Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0180/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0180/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Libja

1.2.2016 - (2016/2537(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Javier Couso Permuy, Sabine Lösing, Paloma López Bermejo, Neoklis Sylikiotis, Fabio De Masi, Ángela Vallina, Sofia Sakorafa, Kostas Chrysogonos, Stelios Kouloglou, Kostadinka Kuneva f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2016/2537(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0180/2016
Testi mressqa :
B8-0180/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0180/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Libja

(2016/2537(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2009 (2011) tas-16 ta' Settembreu 2011, 1973 (2011) tas-17 ta' Marzu 2011, 2017 (2011) tal-31 ta' Ottubru 2011, 2022 (2011) tat-2 ta' Diċembru 2011, 2040 (2012) tat-13 ta' Marzu 2012, 2174 (2014) tas-27 ta' Awwissu 2014, 2238 (2015) tal-10 ta' Settembru 2015 u 2259 (2015) tat-23 ta' Diċembru 2015 dwar il-Libja,

–  wara li kkunsidra l-ħatra, fl-4 ta' Novembru 2015, ta' Martin Kobler bħala r-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-30 ta' Awwissu, tal-20 ta' Ottubru, tas-17 u t-18 ta' Novembru, u tal-15 ta' Diċembru 2014, tad-19 ta' Jannar, tad-9 ta' Frar, tas-16 ta' Marzu u tat-12 ta' Ottubru 2015 u tat-18 ta' Jannar 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar il-Libja tat-30 ta' April, tas-26 u s-27 ta' Mejju, tat-30 ta' Ġunju, tat-12 ta' Lulju, tas-17 ta' Awwissu 2015, tat-13 u t-22 ta' Settembru, tad-9 ta' Ottubru, u tad-19 u s-26 ta' Novembru 2015 u tas-7 ta' Jannar 2016, u dikjarazzjoni tagħha dwar l-iffirmar tal-Ftehim Politiku Libjan fis-17 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom tal-1977, u l-obbligu li għandhom il-partijiet involuti f'kunflitt armat li jirrispettaw u jiżguraw li jiġi rispettat id-dritt umanitarju internazzjonali f'kull ċirkustanza,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja (UNSMIL), ir-rapport konġunt tal-4 ta' Settembru 2014 tal-UNSMIL u l-Uffiċċju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u l-liġi umanitarja internazzjonali filwaqt li għadha għaddejja vjolenza fil-Libja, u l-aġġornamenti tagħha tas-27 ta' Diċembru 2014 u tat-12 ta' Jannar u s-16 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/233/PESK tat-22 ta' Mejju 2013 li permezz tagħha nħolqot il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya)[1],

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Politiku Libjan iffirmat fis-17 ta' Diċembru 2015 li jinkludi ftehim dwar Gvern ta' Kunsens Nazzjonali (GNA),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Settembru 2011[2], tat-18 ta' Settembru 2014[3] u tal-15 ta' Jannar 2015[4] dwar is-sitwazzjoni fil-Libja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-intervent tan-NATO, inkluż l-iskjerament fil-Libja tal-Armata Franċiża u tas-Servizzi Speċjali tal-Ajru (SAS) tar-Renju Unit fl-2011, ikkaġuna l-mewt ta' ċivili innoċenti, kriżi umanitarja u qerda enormi li wasslu biex ikun destabilizzat b'mod komplet l-istat Libjan; billi l-vjolenza li qed teskala ġabet lil-Libja fi stat ta' kaos u gwerra totali b'impatt negattiv fil-pajjiżi ġirien;

B.  billi, wara l-kunflitt fil-pajjiż, żewġ gvernijiet rivali qed jiddikjaraw li huma l-gvern leġittimu: il-Kungress Nazzjonali Ġenerali (GNC), elett fl-2012 u bbażat fi Tripli, u l-Kamra tar-Rappreżentanti (HOR), li ġiet eletta f'Ġunju 2014 u li marret lejn Tobruk wara li forzi tal-milizzja ħadu kontroll tal-akbar żewġt ibliet tal-pajjiż, u li hi rikonoxxuta mill-parti l-kbira tal-komunità internazzjonali;

C.  billi wara 14-il xahar ta' negozjati taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti, dawn iż-żewġ partijiet iffirmaw il-Ftehim Politiku Libjan fis-17 ta' Diċembru 2015 dwar, inter alia, il-formazzjoni ta' Gvern ta' Kunsens Nazzjonali, li għandu jkun ibbażat fi Tripli; billi fil-25 ta' Jannar 2016 il-gvern appoġġjat min-NU ma ġiex milqugħ mill-Kamra tar-Rappreżentanti Libjana;

