Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0167/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0167/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-Rapport tal-2015 dwar il-Kosovo

28.1.2016 - (2015/2893(RSP))

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Ulrike Lunacek f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin


Proċedura : 2015/2893(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0167/2016
Testi mressqa :
B8-0167/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0167/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rapport tal-2015 dwar il-Kosovo

(2015/2893(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Salonka tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2012 li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati għal ftehim qafas mal-Kosovo dwar il-parteċipazzjoni fil-programmi tal-Unjoni,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2013 li jadottaw id-Deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati dwar Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Kosovo,

–  wara li kkunsidra l-Ewwel Ftehim dwar il-Prinċipji li Jirregolaw in-Normalizzazzjoni tar-Relazzjonijiet, iffirmat mill-Prim Ministri Hasim Thaçi u Ivica Dacic fid-19 ta' April 2013, u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Implimentazzjoni tat-22 ta' Mejju 2013,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/349/PESK tat-12 ta’ Ġunju 2014 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, il-EULEX KOSOVO,

–  wara li kkunsidra l-iffirmar tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Kosovo fis-27 ta' Ottubru 2015, u r-ratifika mill-Assemblea tal-Kosovo fit-2 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-attivitajiet imwettqa attwalment mill-Missjoni ta' Amministrazzjoni Temporanja tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo u l-iżviluppi relatati magħhom, inkluż l-aħħar rapport li nħareġ fit-3 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-proproga tal-mandat sat-28 ta' Frar 2015 tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għal Kosovo, Samuel Žbogar,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Novembru 2015 intitolata "Strateġija tal-UE għat-Tkabbir" (COM(2015)0611),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar it-tkabbir u l-proċessi ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tas-7 ta' Diċembru 2009, tal-14 ta' Diċembru 2010 u tal-5 ta' Diċembru 2011, li enfasizzaw u affermaw mill-ġdid, rispettivament, li l-Kosovo, mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Istati Membri dwar l-istatus tiegħu, għandu wkoll igawdi mill-prospettiva tal-liberalizzazzjoni eventwali tal-viża ladarba jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha,

–  wara li kkunsidra t-tnedija ta' djalogu dwar il-kwistjoni tal-viża f'Jannar 2012, il-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża f'Ġunju 2012 u t-tieni rapport tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 2014 dwar il-progress li għamel il-Kosovo biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali għal-liberizzazzjoni tal-viża (COM(2014)0488), u l-missjoni ta' esperti tal-Kummissjoni f'Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1244(1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, l-Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tat-22 ta' Lulju 2010 dwar il-konformità mad-dritt internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza tal-Kosovo, u r-riżoluzzjoni 64/298 tad-9 ta' Settembru 2010 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, li rrikonoxxiet il-kontenut tal-opinjoni tal-QIĠ u laqgħat pożittivament id-disponibbiltà tal-UE li taġevola d-djalogu bejn is-Serbja u l-Kosovo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-laqgħat interparlamentari bejn il-Parlament Ewropew u l-Kosovo tat-28 u d-29 ta' Mejju 2008, tas-6 u s-7 ta' April 2009, tat-22 u t-23 ta' Ġunju 2010, tal-20 ta' Mejju 2011, tal-14 u l-15 ta' Marzu 2012, tat-30 u l-31 ta' Ottubru 2013, u tad-29 u t-30 ta' April 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tal-2015 tal-Kummissjoni dwar il-Kosovo tal-10 ta' Novembru 2015 (SWD(2015)0215),

–  wara li kkunsidra ir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ħidma ta' Ulrike Lunacek bħala r-rapporteur permanenti għall-Kosovo fil-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi 110 mill-193 stat membru tan-NU, inklużi 23 mit-28 Stat Membru tal-UE, jirrikonoxxu l-indipendenza tal-Kosovo;

B.  billi l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Kosovo ġie ffirmat fis-27 ta' Ottubru 2015 u ratifikat mill-Assemblea tal-Kosovo fit-2 ta' Novembru 2015; billi l-Parlament Ewropew se jagħti l-kunsens tiegħu f'Jannar 2016;

C.  billi kull pajjiż kandidat (potenzjali) se jiġi ġġudikat fuq il-merti tiegħu stess, u billi r-rapidità u l-kwalità tar-riformi meħtieġa jiddeterminaw il-kalendarju għall-adeżjoni;

D.  billi l-UE tenniet għal bosta drabi r-rieda tal-Unjoni Ewropea li tassisti l-iżvilupp ekonomiku u politiku tal-Kosovo permezz ta' perspettiva Ewropea ċara, f'konformità mal-perspettiva Ewropea tar-reġjun;

E.  billi l-UE poġġiet l-istat tad-dritt fil-qalba tal-politika ta' tkabbir tagħha;

F.  billi l-UE enfasizzat il-ħtieġa li jissaħħu l-governanza ekonomika, l-istat tad-dritt u l-kapaċità tal-amministrazzjoni pubblika fil-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent;

G.  billi l-mandat tal-EULEX se jiskadi fl-14 ta' Ġunju 2016; billi r-rieżami strateġiku tal-missjoni tal-EULEX Kosovo għadu għaddej;

