MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Libja
1.2.2016 - (2016/2537(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Libja, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Settembru 2011[1], tat-22 ta' Novembru 2012[2], tat-18 ta' Settembru 2014[3] u tal-15 ta' Jannar 2015[4],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet reċenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Federica Mogherini dwar il-Libja, inklużi dawk tas-7 u tad-19 ta' Jannar 2016,
– wara li kkunsidra dikjarazzjoni tal-VP/RGħ f'isem l-UE dwar l-iffirmar tal-Ftehim Politiku Libjan,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-15 ta' Diċembru 2014, tad-9 ta' Frar, tas-16 ta' Marzu u tat-12 ta' Ottubru 2015, u tat-18 ta' Jannar 2016,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1970 (2011), 1973 (2011), 2174 (2014), 2238 (2015), 2240 (2015) u 2259 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/233/PESK tat-22 ta' Mejju 2013 li permezz tagħha nħolqot il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya)[5],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/778 tat-18 ta’ Mejju 2015 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED)[6], u t-tnedija tat-tieni fażi tal-operazzjoni kontra l-kuntrabandisti tal-bnedmin (Operazzjoni Sophia) fis-7 ta’ Ottubru 2015,
– wara li kkunsidra stqarrija konġunta maħruġa fit-13 ta’ Diċembru 2015 wara l-Laqgħa Ministerjali għal-Libja f’Ruma,
– wara li kkunsidra l-ħatra tar-Rappreżentant Speċjali l-ġdid tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja fl-4 ta’ Novembru 2015,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fis-17 ta’ Diċembru 2015, fil-kuntest tad-djalogu politiku Libjan iffaċilitat min-NU, delegati Libjani ffirmaw ftehim politiku f'Skhirat, fil-Marokk;
B. billi fid-19 ta’ Jannar 2016, il-Kunsill Presidenzjali Libjan ħabbar il-formazzjoni ta’ Gvern ġdid ta’ Kunsens Nazzjonali bil-għan li jingħaqdu l-fazzjonijiet rivali tal-pajjiż taħt il-Ftehim Politiku Libjan; billi seba’ biss mid-disa’ Membri tal-Kunsill iffirmaw id-dokument, li semma' total ta’ 32 ministri, inkluż mara waħda;
C. billi żewġ terzi tal-leġiżlatura kellhom japprovaw l-amministrazzjoni l-ġdida fi żmien 10 ijiem sabiex din tkun tista’ tibda twettaq il-ħidma tagħha, iżda fil-25 ta’ Jannar 2016 il-Kamra tar-Rappreżentanti esprimiet riżervi dwar l-Artikolu 8 tal-Ftehim u ċaħdet il-kabinett propost mill-Kunsill Presidenzjali, li jistabbilixxi data ta’ skadenza ta’ 10 ijiem għas-sottomissjoni ta’ proposta ġdida;
D. billi fil-Laqgħa Ministerjali għal-Libja li saret f’Ruma f’Diċembru 2015, diversi atturi, inkluż il-Lega Għarbija, in-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Afrikana u l-Unjoni Ewropea, wegħdu l-appoġġ tagħhom lill-Gvern ta’ Kunsens Nazzjonali bħala l-uniku gvern leġittimu tal-Libja, u qalu li huma kienu ser iwaqqfu kuntatti uffiċjali ma’ individwi u istituzzjonijiet mhux validati mill-Ftehim Politiku Libjan u jirrifjutaw kwalunkwe indħil barrani fil-proċess Libjan;
E. billi għadd ta’ attakki terroristiċi riċenti tal-ISIS/Daesh, inkluż attakk fuq ċentru tat-taħriġ fi Zliten fis-7 ta’ Jannar 2016 u attakki oħra fuq infrastrutturi taż-żejt u faċilitajiet ta’ ħażna, juru żieda fl-attività mill-grupp terroristiku fil-pajjiż; billi sa 3 000 ġellieda tal-ISIS/Daesh issa huma allegatament residenti fil-belt ta’ Sirte, u l-grupp terroristiku qed jespandi l-influwenza tiegħu tul il-kosta tal-Mediterran; billi kien hemm żieda fil-ġellieda barranin li jivvjaġġaw biex jingħaqdu ma’ organizzazzjonijiet terroristiċi fil-Libja;
