MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta' minoranzi reliġjużi mill-ISIS
27.1.2016 - (2016/2529(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Lars Adaktusson, Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Andrej Plenković, Antonio Tajani, Michael Gahler, Mariya Gabriel, David McAllister, Michèle Alliot-Marie, Esther de Lange, Kinga Gál, Tunne Kelam, György Hölvényi, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Lorenzo Cesa, Roberta Metsola, Philippe Juvin, Adam Szejnfeld, Davor Ivo Stier, Therese Comodini Cachia, Barbara Matera f'isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0149/2016
B8-0161/2016
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta' minoranzi reliġjużi mill-ISIS
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq[1], tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u fis-Sirja u l-offensiva tal-IS, inkluża l-persekuzzjoni tal-minoranzi[2], b'mod partikolari l-paragrafu 4 tagħha, tas-27 ta' Novembru 2014 dwar l-Iraq: sekwestru u trattament ħażin tan-nisa[3], tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS[4], u speċifikament il-paragrafu 27 tagħha, tat-12 ta' Marzu 2015 dwar l-attakki u ħtif reċenti minn ISIS/Da'esh fil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari tal-Assirjani[5], b'mod partikolari l-paragrafu 2 tagħha, tat-12 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2013 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni[6], b'mod partikolari l-paragrafi 129 u 211 tagħha, tat-12 ta' Marzu 2015 dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2015[7], b'mod partikolari l-paragrafi 66 u 67 tagħha, tat-30 ta' April 2015 dwar il-persekuzzjoni tal-Insara madwar id-dinja, b'rabta mal-qtil ta' studenti fil-Kenja mill-grupp terroristiku Al-Shabaab[8], b'mod partikolari l-paragrafu 10 tagħha, u tat-30 ta' April 2015 dwar il-qerda ta' siti kulturali mwettqa mill-ISIS/Da'esh[9],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa f'kunflitti armati u r-rwol tagħhom fil-proċess ta' rikostruzzjoni u dak demokratiku f'pajjiżi li joħorġu minn sitwazzjoni ta' kunflitt[10],
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-18 ta' April 2013 dwar il-prinċipju tan-NU tar-responsabbiltà ta' protezzjoni (R2P)[11],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Marzu 2015 dwar l-Istrateġija Reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll it-theddida tal-ISIL/Da'esh, tal-20 ta' Ottubru 2014 dwar il-kriżi tal-ISIL/Da'esh fis-Sirja u fl-Iraq, tat-30 ta' Awwissu 2014 dwar l-Iraq u s-Sirja, tal-14 ta' April 2014 u tat-12 ta' Ottubru 2015 dwar is-Sirja, u tal-15 ta' Awwissu 2014 dwar l-Iraq,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/335/ĠAI tat-8 ta' Mejju 2003 dwar l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra[12],
– wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, il-Linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, il-Linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom, il-Linji gwida għall-Politika tal-UE fil-konfront ta' Pajjiżi Terzi dwar it-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, il-Linji gwida tal-UE dwar it-tfal u l-konflitti armati, il-Linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal u l-Linji gwida tal-UE fil-qasam tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-libertà ta' espressjoni online u offline,
– wara li kkunsidra l-Intervent tal-UE fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-25 ta' Marzu 2015 (Djalogu interattiv dwar ir-rapport dwar l-Iraq tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-Iraq u s-Sirja, kif ukoll it-tweġibiet tagħha għal mistoqsijiet parlamentari dwar: 'Genocide of Greek Orthodox Christians in Syria' ('Il-ġenoċidju tal-Insara Ortodossi Griegi fis-Sirja') (E-004733/2015), ippreżentata fl-1 ta' Ġunju 2015; 'Iraq – Christians martyred and robbed of their belongings' ('L-Iraq – L-Insara mmartirizzati u misruqa minn ħwejjiġhom') (E-004152-15), ippreżentata fit-30 ta' Ġunju 2015; 'Persecution and genocide of Christians' (Il-persekuzzjoni u l-ġenoċidju tal-Insara') (P-012721/2015), ippubblikata fit-30 ta' Ottubru 2015; 'Abduction of Christians in Syria' ('Is-sekwestru ta' Nsara fis-Sirja') (E-004156-15) u 'Safeguarding Christian communities in the Middle East' ('Nissalvagwardjaw il-komunitajiet Insara fil-Lvant Nofsani') (E-004001/15), imwieġba b'mod konġunt fl-10 ta' Novembru 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni f'isem l-Unjoni Ewropea ta' Stavros Lambrinidis, ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, fid-Dibattitu Miftuħ tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar 'The victims of attacks and abuses on ethnic or religious ground in the Middle East' ('Il-vittmi ta' attakki u abbużi għal raġunijiet etniċi jew reliġjużi fil-Lvant Nofsani'), tas-27 ta' Marzu 2015,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 60/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar l-Eżitu tas-Summit Dinji tan-NU (paragrafi 138 sa 140), u r-Rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tat-12 ta' Jannar 2009 bit-titolu 'Implementing the responsibility to protect' ('Implimentazzjoni tar-responsabbiltà ta' protezzjoni'),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon dwar l-Iraq, u dwar ir-Responsabbiltà ta' Protezzjoni,