1.  Jilqa' l-iffirmar tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn l-UE u l-Kosovo fis-27 ta' Ottubru 2015, bħala l-ewwel relazzjoni kuntrattwali, u r-ratifikazzjoni rapida mill-Assemblea tal-Kosovo fit-2 ta' Novembru 2015; jenfasizza li l-FSA jwitti t-triq għall-integrazzjoni tal-Kosovo fl-UE u se jagħti inċentiv qawwi għall-implimentazzjoni u l-istituzzjonalizzazzjoni tar-riformi u se jippermetti l-istabbiliment ta' kooperazzjoni mal-UE f'firxa wiesgħa ta' oqsma, bl-għan li jissaħħu d-djalogu politiku u l-integrazzjoni kummerċjali aktar mill-qrib, flimkien mat-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien u tingħata għajnuna biex tiġi żgurata l-istabbiltà reġjonali; jistieden lill-Gvern tal-Kosovo jiffoka fuq l-implimentazzjoni tar-riformi komprensivi meħtieġa biex jonora l-obbligi tiegħu taħt l-FSA;

2.  Jilqa' l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' pakkett li jappoġġa r-riformi u l-kooperazzjoni reġjonali fil-Balkani tal-Punent – pakkett li jesprimi l-impenn tal-UE li tappoġġa l-proċess ta' riforma politika u ekonomika fil-pajjiżi fit-triq tal-adeżjoni tagħhom mal-UE;

3.  Jissottolinja li l-FSA għandu l-għan li jippromwovi l-istandards Ewropej f'oqsma bħall-kompetizzjoni, l-akkwist pubbliku, il-proprjetà intellettwali, il-protezzjoni tal-konsumatur, u li jistabbilixxi żona ta' kummerċ ħieles bħala pass tanġibbli lejn l-integrazzjoni ekonomika tal-Kosovo fl-UE;

4.  Jilqa' l-progress li sar fl-2015 fejn intlaħaq qbil fil-qafas tal-proċess tan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-Kosovo u s-Serbja, jiġifieri dwar l-istabbiliment tal-Assoċjazzjoni/Komunità ta' muniċipalitajiet b'maġġoranza Serba fil-Kosovo, dwar l-enerġija, dwar il-pont Mitrovicë/Mitrovica, inkluż il-ftehimiet tal-25 ta' Awwissu 2015 dwar it-telekomunikazzjonijet, u ta' Ġunju 2015 dwar l-assigurazzjoni tal-vetturi, u ta' Frar 2015 dwar il-ġudikatura; jappoġġa l-isforzi kontinwi ta' medjazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) bl-għan li r-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo jiġu normalizzati, li s'issa dan għadu ma nkisibx kompletament; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) iwettaq valutazzjoni globali estensiva dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet kollha li ġew iffirmati s'issa fir-rigward tal-adozzjoni tal-liġijiet fuq il-post, u jirrapporta b'mod regolari dwar dan lill-Parlament Ewropew kif ukoll lill-parlamenti tal-Kosovo u tas-Serbja; iħeġġeġ lill-VP/RGħ tidentifika n-nuqqasijiet billi tesiġi li l-partijiet jonoraw l-impenji tagħhom, u jistieden lis-Serbja u lill-Kosovo jżommu lura mir-retorika negattiva, jimxu 'l quddiem bl-implimentazzjoni sħiħa, b'bona fide u b'mod tempestiv, tal-ftehimiet kollha li s'issa ġew maqbula u jkomplu b'mod determinat il-proċess ta' normalizzazzjoni; jenfasizza li d-djalogu kontinwu u kostruttiv bejn Pristina u Belgrad u l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet maqbula huma kruċjali għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet tagħhom;

5.  Jinsab imħasseb dwar l-għadd għoli ta' persuni li għebu waqt il-perjodu tal-gwerra u li sar ftit progress f'dan ir-rigward; jappella għall-kooperazzjoni interstatali sħiħa f'dan ir-rigward, peress li kooperazzjoni sħiħa biex tinstab il-verità dwar il-persuni li għebu hija kruċjali għar-rikonċiljazzjoni reċiproka;

6.  Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Muniċipalitajiet Serbi u japella għall-abbozzar ta' leġiżlazzjoni u statuti relevanti f'konformità ma' dik id-deċiżjoni; japella għall-implimentazzjoni sħiħa u impenjata tal-ftehimiet maqbula; jappella għar-rispett tal-istat tad-dritt, jiddispjaċih li l-isforzi tal-oppożizzjoni ma approfittawx minn din is-sospensjoni biex ikomplu d-djalogu parlamentari, u jinkoraġġixxi lill-forzi politiċi kollha jaġixxu b'mod kostruttiv fl-interess ta' pajjiżhom, tal-istituzzjonijiet demokratiċi u taċ-ċittadini tagħhom; iqis li r-rispett sħiħ tar-regoli tad-demokrazija, id-djalogu politiku u l-ħidma parlamentari mingħajr xkiel bħala essenzjali għall-implimentazzjoni tal-aspetti kollha tal-aġenda tar-riforma tal-Kosovo; jikkundanna bil-qawwa l-ostakli vjolenti fl-Assemblea, jappella biex jiġu evitati aktar protesti vjolenti fl-Assemblea, u jenfasizza li l-Membri tal-Parlament eletti għandhom jiltaqgħu u jiddiskutu fl-Assemblea b'rispett sħiħ lejn l-istituzzjoni; jenfasizza li l-Gvern għandu jirrispetta r-riżoluzzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Parlament u għandu jirrapporta, kif meħtieġ mill-korp leġiżlattiv, qabel ma jiddeċiedi li jiffirma ftehimiet ma' stati oħra; jilqa', f'dan ir-rigward, il-proposta li hija preparata sew tal-20 ta' Novembru 2015 minn żewġ Membri Parlamentari Kosovjani rispettivament mill-koalizzjoni fil-gvern u mill-oppożizzjoni; jistieden lill-atturi politiċi kollha jkomplu d-djalogu politiku sabiex iħollu l-istall u jsibu soluzzjoni prattika li trodd lura l-funzjonalità normali tal-Assemblea tal-Kosovo; jistieden lill-mexxejja kollha tal-Kosovo jindirizzaw din is-sitwazzjoni b'importanza kbira u jaġixxu b'mod responsabbli, filwaqt li jżommu f'moħħhom li l-Assemblea hija eletta mill-poplu tal-Kosovo għall-poplu tal-Kosovo; jinsab imħasseb bil-kbir dwar atti ta' vjolenza ripetuti u jistieden lill-awtoritajiet inkarigati mill-infurzar tal-liġi jwettqu d-dmirijiet tagħhom f'konformità sħiħa mal-proċeduri legali; jinnota bi tħassib li l-avvenimenti li wasslu għall-arrest ta' xi Membri tal-Parlament, u jappella li ssir investigazzjoni dwar abbużi eventwali ta' poter fir-rigward tal-arresti li twettqu; iħeġġeġ lill-Assemblea tal-Kosovo tikkjarifika r-regoli dwar it-tneħħija tal-immunità tal-membri tagħha; jieħu nota tat-talba tal-Ombudsman lill-Prosekutur tal-Istat ta' Pristina biex iniedi investigazzjoni dwar l-intervent tal-pulizija fit-28 ta' Novembru 2015;