F. billi n-nuqqas tal-istat tad-dritt u l-livelli għoljin ta’ vjolenza fil-Libja, flimkien mal-proliferazzjoni ta’ armi u vojt fil-poter, ippermettew li gruppi estremisti vjolenti, bħall-Istat Iżlamiku, al-Qaeda u Ansar al-Shariah fil-Libja (ASL) jirnexxu; billi dawn l-organizzazzjonijiet terroristiċi qed jużaw il-Libja bħala post li joffrilhom kenn minn fejn jinbdew operazzjonijiet kontra pajjiżi ġirien, u l-Libja saret destinazzjoni ġdida għal ġellieda ġiħadisti barranin;
G. billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Libja tibqa’ instabbli ħafna, mhux biss minħabba l-preżenza ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi iżda wkoll minħabba l-preżenza ta’ gruppi ta’ milizzja li qed jiġġieldu għall-kontroll ta’ rotot tal-kuntrabandu u ċentri ta’ riżorsi ewlenin; billi l-fruntieri Libjani jibqgħu estremament porużi u permeabbli għat-traffikar tal-armi u tal-bnedmin;
H. billi s-sitwazzjoni attwali fil-Libja hija l-prodott ta’ sensiela ta’ żbalji sinifikanti, li jmorru lura għall-intervent militari tal-2011; billi bosta atturi internazzjonali wrew biċ-ċar l-intenzjoni tagħhom li jippromwovu kampanja militari ġdid kontra l-ISIS/Daesh fil-Libja ladarba l-gvern ġdid ikun fil-poter, u l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, Franza u l-Italja allegatament bdew iwittu t-triq għal intervent bħal dan; billi, fl-istess ħin, diversi atturi Libjani għamluha ċara li huma kontra intervent barrani u li l-għajnuna tkun milqugħa f’forma ta’ appoġġ loġistiku u tekniku biss;
I. billi minn Lulju 2014, il-Libja rat inkwiet ċivili bla waqfien minħabba l-ġlied bejn milizzji rivali, li rriżulta fl-ispostament ta’ madwar 440 000 persuna; billi l-kondizzjonijiet tas-sigurtà jibqgħu estremament volatili u hemm fluss kontinwu ta’ migranti li kienu qed jippruvaw jilħqu l-pajjiżi ġirien u n-naħa l-oħra tal-Mediterran; billi l-2015 kienet l-iktar sena qattiela s’issa għal migranti li jaqsmu l-Mediterran, fejn il-parti l-kbira ta’ dawn l-imwiet seħħew tul rotta perikoluża tal-Mediterran Ċentrali użata minn kuntrabandisti li jaħdmu mil-Libja; billi fl-2015 aktar minn 144 000 migrant li ppruvaw jaqsmu bil-baħar, li l-biċċa l-kbira minnhom vjaġġaw mil-Libja;
J. billi l-Unjoni Ewropea hija lesta li tipprovdi lil-Libja b’pakkett ta’ għajnuna ta’ EUR 100 miljun ladarba l-gvern tal-unità jibda jaħdem fil-pajjiż; billi l-flus se jintużaw għal proġetti biex li se jiġu diskussi mal-Gvern ta’ Kunsens Nazzjonali;
K. billi għadd ta’ emails imnixxija jidhru li juru li l-ex Rappreżentant Speċjali tan-NU għal-Libja, Bernardino León, kien qed jaħdem f’koordinazzjoni mal-Emirati Għarab Magħquda, waħda mill-partijiet involuti fil-Libja, għall-parti l-kbira mill-mandat tiegħu, filwaqt li fl-istess ħin poġġa s-sisien għal pożizzjoni rimunerattiva fl-Emirates Diplomatic Academy;
L. billi differenzi eżistenti bejn il-Lvant u l-Punent tal-Libja ġew aggravati minħabba s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-pajjiż u, fin-nuqqas ta’ proċess ta’ suċċess li jwassal għal Gvern ta’ Kunsens Nazzjonali, l-integrità territorjali Libjana tista’ tkun f’riskju;
M. billi l-Libja tilfet USD 60 biljun fi produzzjoni u esportazzjonijiet bħala riżultat ta’ tfixkil f’portijiet u faċilitajiet taż-żejt matul dawn l-aħħar tliet snin, u attakki minn militanti tal-Istat Iżlamiku ikkawżaw ħsara enormi lill-industrija taż-żejt; billi l-Libja pproduċiet madwar 1.6 miljun barmil ta’ żejt kuljum (BOPD) qabel l- 2011, iżda issa huwa l-iżgħar produttur fl-Organizzazzjoni tal-Pajjiżi li Jesportaw iż-Żejt, b'biss 362 000 (BOPD);
1. Jilqa’ l-iffirmar, fis-17 ta’ Diċembru 2015, ta’ Ftehim Politiku Libjan u japprovah, iżda huwa konxju li dan il-pass huwa biss il-bidu ta’ proċess twil u diffiċli; iħeġġeġ il-ħidma tar-Rappreżentant Speċjali tan-NU Martin Kobler u l-Missjoni ta’ Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja (UNSMIL), u jappoġġja l-isforzi kontinwi tagħhom biex jiffaċilitaw id-djalogu bejn il-partijiet differenti;