– wara li kkunsidra r-rapport tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Iraq, Ján Kubiš, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-11 ta' Novembru 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, tal-25 ta' Awwissu 2014 dwar 'Iraqi civilians suffering "horrific" widespread and systematic persecution' ('Il-persekuzzjoni mifruxa u sistematika "orribbli" mġarrba mill-popolazzjoni ċivili Iraqina'),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti, Zainab Hawa Bangura, tal-15 ta' Lulju 2014 dwar 'Iraq: Combatants must not use sexual violence for military or political gain' (L-Iraq: Il-ġellieda m'għandhomx jużaw il-vjolenza sesswali biex jiksbu vantaġġi militari jew politiċi'), u tat-3 ta' Awwissu 2015 u dwar l-ewwel anniversarju tat-traġedja ta' Sinjar,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti, Zainab Hawa Bangura, u tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Iraq, Nickolay Mladenov, tat-13 ta' Awwissu 2014 bit-titolu 'Iraq: UN Officials Call for Immediate End to Sexual Violence Against Iraqi Minorities' ('L-Iraq: L-Uffiċjali tan-NU Jappellaw biex Tintemm Minnufih il-Vjolenza Sesswali Kontra l-Minoranzi Iraqini'),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni 2249 (2015) li tikkundanna l-attakki terroristiċi reċenti mill-ISIS,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni S-22/1 adottata mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar 'The human rights situation in Iraq in the light of abuses committed by the so-called Islamic State in Iraq and the Levant and associated groups' ('Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq fid-dawl tal-abbużi mwettqa mill-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku fl-Iraq u l-Levant u l-gruppi assoċjati'), tat-3 ta' Settembru 2014,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989, u l-Protokoll Fakultattiv tagħha dwar l-involviment tat-tfal f'kunflitti armati tal-2000,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Intolleranza u tad-Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tad-9 ta' Diċembru 1948,
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tas-26 ta' Frar 2007 dwar il-Kawża li tikkonċerna l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju (Bożnija-Ħerzegovina v Serbja u Montenegro), is-sentenza tat-2 ta' Awwissu 2001 mogħtija mill-Awla tal-Prim'Istanza tat-Tribunal Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni ta' Persuni Responsabbli ta' Vjolazzjonijiet Serji tal-Liġi Umanitarja Internazzjonali li Twettqu fit-Territorju ta' dik li qabel kienet il-Jugoslavja mill-1991 (Prosekutur v Radislav Krstic), u s-sentenza tad-19 ta' April 2004 mogħtija mill-Awla tal-Appell tiegħu fl-istess kawża,
– wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, b'mod partikolari l-Artikoli 5 sa 8 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Qafas ta' Analiżi tal-Uffiċċju tal-Konsulent Speċjali tan-NU dwar il-Prevenzjoni tal-Ġenoċidju (OSAPG),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-12 ta' Awwissu 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq tal-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Prevenzjoni tal-Ġenoċidju u l-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar ir-Responsabbiltà ta' Protezzjoni,
– wara li kkunsidra r-Rapporti dwar il-Protezzjoni taċ-Ċivili f'Kunflitt Armat fl-Iraq tal-Missjoni ta' Assistenza tan-NU għall-Iraq (UNAMI), li jkopru l-perjodu mill-11 ta' Settembru sal-10 ta' Diċembru 2014 u l-perjodu mill-11 ta' Diċembru 2014 sat-30 ta' April 2015 rispettivament,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq fid-dawl tal-abbużi mwettqa mill-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku fl-Iraq u l-Levant u l-gruppi assoċjati, tas-27 ta' Marzu 2015, b'mod partikolari l-paragrafu 16 tiegħu dwar 'Il-vjolazzjonijiet imwettqa mill-ISIL – Attakki kontra gruppi reliġjużi u etniċi',