7.  Jenfasizza li l-Assemblea teħtieġ li ssir aktar effiċjenti u tikkonforma mar-reġoli ta' proċedura tagħha stess fiċ-ċirkostanzi kollha, u li l-gvern għandu jirrispetta dawn ir-regoli; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol superviżorju tal-Assemblea, u b'mod partikolari, jistieden lill-Assemblea tadotta kemm jista' jkun malajr leġiżlazzjoni li tipprevedi rwol imsaħħaħ għall-Kumitat għall-Integrazzjoni mal-UE fil-proċess tal-integrazzjoni tal-Kosovo, u li tipprevedi l-involviment sħiħ tal-oppożizzjoni f'dan il-proċess; jinkoraġġixxi lill-Assemblea tikkonsulta regolarment, u tinvolvi lill-Kummissjoni ta' Venezja matul il-konsiderazzjoni tal-leġiżlazzjoni; jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jinħatru membri kompetenti għal korpi regolatorji u ta' sorveljanza biex jiġi żgurat il-funzjonament proprju tal-amministrazzjoni tal-istat, abbażi ta' proċess ta' għażla li jkun ibbażat fuq il-mertu, trasparenti u mhux politiku;

8.  Jieħu nota li ħames Stati Membri ma rrikonoxxewx formalment lil Kosovo, u huwa tal-opinjoni li aktar rikonoxximenti għandhom jgħinu t-tisħiħ tal-istabbiltà fir-reġjun, jiffaċilitaw aktar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo u jżiedu l-kredibbiltà tal-UE fir-rigward tal-politika esterna tagħha; f'dan ir-rigward jilqa' b'mod pożittiv id-deċiżjoni tal-ħames Stati Membri li ma rrikonoxxewx lil Kosovo biex fil-Kunsill jiffaċilitaw l-approvazzjoni tal-FSA; jistieden lill-Istati Membri kollha jagħmlu l-almu tagħhom biex jiffaċilitaw il-kuntatti ekonomiċi u bejn il-persuni, u r-relazzjonijiet soċjali u bejn iċ-ċittadini tagħhom u dawk tal-Kosovo, fl-ispirtu tal-FSA u l-istabbiliment tar-relazzjonijiet kuntrattwali formali; jilqa' s-sottomissjoni mill-Kosovo tal-ewwel Programm ta' Riforma Ekonomika, li huwa mistenni li jkun l-ewwel pass għall-approfondiment tad-djalogu ekonomiku mal-UE;

9.  Jilqa' b'mod pożittiv il-ħidma mwettqa mill-awtoritajiet tal-Kosovo biex itemmu x-xejra tal-migrazzjoni irregolari li kienet fl-aqwa tagħha fil-bidu tal-2015; jenfasizza li l-miżuri f'terminu qasir li għandhom l-għan li jiddiswadu lill-popolazzjoni milli titlaq għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri ta' żvilupp soċjo-ekonomiċi u li joħolqu x-xogħol biex b'hekk jinkoraġġixxu liċ-ċittadini jibqgħu fil-Kosovo u jibnu l-futur tagħhom f'pajjiżhom; jinsab konvint li l-liberalizzazzjoni tal-viża se tgħin ukoll għat-trażżin tal-immigrazzjoni irregolari, peress li se tippermetti kuntatti bejn il-persuni, u tiftaħ il-possibbiltajiet li ċ-ċittadini jivvjaġġaw 'il barra minn pajjiżhom bħala turisti u jżuru lill-qrabathom u sħabhom mingħajr ma jħabbtu wiċċhom ma' proċeduri twal u għaljin għall-viża, u tindirizza s-sens tagħhom ta' iżolament; itenni l-periklu potenzjali li l-Kosovo jkun l-uniku territorju "magħluq" u "iżolat" għal żmien twil ħafna fir-reġjun; iħeġġeġ, bl-istess mod, li Pristina tieħu miżuri effikaċi biex tiġġieled in-netwerks kriminali li jittraffikaw il-bnedmin; huwa tal-opinjoni li jekk il-Kosovo jiġi deżinjat bħala pajjiż ta' oriġini sikur fuq il-lista komuni tal-UE ta' pajjiżi ta' oriġini sikur jgħin sabiex tiġi miġġielda l-migrazzjoni irregolari;

