Proċedura : 2016/2529(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0162/2016

Testi mressqa :

B8-0162/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 04/02/2016 - 8.10
CRE 04/02/2016 - 8.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0051

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 450kWORD 113k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0149/2016
27.1.2016
PE576.523v01-00
 
B8-0162/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta' minoranzi reliġjużi mill-ISIS (2016/2529(RSP))


Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Isabella Adinolfi, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta' minoranzi reliġjużi mill-ISIS (2016/2529(RSP))  
B8-0162/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3 u 21(1) tat-TUE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) tal-1950,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u tat-Twemmin tal-1981,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tad-9 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, b'mod partikolari l-Artikoli 5 sa 14 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Intervent tal-UE fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fil-25 ta' Marzu 2015 (djalogu interattiv dwar ir-rapport tal-OHCHR dwar l-Iraq),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Marzu 2015 dwar l-istrateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tal-ISIL/Daesh, tal-20 ta' Ottubru 2014 dwar il-kriżi tal-ISIL/Daesh fis-Sirja u fl-Iraq, tat-30 ta' Awwissu 2014 dwar l-Iraq u s-Sirja, tal-14 ta' April 2014 u tat-12 ta' Ottubru 2015 dwar is-Sirja, u tal-15 ta' Awwissu 2014 dwar l-Iraq,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/495/ĠAI, li reġgħet ġiet affermata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/335/ĠAI tat-8 ta' Mejju 2003 dwar l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ġenoċidju, tad-delitti kontra l-umanità u tad-delitti tal-gwerra,

–  wara li kkunsidra: il-Linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin; il-Linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali; il-Linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom; il-Linji gwida għall-politika tal-UE fil-konfront ta' pajjiżi terzi rigward it-tortura u t-trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra; il-Linji gwida tal-UE dwar it-tfal u l-kunflitti armati;

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-Iraq u s-Sirja, kif ukoll it-tweġibiet tagħha għal mistoqsijiet parlamentari dwar: "Genocide of Greek Orthodox Christians in Syria" (Il-ġenoċidju tal-Insara Ortodossi Griegi fis-Sirja) (E-004733/2015), maħruġa fl-1 ta' Ġunju 2015; "Iraq – Christians martyred and robbed of their belongings" (L-Iraq – L-Insara mmartirizzati u misruqa minn ħwejjiġhom) (E-004152-15), maħruġa fit-30 ta' Ġunju 2015; "Persecution and genocide of Christians" (Il-persekuzzjoni u l-ġenoċidju tal-Insara) (P-012721/2015), maħruġa fit-30 ta' Ottubru 2015; "Abduction of Christians in Syria" (Il-ħtif ta' Nsara fis-Sirja) (E-004156-15) u "Safeguarding Christian communities in the Middle East" (Is-salvagwardja tal-Insara fil-Lvant Nofsani) (E-004001/15), imwieġba b'mod konġunt fl-10 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tal-VP/RGħ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar elementi ta' strateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida minn Daesh,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq(1), tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u s-Sirja u l-offensiva tal-IS, inkluża l-persekuzzjoni tal-minoranzi(2), b'mod partikolari l-paragrafu 4 tagħha, tas-27 ta' Novembru 2014 dwar l-Iraq: sekwestru u trattament ħażin tan-nisa(3), tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS(4), u speċifikament il-paragrafu 27 tagħha, tat-12 ta' Marzu 2015 dwar l-attakki u ħtif reċenti minn ISIS/Da'esh fil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari tal-Assirjani(5), b'mod partikolari l-paragrafu 2 tagħha, tat-12 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2013 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(6), b'mod partikolari l-paragrafi 129 u 211 tagħha, tat-12 ta' Marzu 2015 dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2015(7), b'mod partikolari l-paragrafi 66 u 67 tagħha, tat-30 ta' April 2015 dwar il-persekuzzjoni tal-Insara madwar id-dinja, b'rabta mal-qtil ta' studenti fil-Kenja mill-grupp terroristiku Al-Shabaab(8), b'mod partikolari l-paragrafu 10 tagħha, u tat-30 ta' April 2015 dwar il-qerda ta' siti kulturali mwettqa mill-ISIS/Daesh(9),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-25 ta' Frar 2015 li tikkundanna l-ħtif ta' aktar minn 100 Assirjan mill-ISIL,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni f'isem l-Unjoni Ewropea ta' Stavros Lambrinidis, ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, fid-Dibattitu Miftuħ tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar "Il-vittmi ta' attakki u abbużi fuq bażi reliġjuża jew etnika fil-Lvant Nofsani", fis-27 ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2199 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-12 ta' Frar 2015 dwar theddidiet għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkawżati minn atti terroristiċi mwettqa minn Al-Qaida,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2249 (2015), li tikkundanna l-attakki terroristiċi reċenti mill-ISIS,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni S-22/1 adottata mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar "The human rights situation in Iraq in the light of abuses committed by the so-called Islamic State in Iraq and the Levant and associated groups" (Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq fid-dawl tal-abbużi mwettqa mill-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku fl-Iraq u fil-Levant u minn gruppi assoċjati), tat-3 ta' Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra: id-deċiżjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tas-26 ta' Frar 2007 dwar il-Kawża li tikkonċerna l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju (Bożnija-Ħerzegovina v Serbja u Montenegro), id-deċiżjoni tat-2 ta' Awwissu 2001 mogħtija mill-Awla tal-Prim' Istanza tat-Tribunal Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni ta' Persuni Responsabbli ta' Vjolazzjonijiet Gravi tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali li Twettqu fit-Territorju ta' dik li qabel kienet il-Jugoslavja mill-1991 (Prosekutur v Radislav Krstic), u d-deċiżjoni tad-19 ta' April 2004 mogħtija mill-Awla tal-Appell tiegħu fl-istess kawża,

