MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta' minoranzi reliġjużi mill-ISIS
27.1.2016 - (2016/2529(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Josef Weidenholzer, Victor Boştinaru, Knut Fleckenstein, Richard Howitt, Nikos Androulakis, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, Goffredo Maria Bettini, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Nicola Caputo, Silvia Costa, Andi Cristea, Miriam Dalli, Viorica Dăncilă, Isabella De Monte, Tanja Fajon, Eugen Freund, Doru-Claudian Frunzulică, Eider Gardiazabal Rubial, Enrico Gasbarra, Neena Gill, Ana Gomes, Theresa Griffin, Enrique Guerrero Salom, Sergio Gutiérrez Prieto, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Afzal Khan, Kashetu Kyenge, Javi López, Juan Fernando López Aguilar, Andrejs Mamikins, Costas Mavrides, Marlene Mizzi, Luigi Morgano, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Momchil Nekov, Péter Niedermüller, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Vincent Peillon, Tonino Picula, Kati Piri, Miroslav Poche, Soraya Post, Gabriele Preuß, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Tibor Szanyi, Marc Tarabella, Elena Valenciano, Julie Ward, Carlos Zorrinho f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0149/2016
B8-0159/2016
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta' minoranzi reliġjużi mill-ISIS
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq, is-Sirja, il-Libja u l-Eġittu, b'mod partikolari dik tat-12 ta' Marzu 2015 dwar l-attakki u ħtif reċenti minn ISIS/Da'esh fil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari tal-Assirjani[1], u dik tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u s-Sirja u l-attakki tal-IS, inkluża l-persekuzzjoni tal-minoranzi[2],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Marzu 2015 dwar l-istrateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tal-ISIL/id-Da'esh, tal-20 ta' Ottubru 2014 dwar il-kriżi tal-ISIL/id-Da'esh fis-Sirja u fl-Iraq, tat-30 ta' Awwissu 2014 dwar l-Iraq u s-Sirja, tal-14 ta' April 2014 u tat-12 ta' Ottubru 2015 dwar is-Sirja, u tal-15 ta' Awwissu 2014 dwar l-Iraq,
– wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin u l-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, kif ukoll id-dikjarazzjoni tan-NU tal-1981 dwar l-eliminazzjoni ta' kull forma ta' intolleranza u diskriminazzjoni bbażati fuq ir-reliġjon u t-twemmin,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/335/JHA tat-8 ta' Mejju 2003 dwar l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra[3], u d-dikjarazzjoni tal-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Prevenzjoni tal-Ġenoċidju,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-27 ta' Marzu 2015 ta' Stavros Lambrinidis, ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, f'isem l-Unjoni Ewropea, waqt id-dibattitu miftuħ tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-vittmi ta' attakki u abbużi fuq bażi reliġjuża jew etnika fil-Lvant Nofsani,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 2249, 2253 u 2254 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tad-9 ta' Diċembru 1948 dwar il-prevenzjoni u l-kastig tad-delitt ta' ġenoċidju,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, kif rikonoxxut mir-riżoluzzjoni 2249 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-20 ta' Novembru 2015, l-ideoloġija estremista vjolenti mħaddna mill-hekk imsejjaħ "ISIS/Da'esh", l-atti terroristiċi tiegħu, l-attakki kontinwi, atroċi, sistematiċi u mifruxa tiegħu fil-konfront tal-popolazzjonijiet ċivili, l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, inkluż dak ibbażat fuq ir-reliġjon jew l-etniċità, il-qerda tal-wirt kulturali kif ukoll it-traffikar tal-beni kulturali jikkostitwixxu theddida globali u bla preċedent għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali;