10.  Jilqa' l-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża; jistieden lill-awtoritajiet jimplimentaw b'mod rapidu u kompletament il-kriterji kollha meħtieġa; jistieden lill-Kummissjoni żżid il-ħidma tagħha dwar il-proċess tal-liberalizzazzjoni tal-viża; huwa preparat li japprova, u jistieden lill-Kunsill japprova malajr, is-sistema ta' vjaġġar mingħajr viża għall-Kosovo, hekk kif il-Kummissjoni tkun stabbiliet fi żmien utli li l-kriterji tekniċi kollha ġew issodisfati; jesprimi, fl-istess ħin, il-ħtieġa li t-traffikanti tal-bnedmin u l-kuntrabandisti jkomplu jiġu mfittxija u proċessati sabiex l-attivitajiet illegali tagħhom jiġu skoraġġuti; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE kollha, b'mod partikolari l-Kummissjoni, jgħaġġlu l-proċess tal-liberalizzazzjoni tal-viża fir-rigward tal-Kosovo, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo jissodisfaw l-impenji tagħhom u jimplimentaw il-parametri li għad baqa' bl-għan li l-Kosovo jidħol fir-reġim mingħajr viża matul l-2016, b'hekk il-poplu tal-Kosovo jinġieb aktar qrib tal-UE;

11.  Jappoġġa t-tkomplija tad-diskussjonijiet dwar il-ftehim qafas li se jippermetti lil Kosovo jipparteċipa fil-programmi tal-UE;

12.  Jilqa' l-adozzjoni tal-pakkett ta' leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, li jsaħħaħ l-istabbiliment istituzzjonali għas-superviżjoni tal-protezzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-importanza kruċjali tal-implimentazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni; jilqa', b'mod partikolari, l-istabbiliment u l-ħatra tal-Ombudsman, b'mod speċjali bl-għan li tiġi stabbilita l-fiduċja soċjali fis-soċjetà tal-Kosovo; jiddispjaċih, madankollu, li xogħolu huwa mfixkel bin-nuqqas ta' uffiċċji adegwati, u jistieden lill-awtoritajiet jipproċedu b'mod rapidu biex jallokaw bini ġdid għall-uffiċċju, f'konformità mal-Prinċipji ta' Pariġi; jistieden lill-awtoritajiet irendu kompletament operattivi l-istituzzjonijiet indipendenti u l-korpi regolatorji eżistenti;

13.  Jinnota bi tħassib li r-rieda politika tal-awtoritajiet li jimpenjaw ruħhom b'mod ġenwin mas-soċjetà ċivili għadha dgħajfa ħafna; jistieden lill-awtoritajiet jimplimentaw b'bona fide il-qafas legiżlattiv għall-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili, b'mod partikoli billi l-Kunsill Konsultattiv Konġunt jingħata r-riżorsi neċessarji kollha; jistieden lill-Uffiċċju tal-UE jinkoraġġixxi, u jekk ikun meħtieġ, jiffaċilita tali konsultazzjoni;

14.  Jilqa', barra minn hekk, l-adozzjoni f'Mejju 2015 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni mid-Diskriminazzjoni, u l-mandat li ngħata lill-Ombudsman biex jagixxi bħala korp għall-ugwaljanza; jibqa' mħasseb dwar il-livell baxx tal-ipproċessar u l-investigazzjoni ta' każijiet ta' inċitament għall-mibegħda, b'mod speċjali fil-mira ta' persuni LGBTI u komunitajiet ta' minoranza; jinkoraġġixxi lill-Grupp ta' Konsulenza u Koordinament għad-Drittijiet tal-Komunità LGBTI jsegwi b'mod attiv dawn il-każijiet u dan it-tħassib;

 

15.  Jilqa' wkoll l-adozzjoni tal-Ligi dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, u jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jindirizzaw l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi bħala prijorità u jaċċertaw li l-korpi u l-awtoritajiet governattivi jmexxu bl-eżempju; jinsab imħasseb dwar l-isfidi strutturali li jostakolaw l-implimentazzjoni ta' din il-liġi; jibqa' mħasseb dwar in-nuqqas ta' rappreżentanza tan-nisa f'pożizzjonijiet ta' teħid tad-deċiżjonijiet; jinsab imħasseb bil-fatt li ma sar l-ebda progress biex tiġi miġġielda l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jinkoraġixxu b'mod pubbliku u jdaħħlu fis-seħħ mekkaniżmi ta' protezzjoni u miżuri ta' kenn għan-nisa li jkissru s-silenzju u jirrapportaw il-vjolenza domestika; jinsab imħasseb bil-livell baxx ta' sjieda ta' proprjetà min-nisa; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw b'mod attiv li d-drittijiet tal-proprejtà tan-nisa huma mħarsa, inkluż bir-reġistrazzjoni tal-koproprjetarji kollha mill-uffiċjali katastali u tar-reġistrazzjoni, u permezz ta' kampanja ta' informazzjoni;

16.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li matul is-sena li għaddiet sar vera ftit progress fil-qasam tal-libertà tal-espressjoni u tal-midja; jinsab imħasseb li l-ġurnalisti jaffaċċjaw vjolenza u theddid fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom, u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi msaħħa l-protezzjoni tal-ġurnalisti permezz ta' rispons sistematiku, denunzi pubbliċi, investigazzjoni u aġġudikazzjoni f'waqthom ta' każijiet ta' attakki kontra l-ġurnalisti; jenfasizza li jeħtieġ li jsir aktar progress fil-qasam tal-indipendenza tal-midja; jistieden lill-awtoritajiet jittrattaw b'mod rapidu l-lakuni sistematiċi fil-leġiżlazzjoni sabiex jiżguraw il-libertà tal-midja, b'mod partikolari fir-rigward tat-trasparenza tas-sjieda tal-midja u s-sostenbbiltà tax-xandir pubbliku, wara li jkun hemm proċess ta' konsultazzjoni pubblika li jkun eżawrjenti u komprensiv; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jimplimentaw b'mod effikaċi l-leġiżlazzjoni dwar il-libell, id-diskors ta' mibegħda u l-malafama;

