Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0158/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0158/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen

27.1.2016 - (2016/2515(RSP))

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Mariya Gabriel, Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Andrej Plenković, David McAllister, Michael Gahler, Lorenzo Cesa, Tunne Kelam, Adam Szejnfeld, Davor Ivo Stier, Therese Comodini Cachia, Roberta Metsola, Kinga Gál, Barbara Matera, f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0151/2016

Proċedura : 2016/2515(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0158/2016

B8-0158/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen

(2016/2515(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Jemen tas-16 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-VP/RGħ dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen;

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 2201 (2015) u 2216 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-24 ta' Mejju 2015 tal-Ko-Presidenti tal-24 Laqgħa Konġunta Ministerjali u tal-Kunsill bejn il-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u l-Unjoni Ewropea (GCC-UE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kunflitt attwali fil-Jemen joriġina fil-falliment ta’ gvernijiet suċċessivi biex jissodisfaw l-aspirazzjonijiet demokratċii, ekonomiċi u soċjali tal-poplu Jemenit, u minħabba f'hekk żiedu l-iskuntentizza u d-diviżjoni li wasslu għall-vjolenza attwali;

B.  billi s-sitwazzjoni fil-Jemen ġġorr magħha riskji serji għall-istabbiltà tar-reġjun, b'mod partikolari dik tal-Qarn tal-Afrika, tal-Baħar l-Aħmar u fir-reġjun usa' tal-Lvant Nofsani;

C.  billi fis-26 ta' Marzu 2015 koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija inklużi l-Bahrain, l-Eġittu, il-Ġordan, il-Kuwajt, il-Marokk, il-Qatar, is-Sudan u l-Emirati Għarab Magħquda tat bidu għal operazzjoni militari fil-Jemen kontra r-ribelli Houthi, fuq talba tal-President tal-Jemen Abd-Rabbu Mansour Hadi;

D.  billi bil-falliment tiegħu li jieħu t-triq ta' politika inklużiva, il-Jemen ilu maqbud f'tensjonijiet tribali u fi gwerra kiefra bi prokura bejn ir-ribelli Houthi, li huma appoġġati mill-Iran, u l-Arabja Sawdija, li qed tmexxi kampanja militari kontra r-ribelli, li wassal lir-reġjun usa’ direttament f'kunflitt kumpless; billi l-Arabja Sawdija tipperċepixxi r-ribelli Houthi fil-Jemen bħala forza Iranjana bi prokura, filwaqt li l-Iran ikkundannat l-offensiva, immexxija mill-Arabja Sawdija, u appellat għall-waqfien immedjat ta’ attakki mill-ajru mmexxija mill-Arabja Sawdija;

E.  billi Jemen stabbli u sigur, b' gvern li jiffunzjona sew, hu kruċjali għall-isforzi internazzjonali kontra l-estremiżmu u l-vjolenza fir-reġjun u lil hinn minnu, kif ukoll għall-paċi u l-istabilità fil-Jemen innifsu;

F.  billi l-impatt umanitarju fuq il-popolazzjoni ċivili, u b'mod partikolari fuq it-tfal, tal-ġlied kontinwu bejn il-milizzji differenti, il-bumbardamenti u l-interruzzjoni tas-servizzi essenzjali qed jilħaq livelli allarmanti u jaggrava sitwazzjoni umanitarja diġà terribbli;

G.  billi 21.2 miljun ruħ fil-Jemen huma fil-bżonn ta' għajnuna umanitarja; billi l-aktar tfal vulnerabbli mhux se jkollhom aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa jew għal dawk nutrizzjonali li jeħtieġu minħabba l-firxa preżenti ta' nuqqas ta' sigurtà;

H.  billi l-implimentazzjoni ta’ passi immedjati li jwasslu għal waqfien mill-ġlied dejjiemi hija waħda mill-preokkupazzjonijiet ewlenin;