D.  billi l-kunflitti armati u atti oħra ta' vjolenza madwar il-pajjiż u l-vjolazzjonijiet u l-abbużi tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali qed jippersistu u kkawżaw mijiet ta' mwiet, spostament tal-massa ta' persuni u kriżi umanitarja f'ħafna żoni; billi skont in-NU aktar minn 2.4 miljun ruħ jeħtieġu għajnuna umanitarja immedjata, madwar 435 000 Libjan ġew spustati internament minħabba l-ġlied, u 150 000 persuna oħra, inkluż ħafna ħaddiema migranti, telqu mill-pajjiż biex ifittxu rifuġju f'pajjiżi ġirien bħat-Tuneżija, u b'hekk poġġew il-kapaċitajiet tagħha taħt pressjoni;

E.  billi ħafna migranti, partikolarment dawk mill-Afrika sub-Saħarjana, ġew suġġetti għal detenzjoni arbitrarja minn diversi gruppi armati fil-pajjiż; billi eluf ta' migranti u rifuġjati, li kienu qed jaħarbu l-vjolenza fil-Libja, ġew irrappurtati li mietu waqt li kienu qed jippruvaw jaqsmu l-Mediterran lejn l-Ewropa;

F.  billi l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku (IS) u gruppi li wiegħdu lealtà lejh, Ansar al-Sharia u gruppi armati oħra assoċjati ma' Al-Qaida tfaċċaw f'dan il-kaos u qed jieħdu vantaġġ mill-proliferazzjoni ta' armi fil-pajjiż wara l-intervent militari u ż-żieda fit-tul ta' żmien ta' vojt fil-poter fil-pajjiż;

G.  billi l-eskalazzjoni tal-ġlieda dwar l-imħażen taż-żejt u l-portijiet qed isseħħ fil-Lvant tal-pajjiż li hu sinjur f'dak li għandu x'jaqsam maż-żejt, li bil-provi għandu l-għaxar l-ikbar riżervi taż-żejt fid-dinja u l-ikbar riżervi fl-Afrika; billi fil-21 ta' Jannar 2016, militanti tal-IS taw in-nar lit-tankijiet ta' ħżin taż-żejt f'attakk fuq it-terminal Ras Lanuf tal-Libja; billi, ġimagħtejn qabel, kunflitti bejn l-IS u l-Gwardja tal-Faċilitajiet taż-Żejt, li jikkontrollaw iż-żona madwar Es Sider u Ras Lanuf, ħallew seba' tankijiet tal-ħżin taż-żejt maħruqin min-nirien u mill-inqas 18-il gwardjan mejta;

H.  billi l-armata tal-Istati Uniti ddikjarat li hija meħtieġa azzjoni militari urġenti u deċiżiva biex titwaqqaf il-firxa tal-IS fil-Libja; billi l-pajjiżi ġirien bħall-Alġerija qegħdin jirrifjutaw kwalunkwe intervent militari barrani ulterjuri fil-Libja; billi ħafna pajjiżi tal-Punent jidhru li huma favur il-formazzjoni ta' Gvern ta' Kunsens Nazzjonali, mhux minħabba l-interess tagħhom biex tinstab soluzzjoni politika għas-sitwazzjoni, iżda biex jiġġustifikaw intervent militari barrani ulterjuri fil-pajjiż, din id-darba bl-iskuża tal-ġlieda kontra l-IS;

I.  billi intervent militari ieħor se jżid il-qerda tal-pajjiż u d-destabilizzazzjoni tar-reġjun; billi kwalunkwe intervent militari barrani jintuża mill-IS għal aktar reklutaġġ;

J.  billi madwar 3 000 Tuneżin u mijiet ta' Marokkini huma maħsuba li ffirmaw bħala ġiħadisti fil-Libja; billi l-IS reċentement ħabbar li kien qed jipprova jirrekluta aktar ġiħadisti mill-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq sabiex jestendi l-influwenza tiegħu fuq il-kontinent; billi bħala reazzjoni għall-fluss enormi u mhux tas-soltu ta' Marokkini minn Casablanca li għaddew mill-Alġerija f'direzzjoni lejn il-Libja, mijiet ta' ċittadini Marokkini mingħajr residenza legali fil-Libja ġew imwaqqfa mill-awtoritajiet Alġerini; billi l-Alġerija għadha kemm ikkanċellat it-titjiriet kummerċjali kollha fil-Libja;