–  wara li kkunsidra l-Qafas tal-Analiżi mill-Uffiċċju tal-Konsulent Speċjali tan-NU dwar il-Prevenzjoni ta' Ġenoċidju (OSAPG),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-12 ta' Awwissu 2014 tal-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Prevenzjoni tal-Ġenoċidju u tal-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar ir-Responsabbiltà ta' Protezzjoni rigward is-sitwazzjoni fl-Iraq,

–  wara li kkunsidra r-Rapporti tal-Missjoni ta' Assistenza tan-NU għall-Iraq (UNAMI) dwar il-Protezzjoni taċ-Ċivili fil-Kunflitt Armat fl-Iraq, li jkopru l-perjodu mill-11 ta' Settembru sal-10 ta' Diċembru 2014 u dak mill-11 ta' Diċembru 2014 sat-30 ta' April 2015 rispettivament,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Uffiċċju tal-Kumissarju tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq fid-dawl tal-abbużi mwettqa mill-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku fl-Iraq u fil-Levant u minn gruppi assoċjati, tas-27 ta' Marzu 2015, b'mod partikolari l-paragrafu 16 tiegħu dwar "Vjolazzjonijiet imwettqa mill-ISIL. Attakki kontra gruppi reliġjużi u etniċi",

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Prevenzjoni tal-Ġenoċidju u tal-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar ir-Responsabbiltà ta' Protezzjoni rigward l-eskalazzjoni ta' inċitament għall-vjolenza fis-Sirja għal raġunijiet reliġjużi, maħruġa fit-13 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar "Technical assistance provided to assist in the promotion and protection of human rights in Iraq" (Assistenza teknika mogħtija biex tgħin fil-promozzjoni u fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq) tas-27 ta' Lulju 2015, b'mod partikolari l-paragrafu 18 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, ippreżentat fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem fit-13 ta' Awwissu 2015, b'mod partikolari l-paragrafi 165 sa 173 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-Daesh għadu qed iwettaq vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod mifrux u sistematiku, b'mira partikolari fuq gruppi ta' minoranzi bħall-Yazidi, l-Insara, it-Turkmeni, ix-Xiiti, ix-Shabak, is-Sabea-Mandeani, il-Kaka'e u l-Kurdi; billi l-vjolenza tad-Daesh mhijiex limitata biss għall-persuni, iżda testendi għall-qerda ta' santwarji reliġjużi u ta' sejbiet arkeoloġiċi;