17.  Ifakkar li l-Kosovo u s-Serbja jeħtieġ li jsibu soluzzjonijiet sostenibbli għar-refuġjati, skont il-konklużjonijiet tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati (UNHCR) f'dan ir-rigward, u skont ir-rapport tal-2014 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-persuni spustati internament;

18.  Jinnota li jeħtieġ li jsiru aktar sforzi biex jiġu protetti u garantiti fil-prattika d-drittijiet tal-minoranzi etniċi kollha fil-Kosovo, inkluż il-komunitajiet Rom, Askhali u Eġizzjani kif ukoll il-komunità Gorani, permezz tal-implimentazzjoni kompleta tal-leġiżlazzjoni rilevanti, filwaqt li jittieħed kont tal-aħjar prattiki mir-reġjun u minn Stati Membri tal-UE; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali jżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw il-liġijiet adottati sabiex ikunu jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp kontinwu ta' soċjetà multi-etnika, b'mod partikolari fir-rigward tal-edukazzjoni u l-impjieg tal-minoranzi, u bl-għan li tiġi evitata d-diskriminazzjoni diretta u indiretta; jilqa' d-"Dikjarazzjoni ta' Pristina" li titlob lill-gvernijiet, lill-organizzazzjonijiet internazzjonali, intergovernattivi u tas-soċjetà ċivili japplikaw bir-reqqa l-prinċipji ta' nondiskriminazzjoni u ugwaljanza meta jaħdmu u jieħdu azzjoni f'dak li jikkonċerna l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tar-Rom u l-glieda kontra l-anti-Żingariżmu fil-Balkani tal-Punent;

19.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' xi progress sinifikanti fil-ġlieda kontra l-korruzjoni fil-livelli għolja u l-kriminalità organizzata, u l-kisba ta' sensiela ta' riżultati tajba ta' prosekuzzjonijijiet u kundanni; jenfasizza li l-kriminalità organizzata għadha kwistjoni ta' tħassib kbir; jinnota li l-Gvern tal-Kosovo jeħtieġ jagħti sinjal ċar u espliċitu li l-pajjiż qiegħed iwettaq ġlieda sistematika kontra l-korruzzjoni fil-livelli kollha; jistieden lill-awtoritajiet jadottaw mingħajr dewmien approċċ komprensiv u strateġiku għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni endemika, li tibqa' ostaklu sinifikanti għall-iżvilupp demokratiku, soċjali u ekonomiku tal-Kosovo; jistieden lill-Aġenzija kontra l-Korruzzjoni tal-Kosovo tniedi aktar investigazzjonijiet, u lis-servizz ta' prosekuzzjoni jsegwi l-każijiet mibgħuta mill-Aġenzija kontra l-Korruzzjoni; jenfasizza li t-trasparenza tal-proċedimenti hija element essenzjali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u biex jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali huma mħarsa; jissottolinja wkoll ir-rwol u r-responsabbiltà tal-elit politiku fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

20.  Jilqa' żieda fl-isforzi u l-impenn b'saħħtu fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-ġlieda kontra t-terroriżmu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jindirizzaw il-kawżi tar-radikalizzazzjoni, b'mod partikolari l-qgħad għoli fost iż-żgħażagħ u l-estremiżmu vjolenti; jilqa' l-partiċipazzjoni tal-Kosovo fil-koalizzjoni għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-miżuri li l-awtoritajiet qegħdin jieħdu biex jipprevjenu liż-żgħażagħ milli jiġu radikalizzati; jistieden lill-awtoritajiet jimmonitorjaw mill-qrib u jipprevjenu l-mobilizzazzjoni ta' ġellieda barranin u terroristi Iżlamisti potenzjali; jilqa' l-fatt li l-kostituzzjoni tal-Kosovo tnaqqax il-prinċipju li l-Kosovo huwa stat sekulari u newtrali fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' twemmin reliġjuż;

21.  Jinnota li, skont il-Ministru għall-Affarijiet Interni tal-Kosovo, madwar 300 ċittadin tal-Kosovo ngħaqdu ma' gruppi ta' ġiħadisti fis-Sirja u l-Iraq, u li ħafna minnhom diġà rritornaw lejn il-Kosovo; jilqa' l-miżuri li ttieħdu mill-gvern biex jingħataw sentenzi ta' priġunerija għaċ-ċittadini li pparteċipaw f'attivitajiet terroristiċi;

22.  Jinnota li sar xi ftit ta' progress fir-rigward tas-settur ġudizzjarju, permezz tal-adozzjoni ta' xi leġiżlazzjoni rilevanti; jenfasizza l-ħtieġa li l-implimentazzjoni konkreta u effettiva tal-legiżlazzjoni titmexxa mingħajr dewmien; jibqa' mħasseb bil-kbir dwar l-amministrazzjoni tal-ġustizzja li timxi b'pass kajman, l-għadd kbir ta' akkumulu ta' kawżi, in-nuqqas ta' riżorsi tas-sistema ġudizzjarja, in-nuqqas ta' obbligu ta' rendikont u responsabbiltà tal-uffiċjali ġudizzjarji, u l-possibbiltà ta' influwenza politika fuq l-istrutturi ġudizzjarji, li kollha kemm huma għadhom mhumiex indirizzati sew fil-leġiżlazzjoni, u jenfasizza l-importanza li jkun hemm sistema ġudizzjarja li tiffunzjona sew b'regoli stabbiliti fir-rigward tat-tul taż-żmien biex jiġu pproċessati l-kawżi fil-qorti; jilqa' l-passi li saru fl-integrazzjoni tal-ġudikatura fit-Tramuntana, billi xi pożizzjonijiet imtlew minn imħallfin u prosekuturi Serbi tal-Kosovo; jistieden lill-awtoritajiet politiċi juru b'mod ċar l-appoġġ sħiħ tagħhom għall-indipendenza tal-imħallfin u l-prosekuturi, li għadhom qed ikunu fil-mira f'tentattivi biex jinfluwenzaw investigazzjonijiet u proċedimenti ġudizzjarji li għaddejjin; jistieden lill-awtoritajiet ibiddlu l-kostituzzjoni biex jiżguraw li l-maġġoranza tal-membri tal-Kunsill Ġudizzjarju tal-Kosovo jiġu eletti mill-kollegi tagħhom, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja;