B. billi r-riżoluzzjoni 2249 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tawtorizza lil dawk l-Istati Membri tagħha li għandhom il-kapaċità li jagħmlu dan biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, f'konformità mad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, ir-rifuġjati u l-affarijiet umanitarji, biex jintensifikaw u jikkoordinaw l-isforzi tagħhom għall-prevenzjoni u t-trażżin ta' atti terroristiċi fit-territorju taħt il-kontroll tal-ISIS/id-Da'esh fis-Sirja u fl-Iraq;
C. billi r-riżoluzzjoni 2253 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ttenni l-obbligu tal-Istati Membri tagħha li jiżguraw li ċ-ċittadini tagħhom u persuni fit-territorju tagħhom ma jqegħdux riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni tal-ISIS/id-Da'esh, l-Al-Qaeda, u individwi, gruppi, impriżi, u entitajiet assoċjati magħhom u tfakkar li dan l-obbligu japplika għall-kummerċ dirett u indirett fiż-żejt u fi prodotti taż-żejt raffinat, u tfakkar ukoll fl-importanza li l-Istati Membri kollha jirrispettaw l-obbligu tagħhom li jiżguraw li ċ-ċittadini tagħhom u persuni fi ħdan it-territorju tagħhom ma jagħmlux donazzjonijiet lil individwi u entitajiet indikati bħala terroristiċi jew dawk li jaġixxu f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom;
D. billi r-riżoluzzjoni 2254 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tesprimi l-appoġġ tagħha għal proċess politiku mmexxi mis-Sirja li jkun iffaċilitat min-NU u li, fi żmien sitt xhur, jistabbilixxi governanza kredibbli, inklużiva u nonsettarja filwaqt li jistabbilixxi kalendarju u proċess għat-tfassil ta' kostituzzjoni ġdida; billi r-riżoluzzjoni tesprimi l-appoġġ tagħha għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti, f'konformità mal-kostituzzjoni l-ġdida, li għandhom isiru fi żmien 18-il xahar u jkunu amministrati taħt is-superviżjoni tan-NU, b'rispett sħiħ tal-governanza u tal-ogħla standards internazzjonali ta' trasparenza u responsabbiltà u li fihom ikunu eleġibbli li jipparteċipaw is-Sirjani kollha, inklużi l-membri tad-dijaspora, kif stabbilit fl-istqarrija maħruġa mill-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja fl-14 ta' Novembru 2015;
E. billi n-NU u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra rrapurtaw ksur serju u mifrux tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettaq mill-ISIS/id-Da'esh u minn gruppi assoċjati fil-Lvant Nofsani, speċjalment fis-Sirja u fl-Iraq, fil-konfront ta' minoranzi etniċi u reliġjużi, inklużi assassinji mmirati, konverżjonijiet furzati, ħtif, bejgħ ta' nisa, tjassir ta' nisa u tfal, reklutaġġ ta' tfal għal attakki suwiċida bil-bombi, abbużi sesswali u fiżiċi u tortura; billi hemm preokkupazzjonijiet li qed jiżdiedu dwar il-benessri ta' dawk li għadhom maqbuda f'żoni kkontrollati mill-forzi tal-ISIS/id-Da'esh, peress li dawn l-inħawi ma jintlaħqu minn kważi l-ebda assistenza umanitarja internazzjonali;
F. billi l-minoranzi reliġjużi u etniċi bħall-Insara, il-Yazidi, ix-Xabaki, il-Kaka'e, il-komunitajiet Sabej u Xiiti, kif ukoll ħafna Għarab u Musulmani Sunniti, kienu fil-mira tal-ISIS/id-Da'esh; billi qed titwettaq qerda sistematika ta' moskej, monumenti, santwarji, knejjes u postijiet oħra ta' qima, oqbra u ċimiterji;
G. billi l-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti ddokumentat u rrappurtat ir-riskju ta' persekuzzjoni li għadhom qed jiffaċċjaw persuni minn minoranzi etniċi u reliġjużi li jopponu l-ISIS/id-Da'esh u gruppi terroristiċi, milizzji u gruppi armati oħra mhux tal-istat f'żoni taħt il-kontroll de facto tagħhom;