– wara li kkunsidra r-Rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali waqt il-ġlieda kontra t-terroriżmu, tas-16 ta' Ġunju 2015, b'mod partikolari l-paragrafu 11 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem fit-28 sessjoni tiegħu, tat-8 ta' Lulju 2015, u l-opinjonijiet espressi mid-delegazzjoni Iraqina, b'mod partikolari l-paragrafu 746 tiegħu,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-13 ta' Ottubru 2015 dwar l-eskalazzjoni tal-inċitament għall-vjolenza fis-Sirja għal raġunijiet reliġjużi tal-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Prevenzjoni tal-Ġenoċidju u tal-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar ir-Responsabbiltà ta' Protezzjoni,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar 'Technical assistance provided to assist in the promotion and protection of human rights in Iraq ('Assistenza teknika pprovduta sabiex tikkontribwixxi għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq'), tas-27 ta' Lulju 2015, b'mod partikolari l-paragrafu 18 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tat-13 ta' Marzu 2015, imħejji fuq talba tal-Gvern tal-Iraq,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, ippreżentat fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem fit-13 ta' Awwissu 2015, b'mod partikolari l-paragrafi 165 sa 173 tiegħu,
– wara li kkunsidra d-diskors mogħti mill-Papa Franġisku f'Santa Cruz de la Sierra (il-Bolivja) fid-9 ta' Lulju 2015,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni ta' Pariġi tat-8 ta' Settembru 2015,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, kif rikonoxxut mis-Segretarju Ġenerali tan-NU fir-rimarki tiegħu lid-Djalogu Interattiv Informali tal-Assemblea Ġenerali dwar 'Impenn Vitali u Dejjiemi: Implimentazzjoni tar-Responsabbiltà ta' Protezzjoni', tat-8 ta' Settembru 2015, il-komunità internazzjonali naqset lil wisq popolazzjonijiet vulnerabbli mill-adozzjoni 'l hawn tar-Responsabbiltà ta' Protezzjoni (R2P);
B. billi l-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra, kull fejn u kull meta dawn iseħħu, ma jistgħux ma jiġux ikkastigati, u billi l-prosekuzzjoni effettiva tagħhom trid tiġi żgurata billi jittieħdu miżuri fil-livell nazzjonali u billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali;
C. billi l-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra huma ta' tħassib għall-Istati Membri kollha tal-UE, li huma determinati li jikkooperaw bil-ħsieb li jipprevjenu tali delitti u li jtemmu l-impunità ta' min iwettaqhom, skont il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/444/CFSP tas-16 ta' Ġunju 2003;
D. billi, skont il-każistika tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, "L-obbligu ta' Stat li jipprevjeni [il-ġenoċidju], u d-dmir korrispondenti li jaġixxi, jinħolqu fil-mument li l-Istat isir jaf, jew normalment għandu jkun sar jaf, bl-eżistenza ta' riskju serju li se jitwettaq ġenoċidju"[13];
E. billi, kif rikonoxxut mir-Riżoluzzjoni 2249 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, l-ideoloġija estremista vjolenti tal-hekk imsejjaħ 'ISIS/Da'esh', l-atti terroristiċi tiegħu, l-attakki gravi sistematiċi u mifruxa kontinwi tiegħu diretti kontra l-popolazzjonijiet ċivili, l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-vjolazzjonijiet tad-dritt umanitarju internazzjonali, fosthom dawk imwettqa għal raġunijiet reliġjużi jew etniċi, u l-eradikazzjoni tiegħu tal-wirt kulturali u t-traffikar tal-beni kulturali jikkostitwixxu theddida globali u mingħajr preċedent għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali;
F. billi l-Insara huma l-aktar grupp vulnerabbli fl-Iraq u s-Sirja, u jiġu attakkati b'mod permanenti u sistematiku mill-hekk imsejjaħ 'ISIS/Da'esh', li intenzjonalment jipprova jeqred lilhom u lill-kultura tagħhom fit-territorji taħt il-kontroll tiegħu; billi l-Insara ġew maqtula, imbiċċra, imsawta, soġġetti għal estorsjoni, issekwestrati u ttorturati; billi għamluhom skjavi (b'mod partikolari n-nisa u l-bniet, li ġew soġġetti wkoll għal forom oħra ta' vjolenza sesswali) u ġew ikkonvertiti bil-forza għall-Iżlam, u kienu vittmi ta' żwiġijiet sfurzati u traffikar tal-bnedmin; billi t-tfal ukoll ġew irreklutati bil-forza; billi knejjes u siti reliġjużi u kulturali Nsara ġew ivvandalizzati;
G. billi l-Insara huma l-grupp reliġjuż l-aktar persegwitat fid-dinja, u billi, id-data turi li n-numru ta' Nsara maqtula kull sena huwa aktar minn 150 000, kif rikonoxxut mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' April 2015 dwar il-persekuzzjoni tal-Insara madwar id-dinja; billi l-Viċi President tal-Parlament Antonio Tajani, li huwa responsabbli mid-djalogu tiegħu mal-knejjes u l-komunitajiet reliġjużi skont l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iddikjara waqt il-laqgħa ta' livell għoli ad hoc tal-1 ta' Diċembru 2015 dwar 'Il-persekuzzjoni tal-Insara fid-dinja: Sejħa għal azzjoni' li: "L-ebda komunità reliġjuża mhi soġġetta għall-mibegħda, il-vjolenza u l-aggressjoni sistematika daqs dik Nisranija'; billi l-President tal-Parlament, Martin Schulz, iddikjara, waqt l-istess laqgħa li l-persekuzzjoni tal-Insara hija "sottovalutata" u "ma ġietx indirizzata b'mod xieraq";