I.  billi hemm ukoll preokkupazzjonijiet li l-kunflitt wassal għal bosta ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen, inklużi attakki kontra ġurnalisti u istituzzjonijiet tal-midja, għajbien furzat, ksur tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura, fastidju u detenzjoni ta’ minoranzi reliġjużi, kif ukoll l-użu allegat ta’ tfal f’kunflitti armati;

1.  Jesprimi tħassib serju dwar il-vjolenza kontinwa fil-Jemen u l-kriżijiet umanitarji li jirriżultaw u li jaffettwaw miljuni ta’ rġiel, nisa u tfal innoċenti; jiddispjaċih ħafna għat-telf ta’ ħajja kkawżat mill-kunflitt u s-sofferenza ta’ dawk maqbuda fil-ġlied, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi;

2.  Iħeġġeġ il-partijiet Jemeniti kollha, b’mod partikolari l-Houthis, sabiex jaħdmu biex isolvu d-differenzi ta’ bejniethom permezz ta' djalogu, u jqis li hija biss soluzzjoni politika li tista’ twassal għal paċi dejjiema;

3.  Jistieden lin-naħat kollha biex jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali u mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u biex jaħdmu b’mod urġenti man-NU u l-organizzazzjonijiet ta' għajnuna umanitarji biex iwasslu l-assistenza lil dawk fil-bżonn; jappella għall-investigazzjoni indipendenti tal-ksur kollu allegat tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali;

4.  Jappella għal pawża umanitarja sabiex tiġi permessa għajnuna vitali li tilħaq b'mod urġenti lill-poplu Jemenit; iħeġġeġ lill-partiti kollha biex jiffaċilitaw it-twassil urġenti tal-għajnuna umanitarja lejn il-partijiet kollha tal-Jemen, kif ukoll l-aċċess rapidu, sikur u bla xkiel għall-atturi umanitarji sabiex jilħqu lin-nies fil-bżonn tal-għajnuna umanitarja, inkluża l-għajnuna medika;

5.  Jilqa’ u jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-isforzi ta’ medjazzjoni min-naħa tan-NU biex tiffaċilita t-taħditiet bejn il-partijiet; jistenna li l-Unjoni Ewropea tkompli tiżvolġi rwol kostruttiv fl-organizzazzjoni ta' laqgħat oħra;

6.  Jemmen li l-Arabja Sawdija u l-Iran huma strumentali biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi, u jħeġġeġ liż-żewġ naħat biex jaħdmu b’mod pragmatiku u b'rieda tajba sabiex jintemm il-ġlied fil-Jemen;

7.  Jikkundanna kull forma ta' vjolenza u kull tentattiv jew theddida li tintuża l-vjolenza biex jiġu intimidati dawk li qed jipparteċipaw fil-konsultazzjonijiet li għalihom in-NU hija intermedjarja; jenfasizza li d-djalogu politiku inklużiv nnegozjat min-NU għandu jkun proċess immexxi mill-Jemeniti, bl-intenzjoni li tiġi nnegozjata soluzzjoni politika bbażata fuq il-kunsens għall-kriżi tal-Jemen skont l-inizjattiva tal-GCC u l-Mekkaniżmu ta' Implimentazzjoni tagħha, l-eżitu tal-Konferenza dwar Djalogu Nazzjonali globali, il-Ftehim ta' Paċi u Sħubija Nazzjonali u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

8.  Jistieden lill-partiti Jemeniti jattendu d-diskussjonijiet futuri u jimpenjaw ruħhom fihom mingħajr prekondizzjonijiet u b'rieda tajba, inkluż billi jsolvu d-differenzi tagħhom permezz ta' djalogu u konsultazzjonijiet, jiċħdu atti ta' vjolenza sabiex jintlaħqu l-għanijiet politiċi, u jżommu lura mill-provokazzjoni u minn kull azzjoni unilaterali li tista' xxekkel it-tranżizzjoni politika; jemmen li huwa kunsens politiku wiesa' biss permezz ta' negozjati inklużivi li jista' jipprovdi soluzzjoni sostenibbli, jerġa' jġib lura l-paċi, u jżomm l-unità, is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Jemen;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, u lill-Gvern tal-Jemen.