H. billi diversi rapporti ta' korpi tan-NU, inkluż il-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Prevenzjoni tal-Ġenoċidju, il-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar ir-Responsabbiltà ta' Protezzjoni u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, isostnu li l-atti mwettqa mill-ISIS/id-Da'esh jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u, possibbilment, ġenoċidju;
I. billi l-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra huma ta' tħassib għall-Istati Membri kollha tal-UE, li huma determinati li jikkooperaw bil-ħsieb li dawn id-delitti jiġu evitati u li tintemm l-impunità ta' min iwettaqhom, f'konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/444/CFSP tas-16 ta' Ġunju 2003;
J. billi, skont id-dritt internazzjonali, kull individwu għandu d-dritt li jgħix skont il-kuxjenza tiegħu jew tagħha u li jħaddan jew ibiddel liberament it-twemmin reliġjuż u mhux reliġjuż tiegħu; billi l-mexxejja politiċi u reliġjużi għandhom id-dmir, fil-livelli kollha, jiġġieldu kontra l-estremiżmu u jippromwovu r-rispett reċiproku fost l-individwi u l-gruppi reliġjużi;
K. billi l-ISIS/id-Da'esh huwa ħati ta' serje ta' assassinji brutali ta' membri tal-komunità LGBTI; billi, skont OutRight Action International, fis-Sirja u fl-Iraq inqatlu 36 raġel fuq akkużi ta' sodomija; billi l-biża' ta' mewt atroċi fost il-membri tal-komunità LGBTI taħt il-kontroll tal-ISIS/id-Da'esh hija aggravata ulterjorment mill-iżolament tagħhom f'soċjetà li fil-biċċa l-kbira tevitahom;
1. Ifakkar il-kundanna qawwija tiegħu fil-konfront tal-ISIS/id-Da'esh u l-abbużi xokkanti tad-drittijiet tal-bniedem li jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra, fis-sens tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), u jenfasizza li għandhom jittieħdu passi biex dawn jiġu rikonoxxuti bħala ġenoċidju; jinsab imħasseb għall-aħħar dwar il-fatt li dan il-grupp terroristiku għandu fil-mira intenzjonata tiegħu lill-Insara, il-Yazidi, it-Turkmeni, ix-Xiiti, ix-Xabaki, is-Sabej, il-Kaka'e u s-Sunniti li ma jaqblux mal-interpretazzjoni tiegħu tal-Iżlam, bħala parti mit-tentattivi tiegħu li jelimina kull minoranza reliġjuża mill-inħawi taħt il-kontroll tiegħu;
2. Iħeġġeġ lil kull wieħed mill-partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-prevenzjoni u l-kastig tad-delitt ta' ġenoċidju, iffirmata f'Pariġi fid-9 ta' Diċembru 1948, u ta' ftehimiet internazzjonali oħra rilevanti, biex jimpedixxu d-delitti tal-gwerra, id-delitti kontra l-umanità u l-ġenoċidju fit-territorju tagħhom; jenfasizza li jeħtieġ ma jkun hemm l-ebda impunità għal min iwettaq dawn l-atti u li dawk responsabbli għandhom jitressqu quddiem il-QKI; iħeġġeġ lis-Sirja u lill-Iraq jaċċettaw il-ġurisdizzjoni tal-QKI;
3. Ifakkar li r-riżoluzzjoni 2253 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU imponiet obbligu ġuridiku fuq l-Istati Membri tan-NU biex jipprojbixxu kwalunkwe tip ta' assistenza lill-ISIS/id-Da'esh u lil organizzazzjonijiet terroristiċi oħra, b'referenza partikolari għall-forniment ta' armi u assistenza finanzjarja, inkluż il-kummerċ illegali fiż-żejt, u jħeġġiġhom jagħmlu din it-tip ta' assistenza reat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom; ifakkar li l-inosservanza ta' din id-dispożizzjoni min-naħa ta' xi Stat Membru tikkostitwixxi ksur tad-dritt internazzjonali u tagħti lill-Istati Membri l-oħra l-obbligu ġuridiku li jimplimentaw ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU billi tittieħed azzjoni biex l-individwi u l-entitajiet responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja;
