Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0164/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0164/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-Istrateġija l-Ġdida għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fl-Ewropa wara l-2015

27.1.2016 - (2016/2526(RSP))

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0103/2016
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Beatrix von Storch f'isem il-Grupp ECR

Proċedura : 2016/2526(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0164/2016
Testi mressqa :
B8-0164/2016
Testi adottati :

B8-0164/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Istrateġija l-Ġdida għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fl-Ewropa wara l-2015

(2016/2526(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-acquis communautaire attwali tal-UE, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u proċeduri eżistenti, l-istrutturi, l-għodod ta' politika u l-baġits li għandhom l-għan li jtejbu l-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' trattament ugwali u opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 intitolata "Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2016 tas-27 ta' Ottubru 2015 intitolat "Mhux il-waqt li kollox jibqa' l-istess" (COM(2015)0610),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Strategic engagement for gender equality 2016-2019" (Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019) (SWD (2015)0278),

–  wara li kkunsidra l-evalwazzjoni esterna tal-implimentazzjoni effettiva tal-integrazzjoni tas-sessi u l-effiċjenza tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, intitolata "Gender Mainstreaming in Committees and Delegations of the European Parliament",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015[1],

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-prinċipju ta' trattament ugwali u opportunitajiet indaqs huwa rikonoxxut fit-Trattati tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi l-istrateġija tal-Kummissjoni għal opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015 tat prijorità lil ħames oqsma għall-azzjoni ewlenin:

1.  indipendenza ekonomika ugwali għan-nisa u għall-irġiel;

2.  paga ugwali għal xogħol ta' valur ugwali

3.  ugwaljanza fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

4.  dinjità, integrità u tmiem tal-vjolenza sessista;

5.  promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel lil hinn mill-UE

C.  billi l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015 jiddikjara li l-Kummissjoni Juncker ingħatat mandat bl-impenn biex "tagħmel differenza: biex tagħmel affarijiet differenti u biex tagħmel l-affarijiet b'mod differenti", sabiex tnaqqas il-burokrazija u tagħmel il-ħajja aktar faċli għaċ-ċittadini u l-imprendituri;

D.  billi l-Kummissjoni kkonfermat li l-ħames oqsma għall-azzjoni ewlenin dwar it-trattament ugwali u l-opportunitajiet indaqs identifikati fl-2010 jibqgħu validi għall-mandat ġdid tagħha għall-2014-2019;

E.  billi l-Kummissjoni kkonfermat mill-ġdid fil-Programm ta' Ħidma tagħha għall-2016 li "kienet se tkompli tagħmel xogħol prattiku għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi";

F.  billi l-Kummissjoni ppubblikat dokument ta' ħidma tal-persunal ta' 40 paġna, intitolat "Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019" dwar il-ħames prijoritajiet, li għadhom validi;

G.  billi l-ebda proposta leġiżlattiva addizzjonali ma għandha tiġi adottata sakemm il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE u l-għodod ta' politika jkunu għadhom ma ġewx trasposti, implimentati u evalwati;

H.  billi fid-9 ta' Ġunju 2015 il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar l-istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015;

1.  Jirrikonoxxi li l-ħames oqsma għall-azzjoni ewlenin identifikati fl-Istrateġija tal-Kummissjoni għall-opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015 jibqgħu prijoritajiet validi għall-mandat tal-Kummissjoni Juncker (2014-2019);

2.  Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni ppubblikat dokument ta' ħidma tal-persunal ta' 40 paġna li jiddelinja "Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019";

3.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li wieħed jiffoka fuq in-nuqqas ta' implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti fl-Istati Membri qabel ma tiġi kkunsidrata l-ħtieġa li jitressqu proposti leġiżlattivi u għodda ta' politika ġodda fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi, b'konformità mal-istandards applikabbli bħala parti mill-impenn tal-Kummissjoni favur Regolamentazzjoni Aħjar;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu responsabilità sħiħa għat-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti u l-għodod ta' politika intiżi biex itejbu l-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' trattament ugwali u opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa fil-livell nazzjonali;

5.  Ifakkar li l-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE u l-għodod ta' politika għandhom jikkonformaw mal-prinċipji ta' sussidjarjetà u "valur miżjud", li mhux dejjem huma meħtieġa regoli uniformi għall-funzjonament prattiku u kompetittiv tas-suq intern, u li l-Kummissjoni jeħtiġilha tqis il-piż amministrattiv li jirriżulta mill-proposti leġiżlattivi tagħha u l-kuntesti u l-prattiki kulturali diversi fi Stati Membri differenti;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.