2. Jiddispjaċih li l-ewwel proposta ta' kabinett tal-Kunsill Presidenzjali ġiet miċħuda mill-Kamra tar-Rappreżentanti, iżda fl-istess ħin jilqa’ l-approvazzjoni fil-prinċipju tal-ftehim politiku; jikkundanna bil-qawwa l-ħtif ta’ MP tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Mohamed al-Ra’id, u jsejjaħ lill-partijiet kollha influwenti biex jagħmlu kull sforz biex jiżguraw il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tiegħu; jopponi kwalunkwe strateġija implimentata minn kwalunkwe attur li ddgħajjef jew ixxekkel il-proċess politiku li jwassal għall-ħolqien ta’ Gvern ġdid ta’ Kunsens Nazzjonali;
3. Jistieden lill-partijiet kollha biex juru responsabbiltà u jiddefendi l-interessi tal-pajjiż, fuq kollox billi jappoġġaw il-ħolqien tal-gvern il-ġdid, li l-prijorità tiegħu se tkun li jintlaħaq ftehim mal-forzi non-ġiħadisti kollha fil-pajjiż u jikkoopera mal-partijiet kollha, inkluż it-tribujiet, gruppi etniċi, muniċipalitajiet u atturi lokali differenti, biex tiġi żgurata rikonċiljazzjoni nazzjonali u li joħloq kunsens sabiex jiġu indirizzati l-isfidi pendenti fil-Libja, inkluż is-sitwazzjoni umanitarja, l-isfidi ta’ sigurtà u l-kollass ekonomiku;
4. Jenfasizza li l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim għandha tkun proċess miftuħ u inklużiv f’idejn lil-Libjani; jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni kontinwa tas-soċjetà ċivili, in-nisa, l-atturi lokali, gruppi etniċi u rappreżentanti tat-tribujiet, inklużi t-tribujiet ta’ spiss minsija ta’ Fezzan — Toubou u Tuareg; jemmen li l-istabbiliment ta’ shura Libjana permanenti għad-djalogu politiku, li għandha tinkludi atturi kemm jista’ jkun, jista' jgħin biex jinħoloq kunsens politiku u tissaħħaħ il-leġittimità tal-Ftehim;
5. Jistieden lill-pajjiżi ġirien tal-Libja u lill-atturi reġjonali u internazzjonali biex jevitaw kwalunkwe azzjoni li tista’ ddgħajjef il-proċess Libjan u biex jirrispettaw bis-sħiħ ir-Riżoluzzjoni 2259 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u allura jwaqqfu l-appoġġ u l-kuntatt ma’ partijiet barra l-ftehim politiku; jemmen li l-atturi li ma jikkonformawx u li jkomplu jagħtu spinta, billi jappoġġjaw direttament jew indirettament fazzjoni fuq l-art jew grupp terroristiku, gwerra indiretta fil-Libja għandhom jiġu identifikati u jinżammu responsabbli;
6. Jikkundanna bil-qawwa l-aħħar attakki terroristiċi tal-ISIS/Daesh u jesprimi s-simpatija profonda u l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; itenni li l-ISIS/Daesh u gruppi terroristiċi oħra jirnexxu f’kaos u diżordni u huwa konvint li dawn ser jagħmlu dak kollu li huwa fis-setgħa tagħhom biex idgħajfu l-formazzjoni ta’ gvern nazzjonali; jemmen li gvern inklużiv li jħaddan l-istat tad-dritt u jipprovdi għall-bżonnijiet taċ-ċittadini tiegħu huwa l-aħjar mod biex jitwaqqaf it-tixrid ta’ sentimenti radikali u, fl-aħħar mill-aħħar, l-aħjar mod biex ikun miġġieled it-terroriżmu;
7. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-pakkett ta’ għajnuna tal-UE ta’ EUR 100 miljun bħala l-ewwel pass biex jgħin lill-gvern il-ġdid fl-implimentazzjoni tal-Ftehim; jistieden lill-Istati Membri ma jaġixxux individwalment iżda jappoġġjaw lill-VP/RGħ fil-formulazzjoni ta’ strateġija komprensiva, f’koordinazzjoni mal-UNSMIL u mal-awtoritajiet Libjani, biex jappoġġjaw it-tranżizzjoni u lill-Gvern Libjan il-ġdid; jemmen li r-riforma tas-settur tas-sigurtà (SSR) u d-diżarm, demobilizzazzjoni u reintegrazzjoni (DDR) huma prijorità għall-pajjiż, u jistieden lill-Kummissjoni, lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri biex ikunu lesti jipprovdu l-assistenza meħtieġa f’dawn l-oqsma jekk ikun mitlub mill-gvern il-ġdid;
8. Jemmen fil-ħtieġa ta’ żamma tan-newtralità tal-istituzzjonijiet Libjani, b’mod partikolari l-Bank Ċentrali u l-Korporazzjoni Nazzjonali taż-Żejt, filwaqt li jiġu żgurati t-trasparenza u r-responsabbiltà tagħhom sabiex jiġi żgurat li d-dħul miż-żejt ikun ta’ benefiċċju għall-poplu tal-Libja u ma jkomplix jitħeġġeġ il-kunflitt;
