Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0178/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0178/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Libja

1.2.2016 - (2016/2537(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Victor Boştinaru, Knut Fleckenstein, Ana Gomes, Richard Howitt, Pier Antonio Panzeri, Nikos Androulakis, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, Goffredo Maria Bettini, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Nicola Caputo, Andi Cristea, Miriam Dalli, Viorica Dăncilă, Nicola Danti, Isabella De Monte, Tanja Fajon, Eugen Freund, Doru-Claudian Frunzulică, Eider Gardiazabal Rubial, Enrico Gasbarra, Neena Gill, Theresa Griffin, Enrique Guerrero Salom, Sergio Gutiérrez Prieto, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Kashetu Kyenge, Miltiadis Kyrkos, Javi López, Juan Fernando López Aguilar, Andrejs Mamikins, Costas Mavrides, Marlene Mizzi, Luigi Morgano, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Momchil Nekov, Péter Niedermüller, Demetris Papadakis, Vincent Peillon, Pina Picierno, Tonino Picula, Kati Piri, Miroslav Poche, Soraya Post, Gabriele Preuß, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Tibor Szanyi, Marc Tarabella, Elena Valenciano, Julie Ward, Josef Weidenholzer, Carlos Zorrinho f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0146/2016

Proċedura : 2016/2537(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0178/2016
Testi mressqa :
B8-0178/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0178/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Libja

(2016/2537(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Libja, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Settembru 2011[1], tat-22 ta' Novembru 2012[2], tat-18 ta' Settembru 2014[3] u tal-15 ta' Jannar 2015[4],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar il-Libja tat-30 ta' April, tas-26 u s-27 ta' Mejju, tat-30 ta' Ġunju, tat-12 ta' Lulju, tas-17 ta' Awwissu 2015, tat-13 u t-22 ta' Settembru, tad-9 ta' Ottubru, u tad-19 u s-26 ta' Novembru 2015, u tas-7 ta' Jannar 2016,

–  wara li kkunsidra r-rimarki tal-VP/RGħ tal-11 ta' Mejju, tal-20 ta' Lulju, tat-12 ta' Ottubru, tal-4 ta' Novembru, tal-14 u s-17 ta' Diċembru 2015, u tat-8 ta' Jannar 2016,

–  wara li kkunsidra dikjarazzjoni tal-VP/RGħ f'isem l-UE dwar l-iffirmar tal-Ftehim Politiku Libjan fis-17 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-30 ta' Awwissu, tal-20 ta' Ottubru, tas-17 u t-18 ta' Novembru, u tal-15 ta' Diċembru 2014, tad-19 ta' Jannar, tad-9 ta' Frar, tas-16 ta' Marzu u tat-12 ta' Ottubru 2015, u tat-18 ta' Jannar 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta dwar il-Libja ta' Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti tas-17 ta' Frar 2015 u d-dikjarazzjoni konġunta tal-Alġerija, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Marokk, il-Qatar, Spanja, it-Tuneżija, it-Turkija, l-Emirati Għarab Magħquda, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u l-VP/RGħ tad-19 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1970 (2011), 1973 (2011), 2174 (2014) u 2259 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tas-26 ta' Frar 2015 dwar il-Missjoni ta' Appoġġ tan-NU fil-Libja (UNSMIL),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Politiku Libjan iffirmat fi Skhirat, il-Marokk, fis-17 ta' Diċembru 2015 dwar l-iffurmar ta' Gvern ta' Kunsens Nazzjonali (GNA),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-UNSMIL tal-4 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja, u l-aġġornamenti tiegħu tas-27 ta' Diċembru 2014 u tat-12 ta' Jannar u s-16 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom tal-1977, u l-obbligu tal-partijiet f'kunflitt armat li jirrispettaw u jiżguraw li jiġi rispettat id-dritt umanitarju internazzjonali f'kull ċirkustanza,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/233/PESK tat-22 ta' Mejju 2013 li permezz tagħha nħolqot il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya)[5],

–  wara li kkunsidra l-ħatra fl-4 ta' Novembru 2015 ta' Martin Kobler bħala r-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għal-Libja,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja fl-2013 u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni[6], tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar ir-Rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja fl-2014 u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni[7], u tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-isfidi fir-rigward tas-sigurtà fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq u l-prospettivi ta' stabbiltà politika[8],

