Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0157/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0157/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta’ minoranzi reliġjużi minn ISIS

27.1.2016 - (2016/2529(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Javier Nart, Petras Auštrevičius, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Norica Nicolai, Urmas Paet, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0149/2016

Proċedura : 2016/2529(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0157/2016
Testi mressqa :
B8-0157/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0157/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta’ minoranzi reliġjużi mill-ISIS

(2016/2529(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq, is-Sirja, il-Libja u l-Eġittu, partikolarment dawk tal-10 ta’ Ottubru 2013 dwar każijiet reċenti ta’ vjolenza u persekuzzjoni kontra Nsara, partikolarment f’Ma’loula, fis-Sirja, u f’Peshawar, fil-Pakistan, u l-każ tal-Pastor Saeed Abedini (fl-Iran)[1] , tat-18 ta’ Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u s-Sirja u l-attakk tal-IS inkluża l-persekuzzjoni tal-minoranzi[2], tat-12 ta’ Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b’mod partikolari fil-kuntest tal-IS[3]u dik tat-12 ta’ Marzu 2015 dwar l-attakki u sekwestri reċenti minn Daesh fil-Lvant Nofsani, b’mod partikolari ta’ Assirjani[4],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta’ Marzu 2015 dwar l-istrateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tal-ISIL/Da’esh, tal-20 ta’ Ottubru 2014 dwar il-kriżi tal-ISIL/Da’esh fis-Sirja u fl-Iraq, tat-30 ta’ Awwissu 2014 dwar l-Iraq u s-Sirja, tal-14 ta’ April 2014 u tat-12 ta’ Ottubru 2015 dwar is-Sirja, u tal-15 ta’ Awwissu 2014 dwar l-Iraq,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-Iraq u s-Sirja,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, u l-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni tal-konformità mal-liġi umanitarja internazzjonali; wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Intolleranza u tad-Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/335/JHA tat-8 ta’ Mejju 2003 dwar l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra[5]; wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Prevenzjoni tal-Ġenoċidju,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni Ewropea ta’ Stavros Lambrinidis, ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, fid-Dibattitu Miftuħ tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar “Il-vittmi ta’ attakki u abbużi fuq bażi reliġjuża jew etnika fil-Lvant Nofsani”, fis-27 ta’ Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, ippreżentat fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem fit-13 ta’ Awwissu 2015, b’mod partikolari l-paragrafi 165 sa 173 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2254 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li tapprova pjan direzzjonali għall-proċess ta’ paċi fis-Sirja u tistabbilixxi kalendarju għal taħdidiet,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi, kif rikonoxxut permezz tar-Riżoluzzjoni 2249 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, l-ideoloġija estremista vjolenti tal-hekk imsejjaħ “ISIS/Da’esh”, l-atti terroristiċi tiegħu, l-attakki gravi sistematiċi u mifruxa kontinwi tiegħu diretti kontra l-popolazzjonijiet ċivili, l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-vjolazzjonijiet tal-liġi umanitarja internazzjonali, inklużi dawk imwettqa fuq bażi reliġjuża jew etnika, l-eradikazzjoni tiegħu tal-wirt kulturali u t-traffikar tal-beni kulturali, jikkostitwixxu theddida globali u mingħajr preċedent għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali;

B.  billi n-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra rrapurtaw vjolazzjonijiet serji u mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali mwettqa mill-ISIS/Da’esh u minn gruppi assoċjati fil-Lvant Nofsani, speċjalment fis-Sirja u fl-Iraq, kontra gruppi minoranzi etniċi u reliġjużi, inklużi assassinji mmirati, konverżjonijiet furzati, ħtif, bejgħ tan-nisa, tjassir tan-nisa u t-tfal, reklutaġġ tat-tfal għal attakki suwiċida bil-bombi, abbużi sesswali u fiżiċi, u tortura; billi hemm preokkupazzjonijiet li qed jiżdiedu dwar il-benessri ta dawk li għadhom maqbuda f’żoni kkontrollati mill-forzi tal-ISIS/Da’esh, minħabba li dawn iż-żoni ma jintlaħqu minn kważi l-ebda assistenza umanitarja internazzjonali;

C.  billi, il-minoranzi reliġjużi u etniċi bħall-Insara, il-Yezidi, it-Turkmeni, ix-Shabak, il-Kaka’e, il-komunitajiet Sabej u Xi’iti, kif ukoll ħafna Għarab u Musulmani Sunniti, kienu fil-mira tal-ISIS/Da’esh; billi kien hemm moskej, monumenti, santwarji, knejjes u postijiet oħra ta’ qima, oqbra u ċimiterji, li nqerdu deliberatament;