23.  Jistieden lill-Kosovo jsegwi l-linji tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE;

24.  Jieħu nota tajba tal-adozzjoni tal-emendi kostituzzjonali li jistabbilixxu l-Kmamar tal-Ispeċjalisti u Uffiċċju Speċjalizzat tal-Prosekuzzjoni; jilqa' l-finalizzazzjoni tan-negozjati bejn il-Kosovo u n-Netherlands dwar il-ftehim dwar l-istat ospitanti, u jistenna li l-Kmamar tal-Ispeċjalisti jkunu operattivi għalkollox mill-aktar fis possibbli, u li l-Uffiċċju Speċjalizzat tal-Prosekuzzjoni jkollu persunal biżżejjed biex iwettaq il-kompiti tiegħu; jistieden lill-Kmamar tal-Ispeċjalisti u lill-Uffiċċju Speċjalizzat tal-Prosekuzzjoni jibbażaw ruħhom fuq l-esperjenza u l-aħjar prattiki tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (ICTY), skont id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali rilevanti dwar l-istabbiliment tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jikkooperaw bis-sħiħ mal-qorti l-ġdida; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jipprovdu fondi biżżejjed għall-funzjonament tal-Kmamar;

25.  Iqis li r-rieżami tal-EULEX u t-tneħijja gradwali eventwali tagħha għandhom jimxu id f'id mat-tisħiħ u t-twessigħ tal-mandat tar-RSUE, ħalli jiġi żgurat li l-RSUE jkollha l-kapaċita meħtieġa għall-attivitajiet ta' Monitoraġġ, Mentoring u Konsulenza, it-tisħiħ tal-proċess tal-integrazzjoni tal-Kosovo mal-UE, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, u l-prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra; jitlob, sadanittant, għal effikaċja akbar, kif ukoll trasparenza sħiħa u responsabilità sħiħa, min-naħa tal-missjoni tal-EULEX waqt il-mandat tagħha; jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2015 dwar il-mandat tal-EULEX, u jappella lill-Kosovo biex jikkontribwixxi biex il-EULEX teżegwixxi b'mod sħiħ u bla xkiel il-mandat imġedded tagħha; jenfasizza li r-reviżjoni tal-mandat għandha tapplika s-sejbiet, u timplimenta r-rakkomandazzjonijiet, li saru fir-rapport tal-Professur Jean-Paul Jacqué insegwitu tal-allegazzjoni ta' korruzzjoni fi ħdan il-EULEX; iħeġġeġ lill-EULEX jilħaq ftehim mal-UNMIK fuq it-trasferiment ta' fajls miftuħa lill-awtoritajiet rilevanti tal-Kosovo; jistieden lill-Istati Membri jissekondaw esperti kwalifikati u mħarrġa sew għall-perjodu ta' żmien meħtieġ u jiżgurawl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-servizzi nazzjonali ladarba tkun intemmet il-missjoni tagħhom;

26.  Jiddeplora ċ-ċaħda tal-applikazzjoni tal-Kosovo għall-adeżjoni mal-UNESCO, dovuta wkoll għall-imblukkar attiv min-naħa tas-Serbja – li jikkontradixxi l-impenn tagħha li tiżviluppa relazzjonijiet ta' bon viċinat – iżda dovuta wkoll għal nuqqas ta' unanimità fost l-Istati Membri; jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-liġi li tipproteġi l-wirt storiku ta' Prizren u jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tagħha, iżda jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għat-theddidiet li għalihom huwa espost il-wirt tal-belt mill-ħafna bini illegali; jilqa' l-fatt li għadd ta' siti ta' wirt reliġjuż u kulturali Serb li sfortunatament ġew meqruda fl-2004 ġew rinnovati, bħalma hu l-katidral Ortodoss, u jitlob għat-tkomplija tar-rinnovazzjoni tal-wirt reliġjuż u kulturali Serb; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-partijiet interessati, inklużi l-awtoritajiet tal-Kosovo, lill-Gvern Serb, lill-komunità Serba fil-Kosovo u lill-Knisja Ortodossa Serba, isibu sistema għall-promozzjoni, il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-wirt kulturali u reliġjuż tal-Kosovo, li għandu jiġi ttrattat bħala wirt Ewropew komuni; jilqa' l-fatt li l-kostituzzjoni tal-Kosovo għandha minqux fiha l-impenn tal-Kosovo lejn il-preservazzjoni u l-protezzjoni tal-wirt kulturali u reliġjuż tiegħu, u jitlob li jkomplu jsiru aktar sforzi biex jiġu mħarsa d-drittijiet tal-minoranzi reliġjużi kollha; jissottolinja l-fatt li għandha tkun prijorità għall-Kosovo li jingħaqad ma' organizzazzjonijiet u mekkaniżmi internazzjonali u reġjonali; ifakkar, f’dan il-kuntest, fl-importanza tal-konformità mal-ftehim milħuq dwar il-kooperazzjoni reġjonali; jemmen li l-istabbiliment tal-Uffiċċju Reġjonali tal-Kooperazzjoni taż-Żgħażagħ tal-Balkani tal-Punent (fil-qafas tal-Proċess ta' Berlin), li qed jiġi promoss b'mod attiv minn ħafna, se jġib riżultati pożittivi, b'mod partikolari fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn iż-żgħażagħ tas-Serbja u tal-Kosovo;