–  wara li kkunsidra l-Komunikat ta' Ruma tat-13 ta' Diċembru 2015 b'appoġġ għall-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali bħala l-uniku gvern leġittimu tal-Libja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Ftehim Politiku Libjan jirrappreżenta opportunità unika biex tibda tiġi indirizzata s-sitwazzjoni insostenibbli fil-Libja u t-tbatija tal-poplu tagħha, u biex jinbena stat ċivili demokratiku permezz ta' kunsens nazzjonali;

B.  billi l-perkors politiku tad-djalogu Libjan involva membri ewleni tal-proċess ta' demokratizzazzjoni tal-Libja, b'mod partikolari membri tal-Kamra tad-Deputati, tal-Kungress Nazzjonali Ġenerali u tal-Kunsill Transizzjonali Nazzjonali, billi partijiet ikkonċernati indipendenti oħra bħall-kunsilli muniċipali, il-partiti politiċi, il-mexxejja tribali u l-organizzazzjonijiet tan-nisa kkontribwew għall-promozzjoni ta' rikonċiljazzjoni ġenwina;

C.  billi l-Ftehim Politiku Libjan għandu l-għan li jiżgura d-drittijiet demokratiċi tal-poplu Libjan, jistabbilixxi gvern kunsenswali msejjes fuq il-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri, u jagħti s-setgħa lill-istituzzjonijiet tal-Istat bħall-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali biex jindirizzaw l-isfidi kollha li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-Libja u l-poplu Libjan;

D.  billi r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU kklassifikaw lil Daesh, Ansar Al Sharia u Al-Qaeda, li kollha huma preżenti fil-Libja, bħala organizzazzjonijiet terroristiċi;

E.  billi l-governanza tal-Istat, id-drittijiet tal-bniedem u s-sitwazzjoni umanitarja fil-pajjiż iddeterjoraw filwaqt li qed tiżdied il-vjolenza u li l-ambjent politiku qed isir dejjem aktar volatili; billi f'Jannar 2016 l-Aġenzija għar-Rifuġjati tan-NU (UNHCR) stmat li madwar 435 000 ruħ ġew spostati madwar il-Libja kollha; billi, barra minn hekk, il-Libja għadha tospita mijiet ta' eluf ta' rifuġjati u persuni li jfittxu l-asil ta' nazzjonalitajiet differenti, li ħafna minnhom qed jgħixu f'kundizzjonijiet prekarji; billi l-Libja saret pajjiż ta' transitu għat-traffikar tal-bnedmin, u dan wassal biex mietu eluf ta' persuni huma u jippruvaw jaqsmu l-Mediterran biex jaslu l-Ewropa;

F.  billi l-Libja għadha mdaħħla f'każijiet ta' vjolenza, f'diversi kunflitti armati, fi gwerer ta' intensità baxxa u fi gwerer li fihom parti waħda tiġġieled f'isem ħaddieħor, li qed jaffettwaw lil diversi reġjuni u qed jikkontribwixxu għal deterjorament ġenerali tal-ordni pubbliku; billi l-ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali, l-abbużi mifruxa, bħal eżekuzzjonijiet sommarji u qtil ieħor, id-detenzjoni arbitrarja, it-tortura u trattament krudili, inumani jew degradanti ieħor, għadhom jitwettqu u jistgħu biss idewmu l-implimentazzjoni tal-ftehim u jikkompromettu t-transizzjoni demokratika;

1.  Jilqa' l-iffirmar tal-Ftehim Politiku Libjan dwar l-iffurmar tal-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali bħala l-uniku gvern leġittimu tal-Libja, li jikkonsisti mill-Kunsill Presidenzjali – immexxi minn Fayyez al-Sarraj – u l-Kabinett, appoġġat mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-istat, inklużi l-Kamra tad-Deputati u l-Kunsill tal-Istat;

2.  Iħeġġeġ lill-Kamra tad-Deputati u lill-Presidenza tagħha juru spirtu ta' kompromess u jkomplu jiddiskutu l-lista tal-Kabinett bl-għan li jiġi approvat il-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali kif previst fil-Ftehim Politiku Libjan;