D.  billi, fi Frar 2015, l-"ISIS/Da’esh" ħataf aktar minn 220 Nisrani Assirjan, wara li ħa l-kontroll ta’ bosta komunitajiet ta’ bdiewa fuq ix-xatt tan-Nofsinhar tax-xmara Khabur fil-provinċja ta’ Hassakeh fil-Grigal tal-pajjiż, u billi sal-lum ftit biss kienu dawk minnhom li nħelsu wara dawk li kienu qed iżommuhom tħallsu l-flus, filwaqt li għad mhux magħruf x’sar mill-oħrajn;

E.  billi l-Kummissjoni ta’ Inkjesta Internazzjonali Indipendenti iddokumentat u rrappurtat li persuni minn minoranzi etniċi u reliġjużi li qed jopponu lid-Da’esh/ISIS u gruppi terroristiċi oħra, milizzji u gruppi armati mhux tal-istat f’inħawi taħt il-kontroll de facto tagħhom għadhom f’riskju ta’ persekuzzjoni;

F.  billi diversi rapporti minn korpi tan-NU, inkluż mill-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Prevenzjoni tal-Ġenoċidju, il-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar ir-Responsabbiltà tal-Protezzjoni u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, iddikjaraw li l-atti mwettqa mid-Da’esh/ISIS jistgħu jammontaw għal delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u, possibbilment, ġenoċidju;

G.  billi l-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra huma ta’ tħassib għall-Istati Membri kollha tal-UE, li huma determinati li jikkoperaw bil-ħsieb li jipprevjenu tali delitti u li jtemmu l-impunità ta’ min iwettaqhom, f’konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/444/CFSP tas-16 ta’ Ġunju 2003;

H.  billi, skont il-liġi internazzjonali, kull individwu għandu d-dritt li jgħix skont il-kuxjenza tiegħu jew tagħha u li liberament iħaddan jew ibiddel reliġjon kif ukoll twemmin mhux reliġjuż; billi l-mexxejja politiċi u reliġjużi għandhom id-dmir f’kull livell li jiġġieldu kontra l-estremiżmu u jippromwovu r-rispett reċiproku bejn l-individwi u l-gruppi reliġjużi;

1.  Ifakkar il-kundanna qawwija tiegħu tal-ISIS/Da’esh u l-abbużi gravissmi tad-drittijiet tal-bniedem li jwettaq u li jammontaw għal delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra, fis-sens tal-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), u li jistgħu jiġu rriferuti bħala ġenoċidju; huwa mħasseb għall-aħħar dwar il-fatt li dan il-grupp terroristiku għandu fil-mira intenzjonata tiegħu l-Insara, il-Yażidi, it-Turkmeni, ix-Xi’iti, ix-Shabak, is-Sabej, il-Kaka’e u s-Sunniti li ma jaqblux mal-interpretazzjoni tiegħu tal-Iżlam, bħala parti mit-tentattivi tiegħu li jestermina kull minoranza reliġjuża mill-inħawi li jaħkem;

2.  Iħeġġeġ lil kull wieħed mill-Partijiet Kontraenti fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt tal-Ġenoċidju, iffirmata f’Pariġi fid-9 ta’ Diċembru 1948, u fi ftehimiet internazzjonali oħra rilevanti, biex jipprevjenu d-delitti tal-gwerra, id-delitti kontra l-umanità u l-ġenoċidju fit-territorju tagħhom; jenfasizza li jeħtieġ li ma jkun hemm l-ebda impunità għal min iwettaq dawn l-atti u li dawk responsabbli għandhom jiġu riferiti lill-QKI; iħeġġeġ lis-Sirja u lill-Iraq jaċċettaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

3.  Jirrifjuta mingħajr riżervi, u jqis bħala illeġitima, it-tħabbira tal-mexxej tal-hekk imsejjaħ "ISIS/Da’esh" li dan kien waqqaf "kalifat" fiż-żoni li llum jinsabu taħt il-kontroll tiegħu; jenfasizza li l-ħolqien u l-espansjoni tal-"kalifat Iżlamiku", kif ukoll l-attivitajiet ta’ gruppi estremisti vjolenti oħra fil-Lvant Nofsani, huma theddida diretta għas-sigurtà tar-reġjun u tal-pajjiżi Ewropej, u ksur ċar tad-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali;

4.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jaħdmu b’mod attiv għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u jtejbu s-sistemi legali u ġurisdizzjonali tagħhom sabiex jevitaw li ċ-ċittadini tagħhom jivvjaġġaw biex jingħaqdu mal-hekk imsejjaħ “ISIS/Da’esh” u biex jiżguraw li, jekk jagħmlu dan, jittieħdu proċeduri kriminali kontrihom mill-aktar fis possibbli, inkluż għall-inċitament fuq l-internet u għall-appoġġ biex jitwettqu dawn id-delitti; jenfasizza l-importanza tal-prevenzjoni, il-prosekuzzjoni, l-estensjoni, ir-riabilitazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid;

