Proċedura : 2016/2537(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0177/2016

Testi mressqa :

B8-0177/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 04/02/2016 - 8.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0048

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 414kWORD 74k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0146/2016
1.2.2016
PE576.538v01-00
 
B8-0177/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Libja (2016/2537(RSP))


Elmar Brok, Cristian Dan Preda, Andrej Plenković, Mariya Gabriel, David McAllister, Tunne Kelam, Michael Gahler, Barbara Matera, Daniel Caspary, Davor Ivo Stier, Roberta Metsola, Kinga Gál, Adam Szejnfeld, Therese Comodini Cachia, Traian Ungureanu, Lorenzo Cesa, Dariusz Rosati, Tokia Saïfi, Lara Comi, Milan Zver, Ramón Luis Valcárcel Siso f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Libja (2016/2537(RSP))  
B8-0177/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Libja,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Jannar 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, inkluża r-riżoluzzjoni 2259 (2015),

–  wara li kkunsidra l-iffirmar fis-17 ta' Diċembru 2015 tal-Ftehim Politiku Libjan fi Skhirat, il-Marokk,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-19 ta' Jannar 2016 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

–  wara li kkunsidra l-mandati rispettivi tal-Missjoni ta' Appoġġ tan-NU fil-Libja (UNSMIL) u tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Libja ilha mifnija mill-instabbiltà, ġlied intern u settarjaniżmu sa mill-waqgħa tad-dittatur, il-Kurunell Muammar Gaddafi fl-2011;

B.  billi minkejja l-elezzjonijiet parlamentari nazzjonali f'Ġunju 2014, l-aspirazzjonijiet li l-waqgħa tal-Kurunell Gaddafi ġabet magħha għall-poplu Libjan ġew imfixkla mill-firda politika u l-vjolenza; billi fi Tripli u Tobruk rispettivament qegħdin joperaw gvernijiet u parlamenti rivali;

C.  billi l-Ftehim Politiku Libjan ġie ffirmat fis-17 ta' Diċembru 2015 bħala parti minn proċess għall-unifikazzjoni tal-pajjiż u għall-ħolqien ta' gvern u proċess politiku inklużivi, stabbli u sostenibbli;

D.  billi l-parlament Libjan ta' Tobruk fil-25 ta' Jannar 2016 irrifjuta l-gvern ta' unità appoġġat min-NU, filwaqt li fl-istess ħin aprova l-Ftehim Politiku Libjan li jipprevedi bażi għal tranżizzjoni politika fil-pajjiż;

E.  billi l-vojt politiku u n-nuqqas ta' gvern stabbli ġew sfruttati mid-Daesh u forzi estremisti oħrajn, li qegħdin jheddu l-paċi u s-sigurtà fir-reġjun kollu;

F.  billi l-ġlied reċenti ffaċilita ferm it-tixrid u l-insedjament ta' gruppi terroristiċi bħad-Daesh fil-pajjiż; billi, jekk ma jiġix indirizzat, dan jista' jirrappreżenta theddida kbira għas-sigurtà tar-reġjun u għall-UE; billi d-Daesh wettaq attakki kbar fuq faċilitajiet taż-żejt ewlenin fil-Libja;

G.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem qiegħda tkompli tmur lura fil-pajjiż kollu, inklużi każijiet ta' detenzjoni arbitrarja, ħtif, qtil illegali, tortura u vjolenza kontra ġurnalisti, uffiċjali, figuri politiċi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; billi s-sitwazzjoni kaotika fil-Libja għamlitha possibbli għat-traffikanti li jisfruttaw lir-refuġjati li qegħdin jippruvaw jaslu l-Ewropa;

1.  Jappoġġa l-Ftehim Politiku Libjan iffirmat fis-17 ta' Diċembru 2015, u jilqa' l-formazzjoni tal-Kunsill Presidenzjali;

2.  Jappoġġa lill-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali bħala l-gvern leġittimu tal-Libja, u jinkoraġġixxi lill-atturi kollha, kif ukoll lill-pajjiżi terzi, jaċċettaw l-awtorità tiegħu;

3.  Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni meħuda mill-parlament ta' Tobruk li jirrifjuta lill-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali; jemmen li l-approvazzjoni tal-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali hija pass ewlieni fl-implimentazzjoni tal-Ftehim Politiku Libjan;

4.  Għadu mħasseb ħafna dwar il-kriżi umanitarja li qiegħda tikber fil-Libja; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jwaqqfu l-vjolenza, joqogħdu lura milli jieħdu azzjonijiet li joħolqu aktar firda u polarizzazzjoni, u jfittxu soluzzjonijiet permezz ta' djalogu politiku;