K.  billi sadattant l-armi fornuti lill-hekk imsejħa ribelli nfirxu madwar it-Tramuntana kollha tal-Afrika kollha u ntużaw f'kunflitti u għad-destabbilizzazzjoni ta' pajjiżi bħar-Repubblika Ċentru-Afrikana u l-Mali, u tfaċċaw ukoll fl-Alġerija;

L.  billi fl-2011 il-membri tan-NATO taw appoġġ sostanzjali lil waħda mill-partijiet involuti fil-kunflitt Libjan – u dan jikkostitwixxi ksur tal-liġi internazzjonali – filwaqt li ddikjaraw li ż-żona ta' divjet ta' titjiriet u l-forniment ta' armi lill-(hekk imsejħa) ribelli jkun konformi mal-kunċett ta' "responsabbiltà ta' protezzjoni" (R2P);

M.  billi l-Libja għadha soġġetta għall-embargo internazzjonali fuq l-armi impost fl-2011 mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; billi minkejja dan, il-membri u l-alleati tan-NATO (li huma l-Istati Uniti, Franza, ir-Renju Unit, il-Qatar u l-Emirati Għarab Magħquda) kisru l-embargo fuq l-armi; billi minkejja l-embargo, il-fluss ta' armi lejn il-Libja għadu għaddej;

N.  billi l-Kunsill tal-Ministri esprima fil-konklużjonijiet tiegħu tat-18 ta' Jannar 2016 li l-UE hija lesta tappoġġja lill-awtoritajiet Libjani li jirriżultaw mill-GNA fir-riforma tas-settur tas-sigurtà; billi f'Mejju 2013 l-UE stabbiliet il-Missjoni tal-UE ta' Assistenza fil-Fruntieri (EUBAM Libya) bl-għan li tipprovdi appoġġ militari lill-awtoritajiet Libjani fil-protezzjoni u l-kontroll tal-fruntieri; billi l-prijorità ta' din il-missjoni hija li tipprevjeni l-fluss ta' rifuġjati u ta' migrazzjoni lejn l-Ewropa u li tqiegħed il-bjar u l-impjanti taż-żejt taħt il-kontroll tal-istat; billi, bi spiża ta' EUR 30 miljun, EUBAM Libya hija l-missjoni l-aktar għalja li qatt nediet l-UE; billi nofs il-baġit qed jintefaq fuq kumpaniji tas-sigurtà privati;

O.  billi l-unità tal-istat Libjan hija mhedda u hemm riskju reali ta' separazzjoni jekk soluzzjoni ta' kompromess, flimkien ma' proċess inklużiv ta' rikonċiljazzjoni, ma tiġix implimentata malajr;

P.  billi 80 % tal-PDG tal-Libja jiddependi mis-settur taż-żejt tagħha; billi l-produzzjoni taż-żejt kienet tammonta għal 1.6 miljun barmil kuljum (bpd) qabel l-intervent tal-NATO, u billi issa tammonta għal madwar 360 000 bpd u aktarx taqa' ħafna iktar bħala riżultat tal-attakki reċenti fuq it-tankijiet u l-infrastruttura taż-żejt; billi, skont l-istimi mill-Korporazzjoni Nazzjonali taż-Żejt (NOC), il-Libja tilfet aktar minn USD 68 biljun f'telf ta' dħul miż-żejt mill-2013 'l hawn biss;

1.  Jinnota l-iffirmar tal-Ftehim Politiku Libjan dwar il-formazzjoni ta’ Gvern ta' Kunsens Nazzjonali; jinnota bi tħassib li dan il-gvern diġà ġie miċħud mill-Kamra tar-Rappreżentanti Libjana;

2.  Jesprimi tħassib kbir dwar id-diżintegrazzjoni ekonomika u politika attwali tal-pajjiż, li qed taggrava s-sitwazzjoni fraġli tal-popolazzjoni; itenni l-kundanna tiegħu tal-intervent militari fil-Libja tal-2011 immexxi minn Franza, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u l-Kanada taħt il-patroċinju tan-NATO bl-iskuża tal-hekk imsejħa dottrina tar-"responsabilità ta' protezzjoni", li wasslet għas-sitwazzjoni attwali; huwa konvint li dan l-intervent militari barrani kien il-bażi tal-kawża biex żviluppat is-sitwazzjoni attwali tal-qerda tal-Libja u d-destabbilizzazzjoni tar-reġjun;