B.  billi l-promozzjoni tad-demokrazija u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet ċivili huma prinċipji u għanijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jikkostitwixxu bażi komuni għar-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi; billi wieħed mill-fatturi prinċipali li jmexxu l-integrazzjoni Ewropea hi r-rieda li ma nħallux li jerġgħu jseħħu gwerrer u delitti kontra l-umanità;

C.  billi, skont id-Dritt Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, kulħadd għandu d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, inkluża l-libertà li wieħed jidbel ir-reliġjon jew it-twemmin, u l-libertà li, individwalment jew f'komunità ma' oħrajn u fil-pubbliku jew fil-privat, jimmanifesta r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu bil-qima, l-osservanza, il-prattika u t-tagħlim; billi, skont il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin tipproteġi kull tip ta' twemmin, inklużi dak teistiku, nonteistiku u ateistiku;

D.  billi, fit-territorji li jikkontrolla, l-ISIS/Daesh nieda kampanja biex jeqred kull traċċa ta' komunitajiet reliġjużi u ta' twemmin għajr dawk li jirrappreżentaw l-interpretazzjoni tiegħu stess tal-Iżlam, permezz tal-qtil jew tat-tkeċċija ta' dawk li jappartjenu għal dawk il-komunitajiet u bil-qerda tal-postijiet sagri, tas-siti storiċi u tal-artefatti tagħhom, inkluż wirt uniku u insostitwibbli rikonoxxut mill-UNESCO bħala Wirt Dinji;

E.  billi l-ISIS/Daesh għandu fil-mira tiegħu l-Insara, il-Yazidi, it-Turkmeni, ix-Xiiti, ix-Shabak, is-Sabea-Mandeani, il-Kaka'e u l-Kurdi u minoranzi etniċi u reliġjużi oħrajn b'mod indiskriminat, bil-għan intenzjonali li jwettaq l-għajbien fiżiku u kulturali totali tagħhom fit-territorji li jinsabu taħt il-kontroll tiegħu;

F.  billi l-estremiżmu u l-persekuzzjoni kontinwa kontra l-minoranzi huma fatturi sinifikanti fil-fenomenu dejjem jikber ta' migrazzjoni tal-massa u tal-ispostament intern; billi aktar minn 700 000 Nisrani Sirjan minn popolazzjoni ta' 1,1 miljuni ġew spostati mill-ISIS, u billi m'għadx hemm aktar minn 250 000 Nisrani fis-Sirja; billi madwar 250 000 Nisrani għadhom fl-Iraq, minn madwar 1,5 miljun fl-2003; billi hu rrappurtat li Insara ġew imsallba, iddekapitati, stuprati, u mġiegħla jikkonvertu għall-Iżlam mill-ISIS, u li tfal Insara qed jiġu mibjugħa fil-jasar;

G.  billi, mill-2014 sal-lum, inqatlu madwar 5 000 Yazidi, filwaqt li ħafna oħrajn ġew ittorturati jew ġew imġiegħla jikkonvertu għall-Iżlam; billi tal-anqas 2 000 mara Yazidi tjassru, u saru vittmi ta' żwieġ furzat u ta' traffikar; billi saħansitra bniet ta' sitt snin sfaw stuprati u billi tfal Yazidi ġew irreklutati bil-forza bħala suldati għad-Daesh; billi hemm evidenza ċara ta' fosos komuni fejn huma midfuna persuni li nħatfu mill-ISIS/Daesh;

H.  billi, fl-aħħar ħarġa tar-rivista onlajn tiegħu, l-ISIS/Daesh iddikjara gwerra bla limiti kontra l-Musulmani Xiiti, filwaqt li appella għal sforz konċertat biex tinqered il-popolazzjoni Xiita tal-Lvant Nofsani;

I.  billi l-ISIS/Daesh għandu l-intenzjoni li jiċħad id-dritt għall-eżistenza ta' gruppi sħaħ ta' bnedmin; billi hemm evidenza ċara li l-ISIS/Daesh wettaq qtil tal-massa u l-jasar sesswali u l-istupru sistematiku ta' nisa u biet mill-minoranzi Nsara u Yazidi;