5.  Jinsab inkwetat serjament dwar il-preżenza dejjem tikber ta' organizzazzjonijiet u movimenti estremisti fil-Libja; jemmen li dawn il-gruppi jirrappreżentaw theddida kbira għall-istabbiltà u s-sigurtà tar-reġjun kollu, u anke għas-sigurtà tal-Ewropa;

6.  Jinsab imħasseb dwar il-konsegwenzi relatati mas-sigurtà li l-kunflitt Libjan jista' jkollu fuq l-Eġittu u b'mod partikolari it-Tuneżija, iżda wkoll fuq l-Alġerija u l-bjar taż-żejt tagħha; jenfasizza r-rwol tal-kunflitt Libjan fiż-żieda tal-estremiżmu fit-Tuneżija; jappella lill-UE ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mat-Tuneżija fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u żżid l-appoġġ tagħha għat-tranżizzjoni soċjoekonomika fit-Tuneżija;

7.  Jissottolinja l-impatt destabbilizzanti li l-kunflitt Libjan qiegħed ikollu fuq pajjiżi oħra fir-reġjun tas-Saħel; jenfasizza li l-porożità tal-fruntieri Libjani, kif ukoll in-nuqqas ta' kontroll politiku ċentrali ffaċilitaw ħafna l-proliferazzjoni u t-traffikar ta' armi, kif ukoll il-moviment liberu tal-gruppi armati; jappella lill-pajjiżi tal-viċinat u lil atturi reġjonali oħra jappoġġaw l-isforzi tal-UNSMIL indirizzati lejn id-djalogu u biex joqogħdu lura minn kwalunkwe azzjoni li tmur kontra dan;

8.  Jappoġġa l-operazzjoni EUNAVFOR MED Sophia fl-isforzi tagħha biex tindirizza l-fluss ta' refuġjati u t-traffikanti li jisfruttawhom; ifakkar li s-suċċess ta' din l-operazzjoni huwa marbut b'mod dirett mas-sostenibbiltà tad-djalogu politiku fil-Libja u l-ħtieġa li jerġa' jkun hemm il-paċi u l-istabbiltà fil-pajjiż; jappella biex dan il-ftehim jippermetti lill-missjoni tal-UE twettaq operazzjonijiet fl-ilmijiet territorjali Libjani minnufih;

9.  Jappella għat-tkomplija tal-għajnuna umanitarja, finanzjarja u politika mill-UE u l-komunità internazzjonali biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni umanitarja fil-Libja, il-qagħda mwiegħra tal-persuni spustati internatament u tar-refuġjati u dik taċ-ċivili li qegħdin jaffaċċjaw taqlib fl-aċċess għas-servizzi bażiċi;

10.  Jikkundanna l-attakki mid-Daesh fuq l-infrastrutturi taż-żejt tal-Libja; ifakkar li d-dipendenza żejda tal-Libja fuq l-industrija tal-idrokarburi qiegħda żżid il-vulnerabbiltà ekonomika tagħha; jemmen li l-irkupru ekonomiku huwa pass importanti għat-tranżizzjoni demokratika tal-Libja;

11.  Jissottolinja s-sens ta' responsabbiltà Libjana tal-proċess politiku u l-importanza tal-inklużività kontinwa tiegħu, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni kontinwa tan-nisa, tas-soċjetà ċivili, u tal-atturi politiċi u lokali;

12.  Jilqa' l-ħidma tal-UNSMIL u tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Martin Kobler;

13.  Jappella lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jikkoordinaw l-azzjoni tal-Istati Membri fil-Libja u jikkonċentraw l-appoġġ tagħhom fuq il-bini tal-istat u l-bini tal-istituzzjonijiet, u flimkien mal-Istati Membri, in-NU, in-NATO u s-sħab reġjonali, jgħinu fil-ħolqien ta' forzi tas-sigurtà effikaċi u taħt kmand u kontroll nazzjonali (forzi armati u forzi tal-pulizija) li jistgħu jiżguraw il-paċi u l-ordni fil-pajjiż, kif ukoll jagħtu l-appoġġ tagħhom għall-bidu ta' ftehim ta' waqfien mill-ġlied u jfasslu mekkaniżmu għall-monitoraġġ tiegħu; jenfasizza li l-UE għandha tagħti prijorità lill-għajnuna għar-rifoma tas-sistema ġudizzjarja Libjana, kif ukoll għal setturi kruċjali oħra għall-governanza demokratika;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern Libjan u lill-Kamra tad-Deputati Libjana, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lil-Lega Għarbija u lill-Unjoni Afrikana.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza