Unit huwa l-akbar fornitur ta' armi lill-pajjiżi tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf; billi l-koalizzjoni għall-Kontroll tal-Armi ddenunzjat li dan il-kummerċ qed jikser l-obbligi tar-Renju Unit taħt it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, il-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar l-Esportazzjoni tal-Armi, kif ukoll il-Kriterji Kkonsolidati tar-Renju Unit dwar l-Esportazzjoni tal-Armi;

M.  billi l-Istati Uniti għandha l-bażi tal-ajru militari al-Annad fil-Jemen qrib il-belt ta' al-Houta li tinsab fin-Nofsinhar tal-pajjiż, fejn l-Amerikani ordnaw attakki bid-drones kontra membri suspettati tal-fergħa lokali ta' Al-Qaeda; billi l-attakki bid-drones min-naħa tal-Istati Uniti u l-qtil extraġudizzjarju fil-Jemen mill-2002 'il hawn ikkontribwixxew għad-distabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni fil-Jemen; billi, skont l-aħħar rapport dwar il-Jemen maħruġ mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR), l-attakki bid-drones joqtlu aktar persuni mill-popolazzjoni ċivili mill-allegati terroristi / membri ta' Al-Qaeda; billi, skont il-Bureau of Investigative Journalism, mill-bidu tal-operazzjonijiet fl-2002, f'dawn il-missjonijiet inqatlu minn tal-inqas 424 persuna, inklużi tmint itfal;

N.  billi l-ex President Saleh kien meqjus bħala alleat tal-Istati Uniti u rċieva miljuni ta' dollari bħala "assistenza għall-ġlieda kontra t-terroriżmu" u bħala għajnuna għat-tħarriġ tal-armata; billi dawn l-armi ntużaw kontra l-poplu Jemenit u issa qegħdin jintużaw fil-ġlied bejn gruppi differenti;

O.  billi l-pożizzjoni ġeografika tal-Jemen fil-bokka tal-Baħar l-Aħmar, li jagħti għall-Kanal ta' Suez u li jiżbokka fil-Golf ta' Aden, hija waħda ta' importanza strateġika marbuta ma' rotot marittimi u riżorsi ta' enerġija sinifikanti;

1.  Jinsab imħasseb ferm dwar is-sitwazzjoni umanitarja diżastruża fil-Jemen, b'madwar 21 miljun Jemenit fi bżonn urġenti ta' għajnuna umanitarja; jistieden lill-partijiet kollha biex jiżguraw aċċess mingħajr riskji, rapidu u mingħajr xkiel għall-provvista ta' għajnuna umanitarja lill-gvernaturati kollha milquta, b'mod partikolari Taiz;

2.  Jesprimi tħassib dwar id-diffikultajiet li qed issib in-NU biex tikseb il-fondi meħtieġa għall-għajnuna umanitarja u n-nuqqas min-naħa tal-Istati Membri tal-UE li jipprovdu l-flus li wiegħdu waqt il-koferenzi tad-donaturi; itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali biex jaqblu b'urġenza dwar l-azzjoni umanitarja kkoordinata u mmexxija min-NU bil-għan li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet umanitarji fil-Jemen, u jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jikkontribwixxu għal dawn l-isforzi;

3.  Jikkundanna l-użu tal-vjolenza kontra l-popolazzjoni ċivili minn kwalunkwe parti fil-kunflitt jew minn terroristi jew gruppi armati oħrajn, li tefa' lill-pajjiż fi kriżi umanitarja ddisprata u li rriżulta f'għadd kbir ta' persuni mill-popolazzjoni ċivili midruba jew maqtula u f'għadd kbir ta' persuni spostati; jesprimi l-akbar simpatija u l-kondoljanzi tiegħu mal-familji tal-vittmi;

4.  Jikkundanna l-attakki militari mwettqa mill-alleanza mmexxija mill-l-Arabja Sawdija fil-Jemen, kif ukoll l-imblokk navali impost mill-Arabja Sawdija fuq il-portijiet tal-Jemen; jinsab konvint li l-intervent min-naħa tal-Arabja Sawdija huwa intiż biex isaħħaħ il-kontroll tagħha fir-reġjun u li miegħu dan ser iġib biss aktar tbatija lill-poplu Jemenit u firda akbar bejn il-gruppi reliġjużi fil-Lvant Nofsani;

5.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu fir-rigward tal-kapaċità ta' Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija u tal-ISIS li jibbenefikaw mid-deterjorament tas-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà fil-Jemen; ifakkar li l-atti kollha ta' terroriżmu huma kriminali u inġustifikabbli, irrispettivament mill-motivazzjoni tagħhom, u minn meta, fejn u min iwettaqhom;