H. billi l-estremiżmu u l-persekuzzjoni kontinwa kontra l-Insara huma fattur sinifikanti fil-fenomenu li qed jikber tal-migrazzjoni tal-massa u tal-ispostament intern; billi, b'riżultat tal-persekuzzjoni tal-Insara fis-Sirja u fl-Iraq, l-għadd tagħhom naqas b'mod drammatiku: fl-Iraq minn 1 400 000 fl-2003 għal madwar 300 000, u fis-Sirja minn 1.25 miljuni fl-2011 għal 500 000 biss illum, skont data pprovduta mill-fondazzjoni pontifikali Aid to the Church in Need (ACN) fir-rapport tagħha 'Perescuted and Forgotten? A Report on Christians oppressed for their Faith 2013-2015' ('Persegwitati u Minsija? Rapport dwar l-Insara Maħqura minħabba l-Fidi tagħhom 2013-2015') u sorsi pubbliċi affidabbli oħra;
I. billi d-definizzjoni ġuridika internazzjonali ta' ġenoċidju, skont l-Artikolu II tal-Konvenzjoni tan-NU tal-1948 dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju, tinkludi "kwalunkwe wieħed mill-atti li ġejjin imwettaq bil-ħsieb li jeqred, kompletament jew parzjalment, grupp nazzjonali, etniku, razzjali jew reliġjuż, bħal: (a) il-qtil ta' membri tal-grupp; (b) l-ikkawżar ta' dannu fiżiku jew mentali gravi lil membri tal-grupp; (c) l-impożizzjoni intenzjonata fuq il-grupp ta' kundizzjonijiet tal-ħajja maħsuba li jġibu magħhom il-qerda fiżika kompleta jew parzjali tiegħu; (d) l-impożizzjoni ta' miżuri maħsuba biex jevitaw li jitwieldu trabi fil-grupp; u (e) it-trasferiment bil-forza ta' tfal tal-grupp għal grupp ieħor"; billi l-Artikolu III ta' dik il-Konvenzjoni jqis punibbli mhux biss il-ġenoċidju iżda anke l-kospirazzjoni biex jitwettaq ġenoċidju, l-inċitament dirett u pubbliku biex jitwettaq ġenoċidju, u l-kompliċità f'ġenoċidju;
J. billi s-sentenza tat-2 ta' Awwissu 2001 mogħtija mill-Awla tal-Prim'Istanza tat-Tribunal Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni ta' Persuni Responsabbli ta' Vjolazzjonijiet Serji tal-Liġi Umanitarja Internazzjonali li Twettqu fit-Territorju ta' dik li qabel kienet il-Jugoslavja mill-1991, fil-kawża Prosekutur v Radislav Krstic rigward il-ġenoċidju ta' Srebrenica, iddikjarat li "attakki simultanji fuq il-proprjetà u s-simboli kulturali u reliġjużi tal-grupp fil-mira kif ukoll [...] jistgħu leġittimament jitqiesu bħala evidenza tal-intenzjoni li l-grupp jinqered fiżikament" (paragrafu 580);
K. billi s-sentenza tad-19 ta' April 2004 tal-Awla tal-Appell tat-Tribunal Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni ta' Persuni Responsabbli ta' Vjolazzjonijiet Serji tal-Liġi Umanitarja Internazzjonali li Twettqu fit-Territorju ta' dik li qabel kienet il-Jugoslavja mill-1991, fil-kawża Prosekutur v Radislav Krstic rigward il-ġenoċidju ta' Srebrenica, iddikjarat li "d-daqs numeriku tal-parti fil-mira tal-grupp huwa l-punt ta' tluq meħtieġ u importanti, għalkemm mhuwiex dejjem il-punt finali tal-inkjesta. In-numru ta' individwi fil-mira għandu jiġu evalwat mhux biss f'termini assoluti, iżda anke f'relazzjoni mad-daqs globali tal-grupp kollu. Minbarra d-daqs numeriku tal-parti fil-mira, il-prominenza tagħha fi ħdan il-grupp tista' tkun kunsiderazzjoni utli. Jekk parti speċifika tal-grupp tkun emblematika tal-grupp ġenerali, jew tkun essenzjali għas-sopravivenza tiegħu, dan jista' jappoġġa sejba li l-parti tikkwalifika bħala sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 4";
L. billi l-popolazzjoni Musulmana totali ta' Srebrenica qabel il-ħtif tagħha fl-1995 kienet tammonta għal madwar 40 000 ruħ, li minnhom bejn 7 000 sa 8 000 raġel Musulman inqatlu, att li t-Tribunal Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni ta' Persuni Responsabbli ta' Vjolazzjonijiet Serji tal-Liġi Umanitarja Internazzjonali li Twettqu fit-Territorju ta' dik li qabel kienet il-Jugoslavja mill-1991 iddikjara bħala ġenoċidju;
M. billi l-biċċa l-kbira tat-tmien kategoriji ta' fatturi mhux kumulattivi inklużi fil-Qafas ta' Analiżi ta' Ġenoċidju mħejjija mill-Uffiċċju tal-Konsulent Speċjali tan-NU dwar il-Prevenzjoni tal-Ġenoċidju (OSAPG) diġà huma preżenti fil-każ tal-Insara ppersegwitati fis-Sirja u fl-Iraq (diskriminazzjoni u ksur tad-drittijiet tal-bniedem; ċirkustanzi li jaffettwaw il-kapaċità li jiġi evitat ġenoċidju; preżenza ta' armi illegali u elementi armati; motivazzjoni ta' attur ewlenin fl-istat/reġjun; atti li jservu biex iħeġġu diviżjonijiet bejn gruppi nazzjonali, razzjali, etniċi u reliġjużi; ċirkustanzi li jiffaċilitaw it-twettiq ta' ġenoċidju; atti ta' ġenoċidju; evidenza ta' intenzjoni li "jeqirdu kompletament jew parzjalment"; u fatturi ta' attivazzjoni);