9. Huwa serjament imħasseb dwar il-possibbiltà li xi Stati Membri jistgħu jikkunsidraw intervent militari fil-Libja mingħajr mandat tal-UNSCR u/jew mingħajr talba ċara mill-Gvern Libjan; jiċħad tali possibbiltà, li tista’ tippreġudika b’mod serju l-awtorità tal-gvern il-ġdid u jista’ jkollha konsegwenzi drammatiċi; ifakkar li din is-sitwazzjoni kritika hija prinċipalment ir-riżultat tal-intervent irresponsabbli fil-Libja tal-2011 u li l-Istati Membri involuti għandhom responsabbiltà partikolari; jitlob biex ir-rieda tal-Libja rigward interventi possibbli fit-territorju tagħha tiġi rrispettata; jistieden lill-Istati Membri u lill-UE biex, minflok, jelaboraw strateġija ċara u koordinata b’appoġġ għat-tranżizzjoni politika, filwaqt li jfakkar li kien prinċipalment minħabba n-nuqqas ta’ approċċ unit li falla l-proċess tal-2011;
10. Jistieden lill-Gvern ta’ Kunsens Nazzjonali biex iżomm responsabbli lil dawk responsabbli għall-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u l-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż dawk involuti f’attakki kontra nies ċivili jew vjolenza sesswali, u biex jikkoopera bis-sħiħ u jipprovdi l-assistenza meħtieġa lill-Qorti Kriminali Internazzjonali u lill-Prosekutur, kif mitlub mir-Riżoluzzjoni 1970 (2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u mfakkar fir-Riżoluzzjoni 2238 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;
11. Huwa mħasseb ħafna dwar l-effetti sekondarji li l-instabbiltà fil-Libja jista’ jkollha fuq il-pajjiżi ġirien, speċjalment dawk li huma f’fażi ta’ tranżizzjoni, bħat-Tuneżija, u fuq ir-reġjun kollu kemm hu; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jagħtu attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni reġjonali u jinvestigaw, f’koordinazzjoni mal-pajjiżi kkonċernati, kontromiżuri possibbli;
12. Jitlob li jkun hemm rwol aktar inċiżiv għall-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntiera (EUBAM) fil-Libja; jemmen fil-ħtieġa li, bi sħab ma’ UNSMIL, il-Gvern il-ġdid ta’ Kunsens Nazzjonali u l-pajjiżi ġirien tal-Libja, tiġi definita strateġija konġunta għall-kontroll tal-fruntieri biex jiġi miġġieled il-fenomenu tal-armi u t-traffikar tal-bnedmin u l-fluss ta’ ġellieda barranin;
13. Jikkundanna l-kunflitt evidenti ta’ interess tal-ex Rappreżentant Speċjali tan-NU Bernardino León u n-nuqqas ta’ integrità tiegħu fit-twettieq ta’ xogħlu; ifakkar li, qabel ma nħatar Rappreżentant Speċjali tan-NU, is-Sur León serva wkoll bħala Rappreżentant Speċjali tal-UE għan-Nofsinhar tal-Mediterran; jemmen li l-azzjonijiet tiegħu imminaw il-kredibbiltà tan-NU, lill-UE u lill-komunità internazzjonali kollha kemm hi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ biex jidentifikaw mezzi biex tiġi evitata sitwazzjoni simili fil-ġejjieni, inkluż bl-introduzzjoni ta’ perjodi ta’ preklużjoni stretti; jiddeċiedi li jwettaq investigazzjoni dwar dan il-każ;
14. Ifakkar fl-impenn qawwi tal-UE lejn is-sovranità, l-indipendenza, l-unità u l-integrità territorjali tal-Libja; jemmen li l-gvern futur għandu jesplora l-possibbiltà li jiġu adottati arranġamenti istituzzjonali li jiżguraw ċertu livell ta’ awtonomija għall-identitajiet reġjonali u lokali, bħal gvern ta' tip federali;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern Libjan ta' Kunsens Nazzjonali, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Lega Għarbija u lill-Unjoni Afrikana.
- [1] ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 114.
- [2] ĠU C 419, 16.12.2015, p. 192.
- [3] Testi adottati, P8_TA(2014)0028.
- [4] Testi adottati, P8_TA(2015)0010.
- [5] ĠU L 138, 24.5.2013, p. 15.
- [6] ĠU L 122, 19.5.2015, p. 31.