3.  Jissottolinja s-sjieda Libjana tal-Ftehim Politiku Libjan; jisħaq fuq l-importanza tal-implimentazzjoni tiegħu in buona fede, b'rieda politika soda u b'inklużività; jinnota li l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu tipprovdi l-għodod meħtieġa biex jiġu indirizzati l-isfidi urġenti tar-riforma u l-bini tal-istituzzjonijiet tal-istat, tal-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt, tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, tat-titjib tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-indirizzar tal-fenomenu tal-migrazzjoni, tal-ġlieda kontra t-traffikanti u tal-istimular tat-tkabbir ekonomiku;

4.  Jappoġġa bis-sħiħ l-isforzi ta' medjazzjoni mwettqa mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għal-Libja, Martin Kobler, bl-għan li tiġi ffaċilitata soluzzjoni politika mmexxija mil-Libja billi jintlaħaq ftehim innegozjat li jirrisolvi l-kriżi u jiżgura l-għaqda, il-governabilità, l-istabilità u l-paċi; jemmen, f'dan ir-rigward, li proċess ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali huwa essenzjali għal soċjetà futura paċifika, demokratika u inklużiva fil-Libja, u jinkoraġġixxi lill-komunità internazzjonali, b'mod partikolari lin-NU, b'appoġġ effettiv mill-UE, biex tmexxi dak il-proċess; jitlob lill-UE timponi sanzjonijiet immirati bħal projbizzjonijiet tal-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi kontra individwi u organizzazzjonijiet li jibbojkottjaw il-Ftehim Politiku Libjan;

5.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Libjan u jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza u l-attakki terroristiċi kollha, fosthom dawk l-aktar reċenti, u l-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem li jirriżultaw mill-ġlied u l-operazzjonijiet militari; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar it-tbatija tal-popolazzjoni ċivili Libjana u tal-migranti, il-persuni espatrijati u r-rifuġjati kollha maqbuda fil-Libja; jinnota li l-ġlied fil-Libja wassal biex mietu mijiet ta' ċivili, għal spostamenti tal-massa u għal kundizzjonijiet umanitarji terribbli; itenni l-appoġġ tiegħu għall-ħidma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) bħala għajnuna biex tinbena mill-ġdid is-sistema tal-ġustizzja u jesprimi r-rieda tiegħu li jikkoopera magħha biex tintemm l-impunità għad-delitti l-aktar serji; huwa tal-fehma li huwa kruċjali li l-atturi rilevanti kollha fil-Libja jikkooperaw mal-QKI;

6.  Ifakkar li l-partijiet kollha fil-Libja jridu jimpenjaw ruħhom favur il-protezzjoni taċ-ċivili f'kull ħin, u li d-detenuti kollha għandhom jiġu ttrattati b'konformità mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; ifakkar li l-attakki intenzjonalment diretti kontra l-persunal involut fl-assistenza umanitarja jew f'missjoni ta' żamma tal-paċi b'konformità mal-Karta tan-NU u intiża għall-protezzjoni taċ-ċivili jew ta' beni ċivili skont id-dritt internazzjonali dwar il-kunflitt armat, jikkostitwixxu delitti tal-gwerra skont l-Istatut ta' Ruma tal-QKI;

7.  Jistieden lill-pajjiżi tal-viċinat u lill-atturi reġjonali ma jiħdux azzjonijiet li jistgħu jaggravaw diviżjonijiet u jikkompromettu t-transizzjoni demokratika tal-Libja, u jappoġġjaw bis-sħiħ lill-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali bħala l-uniku gvern leġittimu tal-Libja; jirrimarka li l-persuni li attivament qed joħolqu ostakli għal Gvern ta' Kunsens Nazzjonali qed jiksru r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Libja u jridu jiffaċċjaw il-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħhom; jemmen li l-UE għandha tuża l-għodod tad-diplomazija u tal-politika barranija tagħha, fl-ambitu tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) u politiki oħra bħal dawk dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni, biex tinkoraġġixxi lil pajjiżi fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq jinvolvu ruħhom b'mod pożittiv fil-proċess ta' transizzjoni fil-Libja; jemmen, ukoll, li l-UE u l-Istati Membri tagħha m'għandhomx jibqgħu siekta rigward l-appoġġ provdut minn xi atturi fir-reġjun lil fazzjonijiet fi gwerra fil-Libja u lil gruppi terroristiċi li jużaw it-territorju Libjan għall-gwerer li fihom parti waħda tiġġieled f'isem ħaddieħor; jilqa' r-rwol ta' faċilitazzjoni tal-Alġerija, it-Tuneżija u l-Marokk, u jfakkar fl-importanza ta' Libja stabbli għall-istabilità u s-sigurtà tar-reġjun kollu;