N. billi l-ġenoċidju fil-fażi inizjali, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra kontra l-Insara li qed jitwettqu fl-Iraq bdew realment bil-qtil ta' Nsara fl-2003, u billi minn dak iż-żmien 'l hawn eskalaw fin-numru u l-miri żdiedu biex jinkludu lil kwalunkwe Nisrani, bl-unika raġuni tkun l-oriġini reliġjuża tiegħu; billi fil-biċċa l-kbira tal-każijiet dawk responsabbli għad-delitti ddikjaraw li riedu jkeċċu lill-Insara mill-Iraq;
O. billi fl-31 ta' Ottubru 2010, 58 ruħ, inklużi 51 ostaġġ u 2 qassisin, inqatlu wara attakk fuq il-knisja Kattolika Sirjana 'Madonna tas-Salvazzjoni' f'Baghdad; billi grupp affiljat ma' 'Al-Qaeda, Stat Iżlamiku għall-Iraq' iddikjara li l-Insara kienu "bersall leġittimu"; billi ġimgħat wara dak il-każ bdew sensiela ta' attakki bil-bombi u attakki fatali fuq żoni b'maġġoranza Nisranija ta' Baghdad;
P. billi 66 knisja ġew attakkati jew ibbumbardjati fil-kampanja ta' bumbardament sistematiku fuq knejjes Insara Iraqini f'dawn l-aħħar snin (41 f'Baghdad, 19 f'Mosul, 5 f'Kirkuk u 1 f'Ramadi); billi ġew ibbumbardjati wkoll żewġ kunventi, monasteru u orfanotrofju tal-knisja;
Q. billi, fil-lejl tas-6 ta' Awwissu 2014, aktar minn 150 000 Nisrani ħarbu quddiem l-avvanz tal-hekk imsejjaħ "ISIS/Daesh" fiż-żona ta' Mosul, Qaraqosh u villaġġi oħra fil-Pjanuri ta' Nineveh, wara li kienu nsterqulhom ħwejjiġhom kollha, u billi sal-lum għadhom spostati u f'qagħda prekarja fit-Tramuntana tal-Iraq;
R. billi, fil-15 ta' Lulju 2014, ir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti, Zainab Hawa Bangura, stqarret li fl-Iraq "hemm ukoll rapporti li minoranzi etniċi u reliġjużi ġew fil-mira ta' attakki fiżiċi, inkluż bil-vjolenza sesswali"; billi, fit-3 ta' Awwissu 2015, l-ewwel anniversarju tat-traġedja ta' Sinjar, stqarret li: "Fil-jiem ta' wara, fost atti ta' qtil orribbli, il-membri tal-ISIL taw il-kaċċa għal mijiet ta' nisa u bniet minn minoranzi etniċi u reliġjużi u qabduhom, hekk li stabbilew mudell ta' vjolenza sesswali, jasar, ħtif u traffikar tal-bnedmin li għadu għaddej sal-lum; […] dawn id-delitti faħxija ta' vjolenza sesswali fil-kunflitt, li jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u/jew atti ta' ġenoċidju, mhumiex se jintesew";
S. billi, fit-13 ta' Awwissu 2014, ir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti, Zainab Hawa Bangura, u r-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Iraq, Nickolay Mladenov, ħarġu dikjarazzjoni konġunta li fiha kkonfermaw li kien possibbli li madwar 1 500 mara Nisranija u Yazidi kienu sfaw maħtufa mill-ISIL u sussegwentement ġew imġiegħla jsiru lsiera sesswali; billi, f'dik id-dikjarazzjoni, iż-żewġ Rappreżentanti Speċjali rrikonoxxew "il-mira espliċita fuq in-nisa u t-tfal u l-atti barabari li 'l-Istat Iżlamiku tal-Iraq u tal-Levant' wettaq fuq il-minoranzi fiż-żoni li ħa taħt il-kontroll tiegħu";
T. billi l-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Prevenzjoni tal-Ġenoċidju, u l-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar ir-Responsabbiltà ta' Protezzjoni, dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq stqarru fit-12 ta' Awwissu 2014 li "r-rapporti li waslulna dwar atti mwettqa mill-'Istat Iżlamiku' jistgħu wkoll jindikaw ir-riskju ta' ġenoċidju";
U. billi r-rapport tal-Kummissjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tat-13 ta'Marzu 2015, li tħejja fuq talba tal-gvern tal-Iraq, stqarr li "l-gruppi etniċi u reliġjużi li ġew fil-mira tal-ISIL jinkludu l-Yazidi, l-Insara, it-Turkmeni, is-Sabea-Mandeani, il-Kaka'e, il-Kurdi u x-Xiiti" u li "huwa raġunevoli li nikkonkludu li wħud mill-inċidenti [li seħħew fl-Iraq fl-2014-2015. . .] jistgħu jikkostitwixxu ġenoċidju";
V. billi r-"Rapport dwar il-Protezzjoni taċ-Ċivili fil-Kunflitt Armat fl-Iraq: l-1 ta' Mejju – il-31 ta'Ottubru 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq" mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u mill-Missjoni ta' Assistenza tan-NU għall-Iraq – Uffiċċju tad-Drittijiet tal-Bniedem, ippubblikat fid-19 ta' Jannar 2016, jistqarr li: "Il-vjolenza li qed iġarrbu ċ-ċivili fl-Iraq għadha xokkanti. L-hekk imsejjaħ 'Stat Iżlamiku tal-Iraq u tal-Levant' (ISIL) għadu jwettaq vjolenza u abbużi sistematiċi u mifruxa tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali umanitarju. F'xi każijiet, dawn l-atti jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità, u possibbilment, ġenoċidju.";