5.  Jirrikonoxxi, jappoġġja u jitlob li kulħadd jirrispetta d-dritt inaljenabbli tal-minoranzi etniċi, reliġjużi u oħrajn kollha, li jgħixu fl-Iraq u fis-Sirja, li jibqgħu jgħixu fl-artijiet storiċi u tradizzjonali tagħhom fid-dinjità, fl-ugwaljanza u fis-sikurezza, u li jipprattikaw bis-sħiħ ir-reliġjon tagħhom b’mod liberu mingħajr ma jkunu suġġetti għal xi tip ta’ ġegħil, vjolenza jew diskriminazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa ta’ dikjarazzjoni ċara u inekwivoka mill-mexxejja politiċi u reliġjużi reġjonali kollha b’appoġġ għall-minoranzi etniċi u reliġjużi tar-reġjun u għall-preżenza kontinwa u għad-drittijiet sħaħ u ugwali tagħhom bħala ċittadini tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom;

6.  Jitlob lill-komunità internazzjonali, inkluża l-UE u l-Istati Membri tagħha, jiżguraw il-kundizzjonijiet u l-prospetti ta’ sigurtà meħtieġa għall-minoranzi etniċi u reliġjużi li sfaw imġiegħla jitilqu minn art twelidhom jew ġew spostati b’mod furzat, biex jagħmlu effettiv mill-aktar fis possibbli d-dritt tagħhom li jirritornaw lejn l-artijiet ta’ twelidhom, li jżommu d-djar, l-artijiet, il-proprjetà u l-affarijiet tagħhom, kif ukoll il-knejjes u s-siti reliġjużi u kulturali tagħhom, u li jkunu jistgħu jgħixu ħajja dinjituża u jkolhom futur;

7.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-atturi kollha u l-komunità internazzjonali jipprovdu protezzjoni militari u għajnuna, inkluża assistenza militari xierqa, lil gruppi partikolarment vulnerabbli li qegħdin fil-mira tad-Da’esh/ISIS fil-Lvant Nofsani, bħall-minoranzi etniċi u reliġjużi, u billi tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soluzzjonijiet dejjiema politiċi futuri bil-għan li jiġu ppreservati kemm il-ħajja tagħhom, kif ukoll it-tradizzjonijiet ta’ koeżistenza interkulturali, interetnika u interreliġjuża; jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt biex jirrispettaw id-drittijiet universali tal-bniedem u jiffaċilitaw l-għoti ta’ għajnuna u assistenza umanitarja permezz tal-kanali kollha possibbli; ifakkar li għandu jkun l-impenn u r-responsabilità finali tal-atturi reġjonali kollha, kif ukoll tal-UE, li jagħmlu ħilithom kollha biex jiggarantixxu r-ritorn tal-minoranzi tradizzjonali u taċ-ċittadini kollha lejn il-postijiet fejn kienu jgħixu qabel u minn fejn kienu mġiegħla jaħarbu;

8.  Jistieden lill-partijiet Sirjani kollha, esklużi l-gruppi terroristiċi bħal Al-Qaeda, Da’esh, Jabhat al-Nusra u gruppi relatati, jiltaqgħu taħt l-awspiċi tan-NU u, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali kollha, biex jinnegozjaw tranżizzjoni politika; jafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ u attiv tiegħu għall-ħidma tal-Mibgħut Speċjali tan-NU Staffan de Mistura għat-tnedija ta’ negozjati f’Ġinevra bejn il-partijiet Sirjani kollha fil-jiem li ġejjin u l-proposti tiegħu għal waqfien mill-ġlied lokali; jistieden lill-UE u lill-komunità internazzjonali jagħmlu pressjoni fuq id-donaturi kollha biex jirrispettaw il-wegħdiet tagħhom u biex jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ biex jagħtu appoġġ finanzjarju għall-pajjiżi ospitanti, speċjalment qabel il-konferenza tad-donaturi għas-Sirja f’Londra fid- 4 ta’ Frar 2016;

9.  Jitlob li l-unitajiet ta’ Għajnuna Umanitarja u ta’ Kooperazzjoni tal-UE jikkooperaw bis-sħiħ fil-ħidma tagħhom direttament mal-mexxejja rikonoxxuti tal-minoranzi etniċi u reliġjużi li jinsabu fil-mira, u jinkluduhom fil-pjanijiet tagħhom tal-għajnuna, u fl-implimentazzjoni prattika u t-tqassim tagħha, bil-għan li jissodisfaw aħjar ħtiġijiethom u dawk tal-popolazzjoni ġenerali;

10..  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tas-Sirja, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lill-istituzzjonijiet tal-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika (OIC), lill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għall-Istati Għarab tal-Golf (il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf, GCC), lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.