4. Jistieden lit-Turkija u lill-Istati tal-Golf iżidu l-isforzi tagħhom biex jimpedixxu u joħonqu kwalunkwe tip ta' appoġġ, attiv jew passiv, lill-ISIS/id-Da'esh u lil organizzazzjonijiet terroristiċi oħrajn f'dawn il-pajjiżi;
5. Iħeġġeġ lill-Istati tal-Golf, b'mod partikolari l-Arabja Sawdija, jikkonfrontaw b'determinazzjoni l-ideoloġija estremista li tgħawweġ il-valuri Iżlamiċi tradizzjonali u li, fl-interpretazzjoni estrema tagħha, isservi bħala ġustifikazzjoni tal-azzjonijiet tal-ISIS/id-Da'esh u l-Al-Qaeda;
6. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tal-UE jaġġornaw l-ordinamenti ġuridiċi tagħhom sabiex jimpedixxu li ċ-ċittadini tagħhom iħallu l-pajjiż biex jingħaqdu mal-ISIS/id-Da'esh u ma' organizzazzjonijiet terroristiċi oħra, kif ukoll jiżguraw li, jekk jagħmlu dan, jew jekk jipparteċipaw f'inċitament u appoġġ permezz tal-internet biex jitwettqu dawn ir-reati, jinfetħu proċeduri kriminali kontrihom malajr kemm jista' jkun; jenfasizza l-importanza tal-prevenzjoni, il-prosekuzzjoni, l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni u r-riintegrazzjoni;
7. Jirrikonoxxi, jappoġġja u jesiġi li kulħadd jirrispetta d-dritt inaljenabbli tal-minoranzi etniċi, reliġjużi u ta' tip ieħor kollha, li jgħixu fl-Iraq u fis-Sirja, li jibqgħu jgħixu fl-artijiet storiċi u tradizzjonali tagħhom fid-dinjità, fl-ugwaljanza u fis-sikurezza, u li jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom liberament mingħajr ebda tip ta' koerċizzjoni, vjolenza jew diskriminazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa ta' dikjarazzjoni ċara u mingħajr ekwivoċi min-naħa tal-mexxejja politiċi u reliġjużi reġjonali kollha b'appoġġ għall-minoranzi etniċi u reliġjużi tar-reġjun, għall-preżenza tagħhom u għad-drittijiet sħaħ u ugwali tagħhom bħala ċittadini tal-pajjiż ta' oriġini tagħhom;
8. Jitlob lill-komunità internazzjonali, inkluża l-UE u l-Istati Membri tagħha, tiżgura l-kundizzjonijiet u l-prospetti ta' sigurtà meħtieġa għall-minoranzi etniċi u reliġjużi li sfaw imġiegħla jitilqu minn art twelidhom jew ġew spostati b'mod furzat, biex ikunu jistgħu jeżerċitaw malajr kemm jista' jkun id-dritt tagħhom li jirritornaw lejn art twelidhom, li jżommu d-djar, l-artijiet, il-proprjetà u l-affarijiet tagħhom, kif ukoll il-knejjes u s-siti reliġjużi u kulturali tagħhom, u li jkunu jistgħu jgħixu ħajja dinjituża u jkollhom futur;
9. Jenfasizza l-importanza li l-komunità internazzjonali tipprovdi protezzjoni u għajnuna, inkluż militarment, lil gruppi partikolarment vulnerabbli fil-mira tal-ISIS/id-Da'esh u ta' gruppi terroristiċi oħra fil-Lvant Nofsani, bħall-minoranzi etniċi u reliġjużi, u li dawn il-gruppi jipparteċipaw f'soluzzjonijiet politiċi futuri permanenti; jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt jirrispettaw id-drittijiet universali tal-bniedem u jiffaċilitaw l-għoti ta' għajnuna u assistenza umanitarja permezz tal-mekkaniżmi kollha possibbli;
10. Jafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ għall-isforzi diplomatiċi internazzjonali u l-ħidma tal-Mibgħut Speċjali tan-NU Staffan de Mistura biex, fil-jiem li ġejjin, jinbdew negozjati għall-paċi f'Ġinevra bejn il-partijiet Sirjani kollha, bil-parteċipazzjoni tal-atturi globali u reġjonali rilevanti kollha;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tas-Sirja, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lill-istituzzjonijiet tal-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika (OIC), lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni għall-Istati Għarab tal-Golf (il-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, GCC), lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.
- [1] Testi adottati, P8_TA(2015)0071.
- [2] Testi adottati, P8_TA(2014)0027.
- [3] ĠU L 118, 14.5.2008, p. 12.