J.  billi, fil-15 ta' Lulju 2014, ir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti, Zainab Hawa Bangura, stqarret li fl-Iraq minoranzi etniċi u reliġjużi b'mod konsistenti jisfaw fil-mira ta' attakki fiżiċi u ta' vjolenza sesswali; billi r-Rappreżentant Speċjali tan-NU stqarret fit-3 ta' Awwissu 2015, li ħabat l-ewwel anniversarju tat-traġedja ta' Sinjar, li d-delitti mwettqa jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u/jew atti ta' ġenoċidju;

K.  billi, bi qbil mar-Rapport dwar il-Protezzjoni ta' Ċivili fil-Kunflitt Armat fl-Iraq (il-11 ta' Diċembru 2014 – it-30 ta' April 2015) tal-Missjoni ta' Assistenza tan-NU għall-Iraq, l-ISIS/Daesh qed jissokta jippersegwita, jimmanka u joqtol membri ta' minoranzi etniċi u reliġjużi, ġurnalisti, priġunieri tal-gwerra, attivisti u oħrajn, xi drabi b'modi inkonċepibbli ta' krudeltà estrema;

L.  billi fit-13 ta' Awwissu 2014, ir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti, Zainab Hawa Bangura, u r-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Iraq, Nickolay Mladenov, ħarġu dikjarazzjoni konġunta li fiha kkonfermaw li jista' jkun li madwar1 500 mara, bejn Insara u nisa Yazidi, sfaw maħtufa mill-ISIL u sussegwentement ġew sfurzati jsiru lsiera sesswali; billi, f'dik id-dikjarazzjoni, iż-żewġ Rappreżentanti Speċjali rrikonoxxew il-mira espliċita fuq in-nisa u t-tfal u l-atti barbari mwettqa mid-Daesh fiż-żoni li jinsabu taħt il-kontroll tiegħu;

M.  billi, kif ġie rikonoxxut bir-Riżoluzzjoni 2249(2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, l-ideoloġija estremista vjolenti tal-hekk imsejjaħ "ISIS/Daesh", l-atti terroristiċi tiegħu, l-attakki gravi sistematiċi u mifruxa kontinwi tiegħu diretti kontra ċ-ċivili, l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-vjolazzjonijiet tad-dritt umanitarju internazzjonali li jwettaq, inklużi dawk imwettqa fuq bażi reliġjuża jew etnika, l-eradikazzjoni tiegħu tal-wirt kulturali u t-traffikar tal-beni kulturali, jikkostitwixxu theddida dinjija u mingħajr preċedent għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali;

N.  billi ma jrid qatt jiġri li l-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra, kull fejn u kull meta jseħħu, ma jiġux ikkastigati, u billi l-prosekuzzjoni effikaċi tagħhom trid tiġi żgurata permezz ta' miżuri fil-livell nazzjonali u bit-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali;

O.  billi, skont il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/444/PESK tas-16 ta' Ġunju 2003, jeħtieġ li l-Istati Membri kollha tal-UE jikkooperaw biex jipprevjenu dawn id-delitti u jtemmu l-impunità tal-awturi tagħhom;

P.  billi d-definizzjoni ġuridika internazzjonali ta' ġenoċidju, bi qbil mal-Artikolu II tal-Konvenzjoni tan-NU tal-1948 dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju, tinkludi l-kliem: "kwalunkwe wieħed minn dawn l-atti kommessi bl-intenzjoni li jeqred, kompletament jew parzjalment, grupp nazzjonali, etniku, razzjali jew reliġjuż, bħala tali: (a) il-qtil ta' membri tal-grupp; (b) l-ikkawżar ta' ħsara fiżika jew mentali gravi lil membri tal-grupp; (c) l-impożizzjoni intenzjonali ta' kundizzjonijiet tal-għajxien intiżi biex jikkawżaw il-qerda fiżika tal-grupp, kompletament jew parzjalment; (d) l-impożizzjoni ta' miżuri maħsuba biex jipprevjenu t-twelid fi ħdan il-grupp; u (e) it-trasferiment furzat ta' tfal ta' grupp wieħed lejn grupp ieħor"; billi l-Artikolu III ta' dik il-Konvenzjoni jqis punibbli mhux biss il-ġenoċidju, iżda wkoll il-konfoffa biex jitwettaq ġenoċidju, l-inċitament dirett u pubbliku biex jitwettaq ġenoċidju, u l-kompliċità f'ġenoċidju;