W. billi l-membri tal-hekk imsejjaħ "ISIS/Daesh" qabdu 'l dawk li ma rnexxilhomx jaħarbu minn Mosul u mill-Pjanuri ta' Nineveh, u billi n-nisa u t-tfal mhux Musulmani sfaw ilsiera, li wħud minnhom inbiegħu filwaqt li oħrajn inqatlu brutalment f'atti li l-awturi tagħhom iffilmjawhom;
X. billi l-hekk imsejjaħ "ISIS/Daesh" u milizji estremisti fis-Sirja b'mod intenzjonali u sistematiku attakkaw knejjes Insara u binjiet oħra, bħall-Knisja ta' San Franġisk f'Aleppo, is-Sirja, fejn seħħ attakk bil-granati waqt quddiesa tal-Ħadd fil-25 ta' Ottubru 2015;
Y. billi, wara li l-qassisin li kienu residenti fih inħatfu f'Mejju 2015, il-monasteru ta' Sant Eljan f'Qaryatain, is-Sirja, li kien ilu mis-seklu 5, safa mġarraf u meqrud bil-bulldozers, u huwa biss wieħed mill-binjiet Insara ta' sinifikat kulturali kbir li sfaw meqruda mill-"ISIS/Daesh";
Z. billi, wara li ġab taħt idejh Qaryatain (is-Sirja), l-hekk imsejjaħ "ISIS/Daesh" ħataf 230 resident, il-parti l-kbira minnhom Insara;
AA. billi, fi Frar 2015, l-"ISIS/Daesh" ħataf aktar minn 220 Nisrani Assirjan, wara li kien ħa l-kontroll fuq bosta komunitajiet ta' bdiewa fuq ix-xatt tan-Nofsinhar tax-xmara Khabur fil-provinċja ta' Hassakeh fil-Grigal tal-pajjiż, u billi sal-lum ftit biss minn dawn in-nies inħelsu, filwaqt li għad mhux magħruf x'sar mill-oħrajn;
AB. billi dawk li attakkaw Garissa fit-2 ta'' April 2015 immiraw intenzjonalment fuq il-persuni mhux Musulmani, u għażlu lill-Insara biex joqtluhom brutalment; billi l-grupp Al-Shabaab ilu jiddikjara apertament u pubblikament li qed jagħmel gwerra kontra l-Insara fir-reġjun;
AC. billi r-Rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq fid-dawl tal-abbużi mwettqa mill-hekk imsejjaħ "Stat Iżlamiku fl-Iraq u fil-Levant" u minn gruppi assoċjati, tas-27 ta' Marzu 2015, jiddikjara (fil-paragrafu 16 dwar "Vjolazzjonijiet imwettqa mill-ISIL — Attakki kontra gruppi reliġjużi u etniċi") li wħud mill-"atti ta' vjolenza kontra persuni ċivili minħabba l-affiljazzjoni jew il-perċezzjoni ta' affiljazzjoni tagħhom ma' grupp etniku jew reliġjuż [...] fid-dawl tal-informazzjoni kumplessiva li nġabret [...] jistgħu jikkostitwixxu ġenoċidju.";
AD. billi, skont ir-Rapport dwar il-Protezzjoni taċ-Ċivili fil-Kunflitt Armat fl-Iraq (il-11 ta' Diċembru 2014 – it-30 ta' April 2015) mill-Missjoni ta' Assistenza tan-NU għall-Iraq, "l-ISIL għadu jwettaq vjolazzjonijiet u abbużi sistematiċi u mifruxa tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali umanitarju. F'xi każijiet, dawn l-atti jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità, u, possibbilment, ġenoċidju.";
AE. billi r-Rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-bniedem dwar "Assistenza teknika mogħtija biex tgħin fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq", tas-27 ta' Lulju 2015, jistqarr li "l-UNAMI/OHCHR baqa' jirċievi ħafna rapporti kredibbli dwar vjolazzjonijiet u abbużi flagranti tad-drittijiet tal-bniedem u dwar vjolazzjonijiet gravi tad-dritt internazzjonali umanitarju mwettqa mill-ISIL kontra ċ-ċivili, b'mod li jidher li huwa mifrux u sistematiku. F'xi każijiet, dawn l-atti jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità, u ġenoċidju." (paragrafu 18);
AF. billi r-rapport tas-16 ta' Ġunju 2015 mir-Rapporteur Speċjali dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu jistqarr li "hemm evidenza li l-ISIL wettaq vjolazzjonijiet gravi tad-dritt internazzjonali, inklużi ġenoċidju, delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u vjolazzjonijiet gravi tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem" (paragrafu 11);
AG. billi, fir-Rapport tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem fit-28 sessjoni tiegħu, tat-8 ta' Lulju 2015, id-delegazzjoni tal-Iraq sostniet li "Daesh wettaq delitti barbari li jistgħu jikkostitwixxu ġenoċidju, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra, fil-forma ta' massakri u eżekuzzjonijiet tal-massa ta' priġunieri u suldati priġunieri mhux armati, membri tal-kleru, tfal u nisa li rrifjutaw l-ideoloġija tiegħu";
AH. billi, skont il-prinċipji tar-Responsabbiltà ta' Protezzjoni (R2P), meta stat (jew attur mhux statali) jonqos biċ-ċar milli jipproteġi l-popolazzjoni tiegħu jew fil-fatt ikun huwa stess l-awtur ta' dawn id-delitti, il-komunità internazzjonali għandha r-responsabbiltà li tieħu azzjoni kollettiva biex tipproteġi l-popolazzjonijiet, bi qbil mal-Karta tan-NU;
AI. billi r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2015 dwar l-attakki u ħtif reċenti mill-ISIS/Daesh fil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari tal-Assirjani, stqarret li l-Parlament: "Jikkundanna bil-qawwa l-ISIS/Daesh u l-abbużi gravissmi tad-drittijiet tal-bniedem li jwettaq u li jammontaw għal delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra skont l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), u li jistgħu jissejħu ġenoċidju" (paragrafu 2);