8.  Jitlob lill-Istati Membri kollha jappoġġaw bis-sħiħ l-isforzi tal-VP/RGħ u jaħdmu mal-awtoritajiet Libjani, l-UE u l-UNSMIL biex jiżviluppaw pakkett koordinat ta' miżuri b'appoġġ għall-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali, filwaqt li jirrispettaw il-prijoritajiet u t-talbiet tal-Libja; jistieden ukoll lill-Istati Membri ma jimplimentawx politiki u attivitajiet nazzjonali fil-Libja li b'xi mod jistgħu jmorru kontra l-isforzi tal-UE u dawk internazzjonali; huwa tal-fehma li l-UE ġġorr responsabilità kbira vis-à-vis r-riabilitazzjoni, ir-rikostruzzjoni u t-transizzjoni demokratika tal-Libja, u jemmen li huwa biss permezz ta' strateġija Ewropea miftiehma, magħquda u mfassla b'attenzjoni li l-UE tkun tista' tikkontribwixxi b'mod konsistenti u pożittiv għall-paċi u l-istabilità fil-Libja; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-appoġġ għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà (RSS) huwa kruċjali biex tiġi żgurata governanza demokratika, u li l-Istati Membri jridu jkunu lesti jimpenjaw ruħhom li jappoġġaw bis-sħiħ dan l-isforz fil-post fuq talba tal-awtoritajiet Libjani; jinnota li dan huwa kompletament konformi mal-ħtiġijiet u l-interessi ta' sigurtà tal-Unjoni stess;

9.  Jilqa' l-pakkett ta' għajnuna ta' EUR 100 miljun imħabbar mill-UE; jenfasizza, madankollu, l-importanza li jiġu rduppjati l-fondi umanitarja biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet l-aktar urġenti ta' dawk li ġew affettwati serjament mill-kunflitt fil-Libja; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu pprovduti fondi biex jgħinu lill-organizzazzjonijiet umanitarji jivvalutaw aħjar is-sitwazzjoni u jtejbu r-rispons tagħhom għall-ħtiġijiet fil-post; jirrimarka li, ladarba fil-poter, il-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali għandu l-leġittimità li jirkupra l-assi Libjani li nżammu barra l-pajjiż mill-perjodu ta' Gaddafi 'l hawn;

10.  Ifakkar fir-rwol ċentrali tad-dimensjoni parlamentari fir-rigward ta' soluzzjoni politika għall-kriżi; jenfasizza li l-korpi tal-Parlament Ewropew u l-membri tiegħu jistgħu jaqsmu l-esperjenza istituzzjonali tagħhom ma' atturi Libjani sabiex jappoġġawhom fil-ħidma tagħhom favur djalogu politiku inklużiv;

11.  Jesprimi tħassib serju dwar it-theddida li qed tikber minn gruppi terroristiċi għas-sovranità, l-unità nazzjonali u t-transizzjoni demokratika tal-Libja; itenni l-kundanna qawwija tiegħu tal-estremiżmu, it-terroriżmu u l-vjolenza fil-forom u l-manifestazzjonijiet kollha tagħhom u irrispettivament mill-motivazzjonijiet għalihom; jenfasizza l-ħtieġa ta' assistenza lill-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali fir-rispons għat-theddid għas-sigurtà Libjana u ta' appoġġ lill-gvern il-ġdid biex jegħleb lil Daesh, Ansar al-Sharia u l-gruppi kollha assoċjati ma' Al-Qaeda li qed joperaw fil-Libja; jilqa' d-deċiżjoni li jitwaqqaf Kumitat ta' Sigurtà Temporanju biex jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-arranġamenti ta' sigurtà definiti fil-Ftehim Politiku Libjan;

12.  Għadu mħasseb dwar il-proliferazzjoni ta' armi, munizzjon u splussivi u l-kuntrabandu tal-armi, li joħolqu riskju għall-popolazzjoni u għall-istabilità tal-Libja u tar-reġjun; jinnota bi tħassib kbir it-tisħiħ ta' ċentru terroristiku fin-Nofsinhar tal-Libja u r-riskju li dan jista' jġib miegħu bħala bażi ta' taħriġ għal Daesh jekk ma jittiħdux miżuri immedjati; jinnota li huwa fl-interess tas-sigurtà tal-Ewropa stess li tappoġġa lill-awtoritajiet Libjani fl-eradikazzjoni tat-terroristi minn arthom, fit-twaqqaf tal-fluss ta' armi, fid-dekummissjonar tal-armi kollha f'idejn gruppi privati, u fiż-żarmar tal-gruppi armati jew in-netwerks kriminali kollha li joperaw fil-Libja jew permezz tagħha;