27.  Jilqa' l-istedina lill-Assemblea tal-Kosovo biex tipparteċipa fuq bażi permanenti, fil-livelli kollha u fuq termini indaqs, fl-attivitajiet u l-laqgħat tal-Assemblea Parlamentari tal-Proċess ta' Kooperazzjoni fl-Ewropa tax-Xlokk (SEECP-PA), kif ġie deċiż f' Mejju 2015, u jqis li dan huwa kontribuzzjoni importanti għad-djalogu parlamentari reġjonali; jiddispjaċih li l-Assemblea tal-Kosovo ma ġietx aċċettata bħala membru sħiħ ta' inizjattivi ta' kooperazzjoni parlamentari reġjonali oħra, bħalma huma l-Konferenza tal-Balkani tal-Punent tal-Kumitati għall-Integrazzjoni Ewropea tal-Istati li jipparteċipaw fil-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni (COSAP) u n-Netwerk ta' Kumitati Parlamentari għall-Ekonomija, il-Finanzi u l-Integrazzjoni Ewropea tal-Balkani tal-Punent (NPC) jistieden lill-parlamenti kollha tar-reġjun jadottaw approċċ aktar inklużiv fil-konfronti tat-talbiet mill-Assemblea tal-Kosovo għal sħubija f'inizjattivi reġjonali, u b'hekk jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali;

28.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kosovo biex jikkonkludi l-qafas leġiżlattiv għas-servizz ċivili u jimplimenta bis-sħiħ il-qafas strateġiku għall-amministrazzjoni pubblika u l-pjan ta' azzjoni; jistieden lill-awtoritajiet iwaqqfu l-politiċizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, jippromwovu l-professjonalità meritokratika fl-istituzzjonijiet pubbliċi kollha, jiżguraw ġestjoni finanzjarja tajba tal-istituzzjonijiet pubbliċi, u jiżguraw it-trasparenza fis-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-baġit min-naħa tal-Assemblea ;

29.  Jenfasizza l-importanza li jiżdied il-finanzjament tal-proġetti għall-NGOs tal-Kosovo li għandhom l-għan li jmexxu 'l quddiem il-prinċipji tal-governanza tajba, iżidu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, isaħħu l-mekkaniżmi istituzzjonali fi ħdan is-sistema ġudizzjarja, jikkonsolidaw aktar id-demokrazija istituzzjonali u soċjali, u jżidu l-isforzi tagħhom biex jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet tal-gruppi emarġinati u tal-minoranzi etniċi;

30.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar ir-rata għolja tal-qgħad, b'mod partikolari fost in-nisa u ż-żgħażagħ, u jikkundanna d-diskriminazzjoni ġenerali kontra n-nisa fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol; jenfasizza l-ħtieġa li liż-żgħażagħ tal-Kosovo jingħatawlhom prospetti għall-futur; jistieden lill-Kosovo jiffoka fuq it-tneħħija tad-diskrepanza fil-ħiliet fis-suq tax-xogħol, ineħħi kwalunkwe ostakolu amministrattiv li jista' jwassal għal prattiki diskriminatorji u jtejjeb l-ambjent ġenerali tan-negozju fil-pajjiż, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; jisiteden lill-Kummissjoni tagħti aktar għajnuna lill-imprendituri żgħażagħ bħala parti mill-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA), b'enfasi partikolari fuq korsijiet ta' taħriġ, sessjoni ta' ħidma u l-iskambju ta' know-how, inklużi miżuri biex jiġu ffaċilitati rabtiet ma' intraprendituri mill-Istati Membri tal-UE, filwaqt li fl-istess ħin tagħmel kull sforz biex tipprevjeni l-eżodu tal-imħuħ, b'mod partikolari wara d-dħul fis-seħħ tal-FSA;

31.  Jirrimarka li r-riformi strutturali jibqgħu essenzjali bil-għan li jiżdied it-tkabbir potenzjali, tingħata spinta lill-produttività u tittejjeb il-flessibilità u l-kompetittività tal-ekonomija tal-Kosovo; japprova l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-Kosovo għandu jsaħħaħ il-qafas fiskali għall-futur medju, itejjeb it-trasparenza tal-finanzi pubbliċi, iċaqlaq in-nefqa tal-baġit lejn miżuri ta' tkabbir u l-investiment dirett barrani u r-rimessi jiġu diretti għal ġo setturi produttivi; jistieden lill-Kosovo jħaffef ir-ristrutturar tal-intrapriżi pubbliċi, itejjeb il-proċeduri ta' falliment finanzjarju u insolvenza u jnaqqas id-dipendenza tiegħu mid-dazji doganali billi jwessa' l-bażi tat-taxxa nazzjonali tiegħu u jimmodernizza l-ġbir tad-dħul tiegħu;