3.  Huwa mħasseb ħafna dwar il-preżenza tal-IS fil-Libja, preċiżament madwar Sirte; jikkundanna l-atti terroristiċi kollha li twettqu fil-Libja minn gruppi li ddikjaraw lealtà lill-IS, inklużi dawk imwettqa minn individwi jew gruppi assoċjati mal-IS jew ma' Al-Qaida;

4.  Jopponi bil-qawwa kull intervent militari ieħor estern fil-pajjiż; jinsab imħasseb ħafna dwar ir-rapporti ta' intervent ieħor militari ppjanat fil-pajjiż mill-Istati Uniti, Franza, ir-Renju Unit u l-Italja; iwissi dwar il-konsegwenzi ta' intervent barrani ġdid; jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu favur is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Libja;

5.  Jiċħad l-użu tal-kunċett tar-"responsabbiltà ta' protezzjoni", peress li jikser il-liġi internazzjonali u ma joffrix bażi ġuridika xierqa sabiex jiġi ġġustifikat l-użu unilaterali tal-forza, f'ħafna każijiet bil-għan ta' bidla fir-reġim; jikkundanna r-rwol ta' uffiċjal tal-pulizija globali li assumew unilateralment stati b'saħħithom bħall-Istati Uniti jew in-NATO; jikkundanna wkoll l-hekk imsejħa attakki mill-ajru selettivi u l-introduzzjoni ta' truppi barranin fil-post; jikkundanna t-tentattiv tan-NATO li tissostitwixxi l-kompiti ta' paċifikazzjoni u stabbilizzazzjoni li jistgħu jiġu implimentati biss permezz ta' konsensus wiesa' fil-qafas tal-Assemblea Ġenerali tan-NU;

6.  Jiddeplora l-vjolenza li għaddejja bħalissa fil-Libja; jikkundanna l-użu tal-vjolenza, li wasslet għal ammont kbir ta' korrimenti, imwiet jew spostamenti ta' ċivili; jitlob li dawk responsabbli għal vjolazzjonijiet jew abbużi tad-drittijiet tal-bniedem jew għal vjolazzjonijiet tal-liġi umanitarja internazzjonali jinżammu responsabbli għal għemilhom;

7.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jieqfu mill-vjolazzjoni tal-liġi internazzjonali, b'mod partikolari l-atti kollha li jistgħu jissarfu f'delitti tal-gwerra jew delitti kontra l-umanità, inklużi attakki indiskriminati, attakki fuq faċilitajiet mediċi, każijiet ta' għajbien infurzat, omiċidju, teħid ta' ostaġġi, tortura u maltrattament ieħor; ifakkar lill-partijiet kollha involuti fil-ġlied fil-Libja li huma marbuta mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali; ifakkar li l-partijiet kollha għandhom jirrispettaw il-projbizzjoni ta' attakki diretti fuq ċivili u faċilitajiet ċivili bħal sptarijiet, skejjel, ajruporti u portijiet;

8.  Jinkuraġġixxi lill-pajjiżi tar-reġjun, lil-Lega Għarbija u lill-Unjoni Afrikana jappoġġjaw il-kontinwazzjoni tal-impenn kostruttiv bejn il-partijiet bil-ħsieb li tinkiseb soluzzjoni; jinkoraġġixxi, b'mod partikolari, lill-istati tas-Saħel u tal-Magreb u l-Maxreq sabiex jikkoordinaw l-isforzi tagħhom biex iżommu lill-gruppi terroristiċi milli jaqsmu l-fruntieri u jfittxu rifuġju fir-reġjun tas-Saħel; jitlob lil dawn l-istati jsaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni sabiex jiżviluppaw strateġiji inklużivi u effettivi għall-prevenzjoni tal-espansjoni ta' dawk il-gruppi u biex jipprevjenu l-proliferazzjoni tal-armi kollha u l-kriminalità transnazzjonali organizzata fir-reġjun, inkluż it-traffikar tad-drogi; japprova, f'dan ir-rigward, is-sejħa tal-Gvern Alġerin għal aktar kooperazzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet fost il-pajjiżi fir-reġjun;

