MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni speċjali tal-gżejjer
27.1.2016 - (2015/3014(RSP))
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Iskra Mihaylova f'isem il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
B8-0165/2016
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni speċjali tal-gżejjer
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 174 u 175 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005,
– wara li kkunsidra s-Sitt Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar 'Il-problemi speċifiċi tal-gżejjer' (1229/2011),
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-kundizzjoni tal-insularità (O-000013/2016 – B8-0106/2016),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-reġjuni insulari, ikklassifikati bħala reġjuni NUTS-2 u NUTS-3, għandhom karatteristiċi speċifiċi komuni u permanenti, li jiddistingwuhom b'mod ċar minn żoni kontinentali;
B. billi l-Artikolu 174 tat-TFUE jirrikonoxxi l-iżvantaġġi naturali u ġeografiċi permanenti speċifiċi għas-sitwazzjoni tal-gżejjer;
C. billi t-tnaqqis tad-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali bejn ir-reġjuni u l-iżvilupp armonjuż poliċentriku huma l-objettivi ewlenin tal-politika ta' koeżjoni, b'rabta mill-qrib mal-ilħuq tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020;
D. billi l-kriżi ekonomika kellha impatt drammatiku fuq il-baġits nazzjonali u reġjonali ta' ħafna Stati Membri minħabba li llimitat id-disponibbiltà ta' finanzjament f'bosta setturi u wasslet għal kollass ta' 20 % fl-investiment pubbliku; billi, kif ġie nnotat ukoll fis-Sitt Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali, l-impatt tal-kriżi affettwa serjament l-iżvilupp potenzjali ta' ħafna reġjuni żvantaġġati, inklużi l-gżejjer; billi l-kriżi ekonomika qalbet it-tendenza fit-tul ta' konverġenza tal-PDG u tar-rati tal-qgħad fl-UE kollha, b'mod li wassal għal żieda fil-faqar u l-esklużjoni soċjali kif ukoll biex ma jintlaħaqx l-objettiv fit-tul tal-Unjoni ta' koeżjoni ekonomika u territorjali;
E. billi l-gżejjer tal-UE huma wkoll reġjuni periferiċi li jinsabu fil-fruntieri esterni tal-UE u huma partikolarment vulnerabbli għall-isfidi li l-Ewropa qed tiffaċċja bħalissa, bħall-globalizzazzjoni, it-tendenzi demografiċi, it-tibdil fil-klima, il-provvista tal-enerġija u, speċjalment għaż-żoni tan-Nofsinhar, l-esponiment għal flussi migratorji li qed jiżdiedu;
F. billi l-gżejjer Ewropej jikkontribwixxu għad-diversità tal-Unjoni kemm f'termini ambjentali (ħabitats speċifiċi u speċijiet endemiċi) kif ukoll f'termini kulturali (lingwi, wirt arkitettoniku, siti, pajsaġġi, karatteristiċi agrikoli u mhux agrikoli u identitajiet ġeografiċi);
G. billi l-gżejjer Ewropej jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-iżvilupp sostenibbli fl-Unjoni, minħabba l-potenzjal għoli tagħhom li jipproduċu l-enerġija minn sorsi rinnovabbli minħabba esponiment speċifiku għall-flussi tar-riħ, l-imbatt tal-oċeani u d-dawl tax-xemx;
H. billi l-aċċessibbiltà tar-reġjuni u l-konnessjonijiet fi ħdan il-gżejjer huma fatturi fundamentali biex iż-żoni insulari jsiru aktar attraenti; billi jeħtieġ li jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trasport marittimu u bl-ajru għall-persuni u l-oġġetti, skont il-prinċipju tal-kontinwità territorjali, filwaqt li jsiru wkoll sforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u t-tniġġis mit-trasport marittimu u bl-ajru;
I. billi l-agrikoltura, it-trobbija tal-annimali u s-sajd jikkostitwixxu element importanti tal-ekonomiji insulari lokali, li huma sors ta' provvista għal parti sinifikanti tas-settur agroindustrijali, u billi dawn is-setturi jbatu min-nuqqas ta' aċċessibbiltà, partikolarment għall-SMEs, mil-livell baxx ta' differenzjazzjoni tal-prodotti, u mill-kundizzjonijiet klimatiċi;
J. billi turiżmu intensiv ikkonċentrat biss f'ċerti perijodi tas-sena u mhux ippjanat adegwatament barra l-istaġun jista' jġib riskji għall-iżvilupp ambjentalment sostenibbli ta' reġjuni insulari;
1. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi definizzjoni ċara tat-tip ta' żvantaġġi permanenti ġeografiċi, naturali u demografiċi li reġjuni insulari jistgħu jġarrbu, b'referenza għall-Artikolu 174 tat-TFUE;
2. Jistaqsi lill-Kummissjoni kif biħsiebha timplimenta l-kliem tal-Artikolu 174 tat-TFUE rigward l-iżvantaġġi permanenti ta' reġjuni insulari li jxekklu l-iżvilupp naturali tagħhom u jżommuhom milli jiksbu koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;
3. Jirrikonoxxi, skont id-definizzjoni tal-Eurostat, id-differenza bejn il-gżejjer inġenerali u l-gżejjer b'belt kapitali nazzjonali, u l-importanza li jiġi pprovdut appoġġ biex tiġi ttrattata t-tendenza sinifikanti ta' depopolazzjoni fir-reġjuni insulari; ifakkar li l-gżejjer isibuha iktar diffiċli mill-istati gżejjer li jaffrontaw ċerti żvantaġġi, anke fi proporzjon mad-daqs żgħir tagħhom u mal-bogħod tagħhom mill-kosti kontinentali Ewropej;
4. Jitlob lill-Kummissjoni tvara studju/analiżi fil-fond dwar l-ispejjeż żejda li jirriżultaw mill-karattru insulari ta' reġjun, f'termini tas-sistema tat-trasport għall-persuni u l-oġġetti, il-provvista tal-enerġija u l-aċċess għas-swieq, b'mod partikolari għall-SMEs;
5. Jistieden lill-Kummissjoni biex, abbażi tal-Artikolu 174 tat-TFUE, li jirrikonoxxi s-sitwazzjoni speċjali tal-gżejjer, twaqqaf grupp omoġenu magħmul mit-territorji insulari kollha; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex minbarra l-PDG tqis indikaturi statistiċi oħra li jistgħu jirriflettu l-vulnerabbiltà ekonomika u soċjali li tirriżulta minn żvantaġġi naturali permanenti;
6. Ifakkar, b'mod partikolari, il-ħtieġa ta' konnettività aħjar permezz ta' rotot marittimi, aċċess imtejjeb għall-portijiet u servizzi aħjar ta' trasport bl-ajru; iqis li għandha ssir enfasi partikolari fuq il-hubs tat-trasport, it-trasport intermodali u l-mobilità sostenibbli; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li l-iżvilupp territorjali bilanċjat tar-reġjuni insulari jingħata appoġġ billi jiġu promossi l-innovazzjoni u l-kompetittività f'dawn ir-reġjuni, li jinsabu 'l bogħod miċ-ċentri amministrattivi u ekonomiċi ewlenin u ma jibbenefikawx minn faċilità ta' aċċess għat-trasport, u billi tissaħħaħ il-produzzjoni lokali għas-swieq lokali;
7. Jenfasizza li l-kapaċità diġitali hija mezz vitali biex jiġu kontrobilanċjati l-iżvantaġġi tal-konnettività tar-reġjuni insulari; jenfasizza li l-investimenti fl-infrastruttura huma meħtieġa sabiex jiġu żgurati l-aċċess għall-broadband fil-gżejjer u l-parteċipazzjoni sħiħa tal-gżejjer fis-suq uniku diġitali;
8. Ifakkar li f'bosta gżejjer fil-Mediterran qed jaslu għadd kbir ta' migranti u dawn il-gżejjer qed ikollhom jaffrontaw din is-sitwazzjoni; jissottolinja l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE, li għandu jinkludi appoġġ tal-UE u sforz konġunt mill-Istati Membri kollha;
9. Jissottolinja l-importanza li tiġi pprovduta edukazzjoni fil-livelli kollha, meta jkun meħtieġ anke billi jintużaw aktar is-sistemi ta' edukazzjoni mill-bogħod; ifakkar li l-gżejjer qed jiffaċċjaw ukoll impatti serji tat-tibdil fil-klima, b'konsegwenzi partikolarment serji, inkluż għadd dejjem jikber ta' perikli naturali;
10. Jenfasizza li, filwaqt li l-gżejjer jiffaċċjaw limitazzjonijiet, jibbenefikaw ukoll minn potenzjal territorjali, li għandu jintuża bħala opportunità għall-iżvilupp, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi; isemmi, f'dan il-kuntest, l-iżvilupp ta' turiżmu sostenibbli minbarra t-turiżmu staġunali, billi ssir enfasi fuq il-promozzjoni tal-wirt kulturali u ta' attivitajiet ekonomiċi artiġjanali speċifiċi; jenfasizza wkoll il-potenzjal enormi ta' enerġija mill-oċeani, mir-riħ u mix-xemx u l-potenzjal tal-gżejjer li jsiru sorsi importanti ta' enerġija alternattiva, biex ikunu kemm jista' jkun awtonomi fir-rigward tal-enerġija u, fuq kollox, biex jiġu garantiti provvisti tal-enerġija orħos għall-abitanti tagħhom;
11. Jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza li jintużaw is-sinerġiji kollha possibbli bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u strumenti oħra tal-Unjoni bl-għan li jikkontrobilanċjaw l-iżvantaġġi tal-gżejjer u jsaħħu t-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp sostenibbli tagħhom;
12. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi 'Qafas Strateġiku tal-UE għall-Gżejjer' bl-għan li tgħaqqad strumenti li jista' jkollhom impatt territorjali kbir;
13. Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jiżvolġu rwol importanti fl-istrateġiji ta' żvilupp tal-gżejjer abbażi ta' approċċ vertikali li jinvolvi l-livelli kollha tal-gvern, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, bl-għan li jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli tal-gżejjer tal-UE;
14. Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tistabbilixxi 'islands desk' marbut mad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Politika Reġjonali u Urbana (DĠ REGIO) u magħmul minn grupp żgħir ta' uffiċjali bl-għan li jikkoordina u janalizza kwistjonijiet relatati mar-reġjuni insulari;
15. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta komunikazzjoni li jkun fiha 'Aġenda għall-Gżejjer tal-UE' u, sussegwentement,White Paper biex jiġi mmonitorjat l-iżvilupp tal-gżejjer, abbażi tal-aħjar prassi u bl-involviment tal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali u atturi rilevanti oħra, inklużi s-sħab ekonomiċi u soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi Sena Ewropea tal-Gżejjer u tal-Muntanji;
17. Jistieden lill-Kummissjoni żżomm f'moħħha s-sitwazzjoni speċifika tal-gżejjer meta tħejji l-proposta għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Istati Membri.