1. Jikkundanna bl-akbar qawwa lill-hekk imsejjaħ "ISIS/Daesh" u l-abbużi faħxija tad-drittijiet tal-bniedem u l-vjolazzjonijiet gravi tad-dritt internazzjonali umanitarju li jwettaq bħala parti mill-għan tiegħu li b'mod intenzjonali jelimina lill-Insara u lil kwalunkwe minoranza reliġjuża u etnika oħra miż-żoni li jinsabu taħt il-kontroll tiegħu;
2. Jesprimi fehmtu li dawk li jikkonfoffaw, jippjanaw, jinċitaw, iwettqu jew jipprovaw iwettqu, ikunu kompliċi jew jappoġġjaw atroċitajiet u delitti internazzjonali kontra Nsara (Kaldej/Assirjani/Sirjaċi, Melkiti, Armeni) u gruppi etniċi u reliġjużi oħra, inklużi l-Yazidi, it-Turkmeni, ix-Shabak, is-Sabea-Mandeani, il-Kaka'e u l-Kurdi, u li b'mod intenzjonali jqegħduhom fil-mira speċifikament għal raġunijiet etniċi jew reliġjużi, ikunu qed iwettqu, u b'dan huwa ddikjarat li jkunu qed iwettqu, "delitti tal-gwerra", "delitti kontra l-umanità" u "ġenoċidju" u li huma responsabbli għal dawn id-delitti;
3. Iħeġġeġ lil kull wieħed mill-Partijiet Kontraenti fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt tal-Ġenoċidju, iffirmata f'Pariġi fid-9 ta' Diċembru 1948, u fi ftehimiet internazzjonali oħra rilevanti, biex jipprevjenu d-delitti tal-gwerra u tal-ġenoċidju fit-territorju tagħhom; iħeġġeġ lis-Sirja u lill-Iraq biex jaċċettaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;
4. Iħeġġeġ lil kull wieħed mill-Partijiet Kontraenti fil-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt tal-Ġenoċidju, tal-1948, u fi ftehimiet internazzjonali oħra dwar il-prevenzjoni ta' delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju, u b'mod partikolari lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi – u liċ-ċittadini tagħhom – li bi kwalunkwe mod qed jappoġġjaw dawn id-delitti, jikkooperaw fihom, jiffinanzjawhom jew huma kompliċi fihom, biex jaqdu bis-sħiħ l-obbligi legali tagħhom skont il-Konvenzjoni u skont dawn ftehimiet internazzjonali oħra;
5. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti ta' dawk il-pajjiżi li bi kwalunkwe mod, direttament jew indirettament, qed jappoġġjaw dawn id-delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju, jikkooperaw f'dawn id-delitti, jiffinanzjawhom jew huma kompliċi fihom, biex jaqdu bis-sħiħ l-obbligi legali tagħhom skont id-dritt internazzjonali u jtemmu dan l-aġir inaċċettabbli, li qed jagħmel ħsara enormi lis-soċjetajiet tal-Iraq u tas-Sirja, u b'mod partikolari lill-Insara u lil minoranzi reliġjużi oħra, u li jiddestabbilizza l-pajjiżi ġirien u l-paċi u s-sigurtà internazzjonali;
6. Iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha tal-komunità internazzjonali biex itejbu s-sistemi legali u ġurisdizzjonali tagħhom biex ma jħallux li ċittadini tagħhom jivvjaġġaw bil-għan li jissieħbu fl-"ISIS/Daesh"u jipparteċipaw f'delitti tal-gwerra, f'delitti kontra l-umanità u f'ġenoċidju kontra l-Insara u minoranzi reliġjużi oħra fl-Iraq u fis-Sirja, u jħeġġiġhom jiżguraw li, f'każ li dawn il-persuni jwettqu tali delitti, jitressqu quddiem il-qrati kriminali mill-aktar fis, inkluż għal inċitament onlajn għat-twettiq ta' dawn id-delitti, u għal appoġġ tagħhom;
7. Iħeġġeġ lil kull gvern u awtorità pubblika, inkluża l-UE (b'mod partikolari s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna) u l-Istati Membri tagħha, lil korpi u istituzzjonijiet internazzjonali, u lill-mexxejja u lir-rappreżentanti rispettivi tagħhom, biex l-atroċitajiet li qed iwettaq l-hekk imsejjaħ "ISIS/Daesh" kontra l-Insara u minoranzi reliġjużi indiġeni oħra, inklużi l-Yazidi, isejħulhom bit-terminoloġija li tixirqilhom: "delitti kontra l-umanità", "delitti tal-gwerra" u "ġenoċidju";
8. Jistieden lin-NU u lis-Segretarju Ġenerali, lir-Rappreżentanti Speċjali,lir-Rapporteurs Speċjali u lill-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem ta' dik l-organizzazzjoni biex l-atroċitajiet li qed jitwettqu f'dawn il-postijiet kontra l-Insara u minoranzi reliġjużi oħra fl-Iraq u s-Sirja jsejħulhom bit-terminoloġija li tixirqilhom: "delitti tal-gwerra", "delitti kontra l-umanità" u "ġenoċidju";
9. Jirrikonoxxi, jappoġġja u jitlob li kulħadd jirrispetta d-dritt inaljenabbli tal-minoranzi reliġjużi u etniċi kollha, indiġeni u oħrajn, li jgħixu fl-Iraq u fis-Sirja, li jibqgħu jgħixu fl-artijiet storiċi u tradizzjonali tagħhom fid-dinjità, fl-ugwaljanza u fis-sikurezza, u li jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom bis-sħiħ u b'mod liberu bla ebda tip ta' koerċizzjoni, vjolenza jew diskriminazzjoni; jemmen li, sabiex ikun hemm tmiem għat-tbatija u għall-eżodu tal-massa tal-Insara u ta' popolazzjonijiet indiġeni oħra tar-reġjun, jeħtieġ li l-mexxejja politiċi u reliġjużi fir-reġjun jagħmlu dikjarazzjoni ċara u inekwivoka ta' appoġġ għall-issuktar tal-preżenza tagħhom u għal drittijiethom sħaħ u ugwali bħala ċittadini tal-pajjiżi tagħhom;