Q.  billi d-deċiżjoni tat-2 ta' Awwissu 2001 mogħtija mill-Awla tal-Prim'Istanza tat-Tribunal Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni ta' Persuni Responsabbli ta' Vjolazzjonijiet Gravi tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali li Twettqu fit-Territorju ta' dik li qabel kienet il-Jugoslavja mill-1991, fil-kawża Prosekutur v Radislav Krstic rigward il-ġenoċidju ta' Srebrenica, iddikjarat fil-pargrafu 580 tagħha li "attakki simultanji fuq il-proprjetà u s-simboli kulturali u reliġjużi tal-grupp fil-mira wkoll [...] jistgħu leġittimament jitqiesu bħala evidenza tal-intenzjoni tat-twettiq tal-qerda fiżika tal-grupp";

R.  billi d-deċiżjoni tad-19 ta' April 2004 tal-Awla tal-Appell tat-Tribunal Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni ta' Persuni Responsabbli ta' Vjolazzjonijiet Gravi tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali li Twettqu fit-Territorju ta' dik li qabel kienet il-Jugoslavja mill-1991, fil-kawża Prosekutur v Radislav Krstic rigward il-ġenoċidju ta' Srebrenica, qieset li "d-daqs numeriku tal-parti fil-mira tal-grupp huwa l-punt ta' tluq, neċessarju u importanti, għalkemm mhuwiex dejjem il-punt finali tal-inkjesta. L-għadd ta' individwi fil-mira għandu jiġu evalwat mhux biss f'termini assoluti, iżda anke f'relazzjoni mad-daqs globali tal-grupp kollu. Minbarra d-daqs numeriku tal-parti fil-mira, il-prominenza tagħha fi ħdan il-grupp tista' tkun kunsiderazzjoni utli. Jekk parti speċifika tal-grupp tkun emblematika tal-grupp ġenerali, jew tkun essenzjali għas-sopravvivenza tiegħu, dan jista' jirfed il-konklużjoni li l-parti tikkwalifika bħala sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 4";

1.  Huwa maħsud u ddispjaċut bl-azzjonijiet brutali tal-estremisti tal-ISIS/Daesh kontra l-Insara, il-Yazidi, it-Turkmeni, ix-Xiiti, is-Sabea-Mandeani, il-Kaka'e, il-Kurdi u kwalunkwe minoranza etnika u reliġjuża oħra, u jesprimi s-solidarjetà tiegħu man-nies li qed isofru taħt l-atti ta' persekuzzjoni mwettqa mill-ISIS/Daesh;

2.  Jikkundanna bil-qawwa lill-ISIS/Daesh u l-vjolazzjonijiet gravi tad-drittijiet tal-bniedem li jwettaq, u jesprimi t-tħassib estrem tiegħu dwar il-mira intenzjonata tal-grupp terroristiku fuq kwalunkwe minoranza reliġjuża miż-żona taħt il-kontroll tiegħu bħala parti mit-tentattivi tiegħu biex jeqred gruppi sħaħ ta' bnedmin u jeqred l-identità tagħhom; jafferma li dawk li jikkonfoffaw, jippjanaw jew jinċitaw biex jitwettqu, iwettqu jew jippruvaw iwettqu atroċitajiet u delitti internazzjonali, ikunu kompliċi fihom jew jappoġġjawhom, kontra kwalunkwe minoranza etnika u reliġjuża, inklużi l-Insara, il-Yazidi, it-Turkmeni, ix-Shabak, is-Sabea-Mandeani, il-Kaka'e u l-Kurdi, u li b'mod intenzjonali jqegħduhom fil-mira speċifikament għal raġunijiet etniċi jew reliġjużi, ikunu qed iwettqu delitti li jistgħu jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità u ġenoċidju;