6.  Jesprimi l-apprezzament tiegħu u jtenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-isforzi tan-NU u l-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għall-Jemen; itenni li l-kunflitt fil-Jemen jista' jiġi riżolt biss permezz ta' soluzzjoni politika; jistieden, għaldaqstant, lill-partijiet kollha fil-Jemen jastjenu mill-provokazzjonijiet u minn kull azzjoni unilaterali u jipproċedu b'negozjati inklużivi mmexxijin mill-Jemeniti bil-għan li terġa' tinġieb lura l-paċi fil-pajjiż; jinsab konvint li kwalunkwe soluzzjoni fit-tul għandha tindirizza l-kawżi sottostanti tal-faqar u l-instabbiltà fil-pajjiż, kif ukoll tissodisfa t-talbiet u l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Jemenit; jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għal kwalunkwe sforz politiku paċifiku għall-ħarsien tas-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Jemen;

7.  Jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas ta' attenzjoni li qed tingħata min-naħa tal-komunità internazzjonali u l-mezzi tax-xandir lill-kunflitt fil-Jemen;

8.  Ma jaċċetta ebda intervent militari barrani fil-pajjiż, kemm jekk mill-Arabja Sawdija jew mill-Iran, kemm jekk mill-pajjiżi Għarab jew minn dawk tal-Punent; iwissi kontra r-riskju li tinqabad it-triq tal-gwerra tar-reliġjonijiet; jissottolinja li l-gwerra fil-Jemen mhijiex biss kunflitt bejn ix-Xiiti u s-Sunniti; jiddenunzja l-użu tad-differenzi reliġjużi fl-istigazzjoni ta' kriżijiet politiċi u gwerer settarji;

9.  Ifakkar lill-partijiet kollha fir-responsabbiltà tagħhom li jiżguraw il-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, li jfisser li għandhom iħarsu l-popolazzjoni ċivili, iżommu lura milli jimmiraw lejn l-infrastruttura ċivili u jagħtu lill-organizzazzjonijiet umanitarji aċċess sikur u mingħajr xkiel għall-pajjiż; jesprimi t-tħassib serju tiegħu fir-rigward ta' rapporti dwar l-użu ta' suldati tfal mill-forzi Houthi, minn Ansar Al-Sharia u mill-forzi tal-gvern; jappella sabiex dawk responsabbli għal ksur jew abbużi tad-drittijiet tal-bniedem jew għal ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali jinżammu responsabbli għal għemilhom;

10.  Jikkundanna l-konnivenza u l-kompliċità tal-UE mad-dittatorjati fir-reġjun; huwa kritiku ferm fil-konfront tar-rwol tad-diversi interventi tal-Punent ta' dawn l-aħħar snin fit-trawwim tal-ħruxija tal-kunflitti fiż-żona; jiddikjara li ma jista' jkun hemm ebda soluzzjoni militari għall-kunflitti fir-reġjun; ma jaċċettax l-użu tal-kunċett ta' "responsabblità ta' protezzjoni", billi dan jikser id-dritt internazzjonali u ma joffrix bażi ġuridika adegwata biex l-użu unilaterali tal-forza jkun ġustifikat;

11.  Jikkritika bil-qawwa l-kummerċ intensiv fl-armi min-naħa ta' xi Stati Membri tal-UE ma' diversi pajjiżi fir-reġjun, bħal fil-każ tar-Renju Unit, Spanja, Franza u l-Ġermanja; jappella għas-sospensjoni minnufih tat-trasferimenti tal-armi u l-appoġġ militari lejn l-Arabja Sawdija u s-sħab tal-koalizzjoni tagħha; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kunsill biex jivverifika jekk sarx ksur tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni ta' Armi u biex jadotta miżuri stretti bil-għan li dan il-kodiċi jkun rispettat bis-sħiħ mill-Istati Membri kollha;

12.  Jopponi bil-qawwa l-użu ta' drones għal qtil extraġudizzjarju u extraterritorjali; jitlob il-projbizzjoni fuq l-użu ta' drones għal dan l-iskop, skont ir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tas-27 ta' Frar 2014 dwar l-użu ta' drones armati, li titlob, fil-paragrafu 2 (a) u (b), biex "[tiġi opposta u pprojbita] l-prassi ta' qtil immirat extraġudizzjarju" u "[jiġi żgurat] li l-Istati Membri, f'konformità mal-obbligi legali tagħhom, ma jwettqux qtil immirat illegali jew jiffaċilitaw qtil bħal dan min-naħa ta' stati oħra";

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern tal-Jemen u lill-membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0270.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2014)0172.

Avviż legali - Politika tal-privatezza