10. Jitlob li l-komunità internazzjonali, inklużi l-UE u l-Istati Membri tagħha, jiżguraw il-kundizzjonijiet u l-prospetti ta' sigurtà meħtieġa għall-Insara u għall-membri ta' minoranzi reliġjużi oħra li sfaw imġiegħla jitilqu minn art twelidhom jew ġew spostati b'mod furzat, biex isir effettiv mill-aktar fis id-dritt tagħhom li jirritornaw lejn art twelidhom, li jżommu d-djar, l-artijiet, il-proprjetajiet u l-affarijiet tagħhom, kif ukoll il-knejjes u s-siti reliġjużi u kulturali tagħhom, u li jkunu jistgħu jgħixu ħajja dinjituża u jkollhom futur;
11. Jikkundanna u jiċħad kwalunkwe interpretazzjoni tal-messaġġ tal-Iżlam li twitti t-triq għal ideoloġija vjolenti, krudili, totalitarja, oppressiva u espansiva li tilleġittimizza l-qerda tal-minoranzi Nsara; iħeġġeġ lill-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika (OIC) u l-organi tagħha, lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni għall-Istati Għarab tal-Golf (il-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, GCC), u lill-mexxejja Musulmani, biex jikkundannaw bil-qawwa kollha l-atroċitajiet li qed jitwettqu mill-hekk imsejjaħ "ISIS/Daesh" kontra l-Insara u kontra minoranzi reliġjużi indiġeni oħra, u biex isejħulhom bit-terminoloġija li tixirqilhom: "delitti kontra l-umanità", "delitti tal-gwerra" u "ġenoċidju";
12. Jitlob li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, fejn mekkaniżmi oħra nazzjonali jew internazzjonali jkunu diġà fallew, jikkunsidra li juża l-Kapitolu VII tal-Istatut tan-NU biex jistabbilixxi postijiet tal-kenn fejn l-Insara u l-minoranzi reliġjużi oħra li jkunu sfaw spostati b'mod furzat ikunu jistgħu jiġu protetti minn forzi awtorizzati min-NU;
13. Jitlob li unitajiet ta' Għajnuna Umanitarja u ta' Kooperazzjoni tal-UE f'ħidmithom jikkooperaw bis-sħiħ u direttament mal-mexxejja rikonoxxuti tal-knejjes u tal-komunitajiet Insara u tal-minoranzi reliġjużi u etniċi oħra li jinsabu fil-mira, u li ma jeskluduhomx mill-pjanijiet tagħhom jew mill-implimentazzjoni prattika u t-tqassim tal-għajnuna, bil-għan li jissodisfaw ħtiġijiethom u dawk tal-popolazzjoni ġenerali b'mod aħjar; iqis li eżempju ta' prattika tajba jista' jiġi osservat f'Erbil (l-Iraq), fejn, taħt it-tmexxija tal-Arċisqof Kaldean Kattoliku Bashar Matti Warda, Persuni Spostati Internament (IDPs) iffurmaw komunità li toffri faċilitajiet tal-iskola (mil-livell tan-nuna sa' dak universitarju), u wara sena fetħet ħwienet u negozji żgħar li jaqdu lill-komunità ospitanti;
14. Jenfasizza li, skont id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet tan-NU u l-ftehimiet msemmija hawn fuq, jeħtieġ li ma jkun hemm l-ebda impunità għall-awturi ta' delitti, inklużi dawk li jkunu kkonfoffaw, ippjanaw, wettqu jew ippruvaw iwettqu kwalunkwe wieħed minn dawn l-atti, u li dawk responsabbli jitressqu quddiem it-tribunali nazzjonali jew internazzjonali kompetenti, kemm dawk eżistenti u kemm dawk li jistgħu jinħolqu speċifikament għal dan l-għan;
15. Jiċħad mingħajr riżervi, u jqis bħala illeġitima, id-dikjarazzjoni mill-mexxej tal-hekk imsejjaħ "ISIS/Daesh" li dan waqqaf "kalifat" fiż-żoni li llum jinsabu taħt il-kontroll tiegħu; jenfasizza li l-ħolqien u l-espansjoni tal-"kalifat Iżlamiku", kif ukoll l-attivitajiet ta' gruppi estremisti vjolenti oħra fil-Lvant Nofsani, huma theddida diretta għas-sigurtà tar-reġjun u tal-pajjiżi Ewropej, u ksur ċar tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tas-Sirja, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lill-istituzzjonijiet tal-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika (OIC), lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni għall-Istati Għarab tal-Golf (il-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, GCC), lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.
- [1] Testi adottati, P8_TA(2014)0011.
- [2] Testi adottati, P8_TA(2014)0027.
- [3] Testi adottati, P8_TA(2014)0066.
- [4] Testi adottati, P8_TA(2015)0040.
- [5] Testi adottati, P8_TA(2015)0071.
- [6] Testi adottati, P8_TA(2015)0076.
- [7] Testi adottati, P8_TA(2015)0079.
- [8] Testi adottati, P8_TA(2015)0178.
- [9] Testi adottati, P8_TA(2015)0179.
- [10] ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 287.
- [11] Testi adottati, P7_TA(2013)0180.
- [12] ĠU L 118, 14.5.2003, p. 12.
- [13] Sentenza tas-26 ta' Frar 2007 fil-Kawża li tikkonċerna l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju (Bożnija-Ħerzegovina v Serbja u Montenegro), paragrafu 431.