3.  Jirrikonoxxi, jappoġġja u jitlob li kulħadd jirrispetta d-dritt inaljenabbli tal-minoranzi reliġjużi u etniċi kollha, indiġeni u oħrajn, li jgħixu fl-Iraq u fis-Sirja, li jibqgħu jgħixu fl-artijiet storiċi u tradizzjonali tagħhom fid-dinjità, fl-ugwaljanza u fis-sikurezza, u li jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom bis-sħiħ u b'mod liberu bla ebda tip ta' koerċizzjoni, vjolenza jew diskriminazzjoni;

4.  Jissottolinja li, skont id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet tan-NU u ta' konvenzjonijiet oħra tad-dritt internazzjonali, jeħtieġ li ma jkun hemm l-ebda impunità għall-awturi ta' delitti, inklużi dawk li jkunu kkonfoffaw, ippjanaw jew inċitaw biex jitwettaq, wettqu jew ippruvaw iwettqu kwalunkwe wieħed minn dawn l-atti, u li dawk responsabbli jitressqu quddiem it-tribunali nazzjonali jew internazzjonali kompetenti; jistieden lil kull wieħed mill-Partijiet Kontraenti fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt tal-Ġenoċidju tal-1948, u fi ftehimiet internazzjonali oħra dwar il-prevenzjoni ta' delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju, b'mod partikolari lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi u liċ-ċittadini tagħhom li bi kwalunkwe mod qed jappoġġjaw dawn id-delitti, jikkooperaw fihom, jiffinanzjawhom jew huma kompliċi fihom, biex jaqdu bis-sħiħ l-obbligi legali tagħhom skont il-Konvenzjoni u skont il-ftehimiet internazzjonali oħra;

5.  Jenfasizza li l-prevenzjoni f'waqtha u l-ikkastigar effikaċi ta' ġenoċidji u delitti kontra l-umanità għandhom ikunu fost il-prijoritajiet ewlenin tal-komunità internazzjonali u tal-Unjoni Ewropea; jemmen li sabiex tittaffa t-tbatija u jintemm l-esodu massiv ta' kwalunkwe popolazzjoni indiġena tar-reġjun, huwa essenzjali li l-mexxejja politiċi u reliġjużi kollha tar-reġjun jagħmlu dikjarazzjoni ċara u inekwivoka;

6.  Jitlob lil kull gvern u awtorità pubblika, inkluża l-UE (b'mod partikolari, il-Kunsill u s-SEAE) u l-Istati Membri tagħha, in-Nazzjonijiet Uniti u s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-Rappreżentanti Speċjali u r-Rapporteurs Speċjali, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-korpi u l-istituzzjonijiet internazzjonali l-oħra kollha, u l-mexxejja u r-rappreżentanti rispettivi tagħhom, isejħu l-atroċitajiet imwettqa mill-hekk imsejjaħ "tal-ISIS/Daesh" kontra l-Insara, il-Yazidi, is-Sabea-Mandeani, it-Turkmeni, ix-Shabak, il-Kaka'e, il-Kurdi u kwalunkwe minoranza reliġjuża oħra, bl-isem li jixirqilhom: "delitti kontra l-umanità" u "ġenoċidju";

7.  Għandu l-konvinzjoni soda li m'hemmx dubju li l-atroċitajiet imwettqa mill-ISIS/Daesh huma koperti bid-definizzjoni legali ta' ġenoċidju mogħtija fl-Artikoli 2 u 3 tal-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig ta' Ġenoċidju u fl-Artikolu 6 tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali; jenfasizza li l-ġenoċidju jfisser kwalunkwe att li jitwettaq bl-intenzjoni li jeqred, kompletament jew parzjalment, grupp nazzjonali, etniku, razzjali jew reliġjuż; jissottolinja li l-qerda ta' parti biss minn grupp abbażi tan-nazzjonalità, tal-appartenenza etnika jew reliġjuża tal-persuni wkoll tikkostitwixxi ġenoċidju; jenfasizza, barra minn hekk, li skont dawk id-dispożizzjonijiet legali, ma jeħtieġx li atti ta' ġenoċidju neċessarjament jikkawżaw il-mewt ta' membru ta' grupp, għaliex l-ikkawżar ta' ħsara fiżika jew mentali gravi, inkluż l-ikkawżar ta' trawma, tortura, stupru, vjolenza sesswali u mutilazzjoni, kif ukoll it-trasferiment ta' tfal, ukoll jiġu kkunsidrati bħala atti ta' ġenoċidju meta jitwettqu bħala parti minn politika intiża biex teqred l-eżistenza ta' grupp; fl-aħħar nett, jissottolinja li s-sempliċi konfoffa, l-inċitament dirett u pubbliku, l-attentati ta' twettiq ta' ġenoċidju u l-kompliċità f'ġenoċidju wkoll jikkostitwixxu d-delitt ta' ġenoċidju, anki qabel ma jkun beda l-qtil tal-massa;