13.  Jissottolinja l-ħtieġa li jittieħdu passi immedjati biex jiġu żarmati l-gruppi armati kollha, jitnaqqas il-fluss ta' armi fil-pajjiż u jiġu affrontati b'mod aktar dirett l-atturi reġjonali li qed jikkontribwixxu għall-kunflitt billi jipprovdu armi jew appoġġ militari ieħor; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-fatt li konsenji ta' armi lil-Libja jistgħu jispiċċaw f'idejn il-persuni ħżiena; jafferma mill-ġdid li l-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali jrid ikun l-uniku korp awtorizzat li jimporta armi u munizzjon, b'konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Libja, inklużi r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jenfasizza l-ħtieġa ta' armata unika, robusta nazzjonali li tkun taħt il-kontroll tal-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali u tkun kapaċi tikkontrolla t-territorju kollu tal-Libja u l-ilmijiet tagħha, tiggarantixxi s-sigurtà tal-fruntieri tagħha u tiġġieled kontra theddid intern u estern;

14.  Ifakkar fl-impenn qawwi tal-UE favur is-sovranità, l-indipendenza, l-unità u l-integrità territorjali tal-Libja; ifakkar fir-riżoluzzjonijiet 2174 (2014) u 2213 (2015), li jwessgħu s-sanzjonijiet internazzjonali eżistenti kontra l-Libja biex jinkludu r-responsabbiltà kriminali ta' persuni li jinvolvu ruħhom fi, jew jappoġġaw, atti li "jheddu l-paċi, l-istabilità jew is-sigurtà tal-Libja, jew li jxekklu jew jikkompromettu t-tlestija b'suċċess tat-transizzjoni politika tagħha";

15.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati n-newtralità u l-indipendenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji u petroliferi, taħt l-awtorità tal-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali, u b'mod partikolari tal-Bank Ċentrali tal-Libja (CBL), il-Kumpanija Nazzjonali taż-Żejt (NOC) u l-Awtorità tal-Investiment Libjana (LIA); jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li dawn l-istituzzjonijiet joperaw b'mod trasparenti u responsabbli, anke fir-rigward tal-irkupru ta' assi misruqa tal-istat għall-benefiċċju tal-Libjani kollha u tal-gvern demokratiku;

16.  Itenni t-talba tiegħu lill-VP/RGħ biex tirrieżamina l-mandat tal-Missjoni tal-UE ta' Assistenza fil-Fruntieri (EUBAM) fil-Libja, li attwalment hija sospiża u stazzjonata fit-Tuneżija, sabiex titqies is-sitwazzjoni li qed tinbidel fil-pajjiż u bil-ħsieb li titfassal missjoni tal-PSDK koordinata sew biex topera flimkien mal-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali, in-NU u sħab reġjonali; huwa tal-fehma li missjoni tal-PSDK għandu jkollha l-għan li tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Ftehim Politiku Libjan, għandha tagħti prijorità lir-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà (RSS) u lid-Diżarm, Demobilizzazzjoni u Reintegrazzjoni (DDR), u għandha tirrispondi għal ħtiġijiet urġenti oħra relatati mal-governanza inklużiva;

17.  Jesprimi l-ħtieġa li jintgħażlu oqsma ta' nfiq b'attenzjoni, fid-dawl tal-instabilità li tikkaratterizza lil ħafna pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran, u tar-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV); jesprimi l-fehma li l-Istrument Ewropew tal-Viċinat (ENI) 2014-2020 għandu jinkludi, bħala prijoritajiet, attivitajiet bl-għan li jappoġġaw il-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi għat-transizzjoni, inklużi l-ħolqien ta' impjiegi u t-taħriġ vokazzjonali għaż-żgħażagħ u n-nisa Libjani, id-djalogu interkulturali u interreliġjuż, u l-kompetenza teknika għal monitoraġġ aħjar tal-fruntieri;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali tal-Libja, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Lega Għarbija u lill-Unjoni Afrikana.