32.  Jenfasizza li r-riformi tas-suq tax-xogħol, ikkumplimentati minn riformi fl-edukazzjoni, huma kruċjali minħabba r-rata għolja tal-qgħad u r-rati baxxi ta' attività fil-qasam tax-xogħol; jenfasizza li huma meħtieġa aktar sforzi bil-għan li s-sistema edukattiva tkun taqdi aħjar il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari billi l-qafas tal-kurrikulu jiġi mmodifikat għall-edukazzjoni preuniversitarja; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li s-sistema tal-edukazzjoni vokazzjonali tiġi estiża, ħaġa li għandha tiġi kkumplementati b'politiki attivi tas-suq tax-xogħol;

33.  Jinnota li l-Kosovo tinsab fi stadju bikri tal-iżvilupp ta' ekonomija funzjonali; jilqa' l-fatt li xi progress sar fil-qasam tal-industrija u l-SMEs; iħeġġeġ li jkomplu jitnaqqsu l-piżijiet minn fuq l-SMEs, u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi implimentata valutazzjoni regolatorja tal-impatt fir-rigward tal-SMEs, flimkien ma' appoġġ għan-negozji ġodda u għall-kumpaniji innovattivi li jirrappreżentaw valur miżjud għoli, bil-għan li tiġi inkoraġġita l-attività intraprenditorjali li se jkollha benefiċċji kemm soċjali u kemm ekonomiċi; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tagħti aktar għajnuna lill-intraprendituri żgħażagħ permezz ta' fondi tal-IPA, inklużi miżuri biex jiġu ffaċilitati rabtiet ma' intraprendituri mill-Istati Membri tal-UE u l-involviment tal-assoċjazzjonijiet tal-intraprenditorija tal-Kosovo fil-Konfederazzjoni Ewropea tal-Intraprendituri Żgħażagħ, b'mod partikolari wara d-dħul fis-seħħ tal-FSA; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-Kosovo joħolqu opportunitajiet ta' finanzjament ta' investimenti għall-intrapriżi soċjali u sostenibbli bil-għan li jittrattaw b'mod determinat l-isfidi tal-indirizzar tal-problemi soċjali u tal-iżgurar tat-tkabbir sostenibbli;

34.  Itenni l-importanza li jiġi żgurat li l-Kosovo jiġi assenjat kodiċi telefoniku internazzjonali għalih mill-aktar fis possibbli, peress li dan se jgħin biex jingħata viżibbiltà internazzjonali akbar; jistieden lill-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (UIT) timxi 'l quddiem dwar dan il-ftehim;

35.  Jenfasizza kemm hu importanti li jiġu rrispettati s-sensitivitajiet tal-komunitajiet kollha meta jkunu qed jinħarġu l-istediniet, bħalma kien il-każ bil-Ġeneral Diković, u jistieden lill-KFOR jaġixxi b'kollaborazzjoni mal-awtoritajiet tal-Kosovo bil-għan li jiġu evitati mossi li jkunu joffendu l-memorja tal-vittmi u jagħmlu ħsara lid-djalogu ta' bejn Pristina u Belgrad; ifakkar li l-uffiċċji ta' kollegament kemm fil-Kosovo u kemm fis-Serbja għandhom jiġu informati kif suppost 48 siegħa qabel tali żjarat;

36.  Jinnota t-titjib tat-trasport stradali u l-infrastruttura tal-mobilità, b'mod partikolari fir-rigward tal-awtostradi, kif ukoll l-adozzjoni riċenti tal-pakkett tal-IPA II tal-2015, li jinkludi l-proġett maġġuri tal-infrastruttura ferrovjarja tal-Kosovo; jiddispjaċih, madankollu, minħabba l-ispejjeż għoljin; jittama li l-ftehim riċenti ta' self iffirmat bejn il-Kosovo u l-Bank Ewropew tal-Investiment għall-modernizzazzjoni tal-parti tal-Kosovo tan-netwerk tar-Rotta Ferrovjarja Ewropea 10 jista' jagħti spinta lil pjan komprensiv għat-titjib tat-trasport pubbliku u għall-immodernizzar tal-infrastruttura ferrovjarja; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo – fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni għamlet l-aġenda tal-konnettività waħda mill-ogħla prijoritajiet tagħha u tqisha bħala l-fattur ewlieni għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun – jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u malajr tal-istandards tekniċi u l-miżuri mhux legalment vinkolanti fil-qasam tat-trasport li ġew miftiehma matul is-Summit tal-Balkani tal-Punent tal-2015 fi Vjenna;

37.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni prekarja attwali tal-enerġija tal-Kosovo, li qed ikollha impatt negattiv fuq il-ħajja ta' kuljum; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-livell attwali tat-telfiet tal-elettriku u tad-dannu kummerċjali riżultanti huwa għoli ħafna minħabba li l-grilja qed teqdiem, u jitlob li jsiru riformi maġġuri biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika u s-sigurtà tal-provvista permezz ta' investiment fir-rijabilitazzjoni tan-netwerk tal-grilja eżistenti tal-elettriku, peress li grilja tal-elettriku funzjonali hija prerekwiżit għall-kumpaniji nazzjonali u barranin li jkunu jixtiequ jistabbilixxu negozju fil-Kosovo; iħeġġeġ lill-Uffiċċju Regolatorju tal-Enerġija jkun aktar flessibbli meta jkun qed jagħti l-liċenzji u l-awtorizzazzjonijiet lil investituri privati ġodda fis-settur tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli. jieħu nota tal-ftehim milħuq dwar il-bini tal-impjant tal-elettriku l-ġdid tal-Kosovo flimkien mal-kumpanija tal-Istati Uniti Contour Global, li se jkollu l-kapaċità li jiġġenera 500 MW, u jitlob li jkun hemm proċess trasparenti flimkien ma' valutazzjoni tal-impatt soċjali u ambjentali tal-proġett, b'konformità sħiħa mal-istandards tal-UE;

38.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna kif ukoll lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Kosovo.