8.  Jemmen li l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) hija fl-aħjar pożizzjoni biex tniedi proċedimenti kontra dawk responsabbli għad-delitti msemmija hawn fuq, fid-dawl tan-nuqqas ta' rieda jew tal-inkapaċità tal-istati tas-Sirja u tal-Iraq li jwettqu investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet ġenwini, għalkemm dan jaqa' fi ħdan ir-responsabbiltà primarja tagħhom;

9.  Iħeġġeġ ir-riferiment mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, peress li s-Sirja u l-Iraq mhumiex Partijiet fil-QKI, fuq il-bażi tal-Artikolu 13(b) tal-Istatut ta' Ruma, biex il-Qorti tingħata l-ġurisdizzjoni meħtieġa ħalli tinvestiga u tikkastiga d-delitti msemmija hawn fuq; jistieden għalhekk lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jirreferi minnufih is-sitwazzjoni fis-Sirja lill-QKI, bil-għan li l-popolazzjoni Sirjana jkollha, tal-anqas, il-wegħda li ssir ġustizzja; jappoġġja s-sejħiet mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u minn grupp ta' ħamsin pajjiż, immexxija mill-Iżvizzera, għal riferiment mill-Kunsill tas-Sigurtà;

10.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-pajjiżi terzi kollha biex pubblikament jissieħbu fis-sejħiet għal riferiment u jħeġġeġ lill-membri permanenti tal-Kunsill biex ma jinvokawx is-setgħa tal-veto tagħhom; jistieden lill-Gvernijiet tas-Sirja u tal-Iraq iqawwu l-isforzi tagħhom biex jipprevjenu l-persekuzzjoni u l-ħtif ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi, peress li din hija r-responsabbiltà primarja tagħhom;

11.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jindirizzaw il-kwistjoni tar-rwoli ambivalenti ta' ċerti pajjiżi fil-kunflitt, b'mod partikolari fejn dawn ikkontribwew, jew għadhom jikkontribwixxu, b'mod attiv jew passiv, għall-feġġ tal-ISIS/Daesh u ta' gruppi estremisti oħra; b'mod partikolari, jistieden lill-pajjiżi ġirien, fosthom it-Turkija, jaqdu rwol pożittiv fil-ġlieda kontra l-ISIS/Daesh u jippermettu bla dewmien li minoranzi etniċi u reliġjużi li qed jaħarbu mis-Sirja jaqsmu l-fruntiera tagħhom u jfittxu l-kenn;

12.  Ifakkar fil-ħtieġa għal sforz internazzjonali kbir biex itejjeb il-kundizzjonijiet umanitarji tan-nies fiż-żoni tal-kunflitt, u jappella għall-ħolqien ta' kurituri umanitarji biex jintlaħqu dawk li huma l-aktar fil-bżonn; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkomplu jagħtu għajnuna umanitarja ggwidata minn valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet indipendenti u li tfittex li tipprovdi rispons imparzjali;

13.  Jitlob li l-Kunsill u s-SEAE jibdew jaħdmu, ma' sħab internazzjonali u reġjonali, fuq xenarju ta' wara l-ISIS/Daesh;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tas-Sirja, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lill-istituzzjonijiet tal-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika (OIC), lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni għall-Istati Għarab tal-Golf (il-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, GCC), lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2014)0011.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2014)0027.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2014)0066.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2015)0040.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2015)0071.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2015)0076.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2015)0079.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2015)0178.

(9)

Testi adottati, P8_TA(2015)0179.

Avviż legali - Politika tal-privatezza