9.  Jitlob li jitwaqqfu l-esportazzjonijiet u l-fornimenti kollha ta' armi lil-Libja u lir-reġjun, li jitwaqqfu l-esportazzjonijiet tal-armi lejn l-istati tal-Golf, u li jitwaqqaf il-finanzjament lill-milizzji kollha mill-istati tal-Golf u indirettament mill-pajjiżi tal-Punent, li jfisser, b'mod partikolari, it-tmiem tax-xiri ta' żejt minn bjar taż-żejt immexxija mill-milizzji; jitlob li ssir investigazzjoni dwar vjolazzjonijiet tal-embargo fuq l-armi impost bir-riżoluzzjoni 1970 (2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

10.  Itenni l-appoġġ tiegħu għad-dritt inaljenabbli tal-popli kollha li jkollhom aċċess għar-riżorsi ta' pajjiżhom stess u kontroll fuqhom; jikkundanna, għalhekk, l-attakki fuq l-infrastrutturi taż-żejt importanti, li huma essenzjali għall-ġid tal-popolazzjoni Libjana; jikkundanna wkoll kull involviment f'kummerċ dirett jew indirett, b'mod partikolari fiż-żejt u l-prodotti taż-żejt, raffineriji modulari u materjal relatat, inklużi sustanzi kimiċi u lubrikanti, mal-IS jew ma' gruppi assoċjati ma' Al-Qaida; ifakkar li ż-żejt Libjan huwa proprjetà tal-poplu Libjan u m'għandu jiġi manipulat minn ebda grupp;

11.  Iqis li l-UE għandha tirrevedi b'mod drastiku l-politika esterna tagħha, b'mod partikolari l-istrateġija tagħha lejn in-Nofsinhar tal-Mediterran, bħala parti mir-rieżami attwali tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), fid-dawl tal-falliment tagħha; jitlob lill-UE tistabbilixxi qafas ġdid għar-relazzjonijiet ma' dawn il-pajjiżi u r-reġjuni abbażi ta' nuqqas ta' intervent fl-affarijiet interni tagħhom u rispett għas-sovranità tagħhom, u bl-għan li tappoġġja l-iżvilupp ta' reġjuni ġirien, aktar milli "ftehimiet ta' assoċjazzjoni" li jservu prinċipalment biex jiġu stabbiliti żoni ta' kummerċ ħieles li jibbenefikaw interessi tal-kumpaniji fuq in-naħa Ewropea, jew interventi militari bil-għan li tissaħħaħ l-influwenza ġeopolitika tagħhom fir-reġjun;

12.  Ifakkar fil-fatt li l-UE, ħafna mill-Istati Membri tagħha u l-Istati Uniti, li għal deċennji appoġġjaw lil Gaddafi, u aktar tard l-intervent militari tan-NATO fil-Libja, iġorru responsabbiltà partikolari għas-sitwazzjoni attwali fil-Libja;

13.  Jesprimi tħassib kbir rigward il-kriżi umanitarja fil-Libja li ġiegħlet lil eluf ta' rifuġjati jaħarbu mill-pajjiż; iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ jagħmlu disponibbli r-riżorsi finanzjarji u umanitarji kollha meħtieġa sabiex jgħinu lir-rifuġjati; jenfasizza l-ħtieġa li tingħata għajnuna umanitarja adegwata lill-persuni li ġew spustati; jiċħad il-pjanijiet li jiġu skjerati forzi tal-EUNAVFOR Sophia f'ibħra territorjali; jitlob lill-UE tibdel minnufih il-politika tagħha dwar ir-rifuġjati mit-Tramuntana tal-Afrika; jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu kontra Frontex u jemmen li, f'konformità mal-prinċipju ta' non-refoulement, minqux fl-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-operat tagħha m'għandux jirriżulta fir-ritorn ta' persuni fil-Libja jew fi kwalunkwe pajjiż fejn ħajjithom tkun fir-riskju;

14.  Jitlob lill-UE twaqqaf it-tnedija mill-ġdid tal-missjoni EUBAM Libya, peress li din tkompli timmilitarizza l-fruntiera Libjana u twassal għall-mewt tar-rifuġjati; jemmen li l-UE jeħtiġilha tibgħat biss għajnuna umanitarja u ċivili lil-Libja;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-presidenti u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Missjoni tal-UE ta' Assistenza fil-Fruntieri (EUBAM) fil-Libja, lill-Missjoni ta’ Appoġġ tan-NU fil-Libja, lill-Kamra tar-Rappreżentanti u lill-Kungress Nazzjonali Ġenerali Libjan, lil-Lega Għarbija u lill-Unjoni Afrikana.